IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 16 ta’ Marzu 2016

 

10. Ħniena u Faraġ

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Fil-ktieb tal-profeta Ġeremija, il-kapitli 30 u 31 huma msejħin “ktieb il-faraġ”, għax fihom il-ħniena ta’ Alla tidher fil-qawwa kollha tagħha li tfarraġ u tiftaħ għat-tama qalb l-imġarrbin.  Il-lum aħna wkoll nixtiequ nisimgħu dan il-messaġġ ta’ faraġ.

 

Ġeremija jdur fuq l-Israeliti li sfaw eżiljati f’art barranija u jħabbar minn qabel ir-ritorn f’pajjiżhom.  Dan ir-ritorn hu sinjal ta’ l-imħabba bla tmiem ta’ Alla l-Missier li qatt ma jitlaq lil uliedu, imma jieħu ħsiebhom u jsalvahom.  L-eżilju kien esperjenza devastanti għal Israel.  Il-fidi kienet iddgħajfet għax f’art barranija, mingħajr it-Tempju, mingħajr il-kult, wara li kien ra lil pajjiżu meqrud, sabha bi tqila jkompli jemmen fit-tjieba tal-Mulej.  Tiġini f’moħħi l-Albanija qrib tagħna u kif wara tant persekuzzjoni u tifrik din irnexxielha tqum mill-ġdid fuq saqajha fid-dinjità u fil-fidi.  Hekk kienu batew l-Israeliti fl-eżilju.

 

Anki aħna nistgħu xi drabi ngħaddu minn xorta ta’ eżilju, meta s-solitudni, it-tbatija, il-mewt iġagħluna naħsbu li Alla telaqna waħidna.  Kemm drabi smajna din il-kelma: “Alla lili nsieni”: huma persuni li għaddejjin minn tbatija u qed iħossuhom mitluqa.  U kemm minn ħutna min-naħa l-oħra bħalissa għaddejjin minn sitwazzjoni reali u traġika ta’ eżilju, imbiegħda minn pajjiżhom, u quddiem għajnejhom għad għandhom l-irmied ta’ djarhom imfarrka, f’qalbhom il-biża’, u spiss, sfortunatament, in-niket għat-telfa ta’ persuni għeżież!  F’dawn il-każi wieħed jista’ jistaqsi: Fejn hu Alla?  Kif jista’ jkun li tant tbatija tista’ tolqot lil irġiel, nisa u tfal innoċenti?  U meta jippruvaw jidħlu f’xi parti oħra, jagħlqulhom il-bieb.  U jinsabu hemm, fuq il-fruntiera, għax ħafna bibien u ħafna qlub huma magħluqa għalihom.  L-immigranti tal-lum li qed ibatu l-kesħa, bla ikel, u ma jistgħux jidħlu, m’humiex iħossuhom milqugħa.  Kemm nieħu gost nara pajjiżi, gvernijiet li jiftħu qlubhom u bibienhom!

 

Il-profeta Ġeremija jagħtina l-ewwel tweġiba.  Il-poplu eżiljat jista’ jerġa’ lura biex jara l-art tiegħu u jduq il-ħniena tal-Mulej.  Din hi x-xandira l-kbira li tfarraġ: Alla m’huwiex assenti lanqas il-lum f’dawn is-sitwazzjonijiet drammatiċi, Alla hu qrib, u jwettaq għeġubijiet kbar ta’ salvazzjoni ma’ min jafda Fih.  Ma rridux naqgħu fid-disperazzjoni, imma nibqgħu fiż-żgur li t-tajjeb għad jirbaħ fuq il-ħażin u li l-Mulej se jixxotta kull demgħa u jeħlisna minn kull biża’.  Għalhekk Ġeremija jislef leħnu lill-kliem kollu mħabba ta’ Alla għall-poplu tiegħu:

 

Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek,

għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik.

Jien nerġanwaqqfek fuq riġlejk,

o xebba ta’ Israel, u inti tieqaf.

Terġatiżżejjen bit-tnabar tiegħek,

u toħroġ tiżfen ferrieħa (31:3-4).

 

Il-Mulej hu fidil, ma jitlaqniex għat-telfien.  Alla jħobb bi mħabba bla tmiem, li lanqas id-dnub ma jista’ jwaqqaf, u grazzi għaliH il-qalb tal-bniedem timtela bil-ferħ u bil-faraġ.

 

Il-ħolma farrâġa tar-ritorn lejn il-pajjiż tissokta fi kliem il-profeta, li jdur lura fuq dawk li għad jerġgħu lura lejn Ġerusalemm u jgħidilhom:

 

Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta’ Sijon,

u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej;

minħabba l-qamħ, u l-inbid ġdid u ż-żejt,

u l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar;

u huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb,

ma jkunux iżjed mifnija (31:12).

 

Fil-ferħ u bi gratitudni, l-eżiljati jerġgħu lura lejn Sijon, jitilgħu fuq l-għolja mqaddsa fid-dar ta’ Alla, u hekk jistgħu mill-ġdid jgħollu innijiet u talb lill-Mulej li ħelishom.  Dan ir-ritorn lejn Ġerusalemm u lejn il-ġid tagħhom hu mfisser b’verb li litteralment irid ifisser “inixxi, igelgel”.  Naraw lill-poplu, f’moviment paradossali, bħal xmara qawwija li tnixxi sa fuq l-għolja ta’ Sijon, u togħla sa fuq il-quċċata tal-muntanja.  Xbieha qawwija biex turi kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla!

 

L-art, li l-poplu kellu jħalli warajh, kienet saret priża ta’ l-għedewwa u sfat mitluqa.  Imma issa terġa’ tieħu l-ħajja u twarrad.  U l-eżiljati nfushom isiru bħal ġnien imsoqqi u maħdum, bħal art għammiela.  Israel, li l-Mulej reġġa’ lura f’daru, jara r-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt u tal-barka fuq is-saħta.

 

Huwa hekk li l-poplu jiġi msaħħaħ u mfarraġ mill-Mulej.  Din il-kelma hi importanti: imfarraġ!  Dawk li jerġgħu lura f’art twelidhom jirċievu l-ħajja minn għajn li ssaqqihom b’xejn.

 

Hawn, il-profeta jħabbar il-milja tal-ferħ, u dejjem f’isem Alla jxandar:

 

Jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena,

infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom” (31:13).

 

Is-salm jgħidilna li meta reġgħu lura f’arthom, ilsienhom inħall f’għajat ta’ ferħ; hu ferħ hekk kbir!  Hu d-don li l-Mulej jixtieq jagħmel anki lil kull wieħed u waħda minna, bil-maħfra tieħu li ddawwar il-qlub u terġa’ tħabbeb.

 

Il-profeta Ġeremija ħabbrilna, ippreżentalna r-ritorn ta’ l-eżiljati bħala simbolu kbir ta’ faraġ mogħti lill-qalb li tikkonverti.  Il-Mulej Ġesù, min-naħa tiegħu, wassal dan il-messaġġ tal-profeta fil-milja tiegħu.  Ir-ritorn veru u radikali mill-eżilju u d-dawl farrâġi wara d-dlam tal-kriżi tal-fidi, jitwettaq fl-Għid, fl-esperjenza sħiħa u defenittiva ta’ l-imħabba ta’ Alla, imħabba ħanina li tagħti l-ferħ, is-sliem u l-ħajja ta’ dejjem.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard