Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum, nofs triq fil-Ġimgħa Mqaddsa, il-liturġija tlaqqagħna ma’ episodju ta’ swied il-qalb: ir-rakkont tat-tradiment ta’ Ġuda, li jmur għand il-kbarat tas-Sinedriju biex ibegħilhom u jgħaddilhom f’idejhom lill-Imgħallem tiegħu.  “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”.  Ġesù f’dak il-mument għandu prezz.  Dan l-att drammatiku jimmarka l-bidu tal-Passjoni ta’ Kristu, mixja ta’ tbatija li Hu jagħżel b’libertà assoluta.  Dan jgħidu b’mod ċar Hu stess: “Jien nagħti ħajti…  Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja.  Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha” (Ġw 10:17-18).  U hekk, b’dan it-tradiment, tibda dik it-triq ta’ l-umiljazzjoni, tat-tneżżigħ ta’ Ġesù.  Qisna qegħdin f’suq: dan jiswa tletin biċċa tal-fidda…  Ladarba jaqbad it-triq ta’ l-umiljazzjoni u tat-tneżżigħ, Ġesù jimxiha sa l-aħħar.

 

Ġesù jilħaq l-umiljazzjoni sħiħa tiegħu bil-“mewt fuq is-salib”.  Din hi l-agħar mewt, dik li tinżamm għall-ilsiera u d-delinkwenti.  Ġesù kien meqjus bħala profeta, imma jmut ta’ delinkwent.  Aħna u nħarsu lejn Ġesù fil-passjoni tiegħu, aħna naraw bħal f’mera t-tbatijiet ta’ l-umanità u nsibu t-tweġiba divina għall-misteru tal-ħażen, tat-tbatija, tal-mewt.  Tant drabi nħabbtu wiċċna ma’ l-orrur minħabba fil-ħażen u t-tbatija li hawn madwarna u nistaqsu: “Għaliex Alla jippermettih?”.  Hi ġerħa fonda għalina meta naraw it-tbatija u l-mewt, speċjalment dik ta’ l-innoċenti.  Meta naraw tfal ibatu, din hi ferita fil-qalb tagħna: hu l-misteru tal-ħażen.  U Ġesù jieħu fuqu dan il-ħażen kollu, din it-tbatija kollha.  Din il-ġimgħa ma nagħmlux ħażin jekk ilkoll inħarsu lejn il-Kurċifiss, inbusu l-pjagi ta’ Ġesù, inbusuhom fuq il-Kurċifiss.  Hu ħa fuqu t-tbatija kollha tal-bnedmin, libes din it-tbatija kollha.

 

Aħna nippretendu li Alla li jista’ kollox jeqred l-inġustizzja, il-ħażen, id-dnub u t-tbatija bit-trijonf ta’ rebħa divina.  Imma Alla jurina rebħa umli li umanament tidher falliment.  Nistgħu ngħidu li Alla jirbaħ fil-falliment!  L-Iben ta’ Alla, fil-fatt, jidher fuq is-salib bħala bniedem mirbuħ: ibati, hu ttradut, jiġi mgħajjar u fl-aħħar imut.  Imma Ġesù jħalli l-ħażen jolqtu u jieħdu fuqu nnifsu biex jirbħu.  Il-passjoni tiegħu m’hix inċident; il-mewt tiegħu – dik il-mewt – kienet “miktuba”.  Verament ma nsibux wisq spjegazzjonijiet.  Hu misteru li jħawwadna, il-misteru ta’ l-umiltà kbira ta’ Alla: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3:16).  Din il-ġimgħa ejjew naħsbu ħafna fit-tbatija ta’ Ġesù u ngħidu lilna nfusna: dan għamlu għalija.  Anki kieku jien kont l-unika persuna fid-dinja, Hu xorta kien jagħmlu.  Għamlu għalija.  Inbusu l-Kurċifiss u ngħidu: għalija, grazzi Ġesù, għalija.

 

Meta kollox jidher mitluf, meta ma jifdal ħadd għax jidorbu “r-ragħaj u l-merħla kollha tinfirex” (Mt 26:31), dak il-ħin jindaħal Alla bil-qawwa tal-qawmien.  Il-qawmien ta’ Ġesù m’hux il-final hieni ta’ ħrafa ħelwa, m’hux il-happy ending ta’ xi film; imma l-intervent ta’ Alla l-Missier hu sewwa sew hemm fejn hi misħuqa t-tama umana.  Meta kollox jidher mitluf, fil-waqt tat-tbatija, li fih tant persuni bħal donnhom iħossu l-bżonn li jinżlu mis-salib, dan hu l-iżjed waqt qrib tal-qawmien.  Il-lejl isir l-aktar mudlam propju qabel tbexbex l-għodwa, qabel jixref id-dawl.  Fl-aktar waqt mudlam jindaħal Alla u jagħti l-ħajja.

 

Ġesù, li għażel li jimxi din it-triq, isejħilna nimxu warajh fl-istess mixja tiegħu ta’ umiljazzjoni.  Meta f’xi waqtiet tal-ħajja ma nsibu l-ebda triq biex noħorġu mid-diffikultajiet tagħna, meta negħrqu fl-eħxen dalma, dan hu l-waqt ta’ l-umiljazzjoni tagħna fejn nitneżżgħu minn kollox, is-siegħa li fiha nħossuna dgħajfin u midinba.  Hu propju dak il-ħin, f’dak il-waqt, li ma rridux nilbsu maskra fuq il-falliment tagħna, imma kollna fiduċja għandna ninfetħu għat-tama f’Alla, kif għamel Ġesù.  Għeżież ħuti, f’din il-ġimgħa nagħmlu sew jekk naqbdu l-Kurċifiss f’idejna u nbusuh ħafna drabi, ħafna drabi u ngħidulu: Grazzi, Ġesù, grazzi, Mulej.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard