IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 16 ta’ Mejju 2018

 

Katekeżi fuq il-Magħmudija. 6Imlibbsa mill-ġdid bi Kristu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum qed nagħlqu ċ-ċiklu ta’ katekeżi fuq il-Magħmudija. L-effetti spiritwali ta’ dan is-sagrament, li l-għajnejn ma jarawx imma jaħdmu fil-qalb ta’ min sar ħlejqa ġdida, joħorġu b’mod ċar fl-għoti tal-libsa bajda u tax-xemgħa mixgħula.

 

Wara t-tnissil mill-ġdid bil-ħasil fl-ilma, li kapaċi joħloq mill-ġdid lill-bniedem skont Alla fil-vera qdusija (ara Efes 4:24), dehret ħaġa naturali, sa mill-ewwel sekli, li l-imgħammdin ġodda jitlibbsu libsa ġdida, bajda, b’xebh mal-ġmiel tal-ħajja fi Kristu u fl-Ispirtu s-Santu. Il-libsa bajda, waqt li simbolikament tesprimi dak li seħħ fis-sagrament, tħabbar il-kundizzjoni ta’ dawk li jiġu mibdula fil-glorja divina.

 

Xi jfisser niġu mlibbsa mill-ġdid fi Kristu, ifakkarhulna San Pawl huwa u jfisser liema huma l-virtujiet li l-imgħammdin għandhom jitrawmu fihom: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:12-14).

 

Anki l-għoti ritwali tal-fjamma mixgħula mill-blandun tal-Għid ifakkar fl-effett tal-Magħmudija: “Ħudu d-dawl ta’ Kristu”, jgħid is-saċerdot. Dawn il-kelmiet ifakkruna li mhux aħna d-dawl, imma d-dawl hu Ġesù Kristu (Ġw 1:9; 12:46), li, imqajjem mill-imwiet, għeleb id-dlamijiet tal-ħażen. Aħna msejħin nilqgħu l-ġmiel tiegħu! Kif il-fjamma tal-blandun tagħti d-dawl lil kull xemgħa, hekk l-imħabba ta’ Kristu Rxoxt tkebbes il-qlub tal-imgħammdin, u timliehom bid-dawl u s-sħana tagħha. U għalhekk, sa mis-sekli bikrin, il-Magħmudija kienet tissejjaħ ukoll “tidwil” u min jiġi mgħammed kien jissejjaħ “l-imdawwal”.

 

Fil-fatt din hi s-sejħa Nisranija: “nimxu dejjem bħala wlied id-dawl, billi nżommu sħiħ fil-fidi” (ara Rit tal-inizjazzjoni Nisranija tal-adulti, n. 226; Ġw 12:36). Jekk huma trabi, hu dmir tal-ġenituri, flimkien mal-parrini, li jieħdu ħsieb iżommu mkebbsa x-xrara tal-grazzja tal-Magħmudija fiċ-ċkejknin tagħhom, billi jgħinuhom iżommu sħiħ fil-fidi (ara Rit tal-Magħmudija tat-Trabi, n. 73). “It-tfal għandhom jedd għall-edukazzjoni Nisranija; din trid tmexxihom ftit ftit biex jagħrfu l-pjan ta’ Alla fi Kristu; hekk ikunu jistgħu jħaddnu huma stess il-fidi li fiha ġew mgħammda” (ibid., Introduzzjoni, 3).

 

Il-preżenza ħajja ta’ Kristu, li rridu nieħdu ħsieb, inħarsu u nkabbru fina, hi musbieħ li jdawwal il-passi tagħna, dawl li jmexxi l-għażliet tagħna, fjamma li ssaħħan lil qlubna biex niltaqgħu mal-Mulej, u jkollna l-ħila ngħinu lil min miexi magħna, sax-xirka tagħna miegħu għal dejjem. Dakinhar, jgħidilna l-Apokalissi, “lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunux jeħtieġu dawl ta’ musbieħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem” (ara 22:5).

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija tagħlaq bit-talba tal-Missierna, li tingħad mill-komunità ta’ wlied Alla. Fil-fatt, it-tfal li jitwieldu mill-ġdid fil-Magħmudija, jirċievu l-milja tad-don tal-Ispirtu s-Santu fil-Konfirmazzjoni u jieħdu sehem fl-Ewkaristija, u hekk jitgħallmu xi jfisser iddur lejn Alla u ssejjaħlu “Missier”.

 

Fi tmiem din il-katekeżi fuq il-Magħmudija, nixtieq intenni lil kull wieħed u waħda minnkom l-istedina li esprimejt hekk fl-Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate: “Ħalli l-grazzja tal-Magħmudija tiegħek tħalli l-frott tagħha f’mixja ta’ qdusija. Agħmel li kollox f’ħajtek ikun miftuħ għal Alla u għalhekk agħżel lilu, agħżel dejjem mill-ġdid lil Alla. Taqtax qalbek, għax int għandek il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex dan jagħmlu possibbli, u l-qdusija, fl-aħħar mill-aħħar, hi l-frott tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tiegħek (ara Gal 5:22-23)” (n. 15).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard