IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 15 ta’ Ottubru 2014

 

10.  Il-Knisja hija għarusa tistenna lill-għarus tagħha

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Matul dan iż-żmien tkellimna dwar il-Knisja, dwar ommna l-Knisja mqaddsa ġerarkika, il-poplu ta’ Alla li jinsab f’mixja.  Il-lum nixtiequ nistaqsu lilna nfusna: Imma fl-aħħar, x’sa jseħħ mill-poplu ta’ Alla?  X’ħa jiġri minn kull wieħed u waħda minna?  X’għandna nistennew?  L-Appostlu Pawlu għamel il-qalb lill-Insara tal-komunità ta’ Tessalonika, li kienu jagħmlu dawn l-istess mistoqsijiet, u wara l-argumentazzjoni tiegħu stqarrew dan il-kliem li hu fost l-isbaħ fit-Testment il-Ġdid: “Hekk inkunu dejjem mal-Mulej” (1 Tess 4:17).  Hu kliem sempliċi, imma mimli b’tama hekk kbira!  Hemm tifsira kbira f’dak li jgħid Ġwanni fil-ktieb ta’ l-Apokalissi, meta jerġa’ jaqbad l-intuwizzjoni tal-Profeti, u jfisser id-dimensjoni aħħarija, defenittiva, fit-termini ta’ “Ġerusalemm il-ġdida, nieżla mis-sema minn għand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha” (Apok 21:2).  Dan hu li hemm jistenniena!  Din, mela, hija l-Knisja: hi l-poplu ta’ Alla miexi wara l-Mulej Ġesù u li qed jitħejja jum wara l-ieħor għal-laqgħa miegħu, bħal għarusa ma’ għarustha.  U dan m’hux biss mod ta’ kif ngħidu l-affarijiet: din sa tkun festa tat-tieġ vera u propja!  Iva, għax Kristu, li sar bniedem bħalna u għamilna lkoll ħaġa waħda miegħu, bil-mewt u l-qawmien tiegħu, tassew tgħarras magħna u minna bħala poplu għamel l-għarusa tiegħu.  U dan m’hux ħlief it-twettiq tal-pjan ta’ komunjoni u ta’ mħabba li niseġ Alla matul l-istorja kollha, l-istorja tal-poplu ta’ Alla u anki l-istorja propja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Hu l-Mulej li jagħmel dan.

 

Hemm aspett ieħor, imma, li jżid ifarrġilna u jiftħilna qalbna: Ġwanni jgħidilna li fil-Knisja, għarusa ta’ Kristu, tidher “Ġerusalemm il-ġdida”.  Dan ifisser li l-Knisja, barra li hi għarusa, hi msejħa biex issir belt, simbolu per eċċellenza tal-konvivenza u tar-relazzjonalità umana.  Mela kemm hu sabiħ li nistgħu nikkontemplaw minn issa, skond xbieha oħra daqshekk ieħor suġġestiva ta’ l-Apokalissi, il-ġnus u l-popli kollha miġbura flimkien f’din il-belt, bħal f’tinda, “l-għamara ta’ Alla” (ara Apok 21:3)!  U f’din il-qagħda glorjuża ma jkunx hemm iżjed iżolamenti, abbużi ta’ poter u distinzjonijiet ta’ kwalunkwe tip – ta’ natura soċjali, etnika jew reliġjuża – imma nkunu lkoll ħaġa waħda fi Kristu.

 

Quddiem dan ix-xenarju liema bħalu u meraviljuż, qalbna ma tistax ma tħosshiex imwettqa b’mod qawwi fit-tama.  Araw kif it-tama Nisranija m’hix sempliċement xewqa, awgurju, m’hix ottimiżmu: għan-Nisrani, it-tama hi stennija, stennija mħeġġa, imqanqla tat-twettiq aħħari u defenittiv ta’ misteru, il-misteru ta’ l-imħabba ta’ Alla, li fih aħna twelidna mill-ġdid u diġà qed ngħixu.  U hi stennija ta’ xi ħadd li għoddu wasal: hu Kristu l-Mulej li qed joqrob dejjem lejna, jum wara jum, u li ġej biex sa fl-aħħar idaħħalna darba għal dejjem fil-milja tal-komunjoni tiegħu u tal-paċi tiegħu.  Il-Knisja għalhekk għandha d-dmir li żżomm mixgħul u f’post fejn jidher tajjeb il-musbieħ tat-tama, biex ikompli jiddi bħala sinjal żgur ta’ salvazzjoni li jdawwal il-bnedmin kollha fil-mixja li twassal għal-laqgħa mal-wiċċ kollu ħniena ta’ Alla.

 

Għeżież ħuti, araw mela x’aħna nistennew: li Ġesù jiġi lura!  Il-Knisja għarusa tistenna ’l-għarus tagħha!  Imma rridu nistaqsu lilna nfusna, b’ħafna sinċerità: aħna qed inkunu tassew xhieda hienja u kredibbli ta’ din l-istennija, ta’ din it-tama?  Il-komunitajiet tagħna għadhom jgħixu fis-sinjal tal-preżenza tal-Mulej Ġesù u fl-istennija mħeġġa tal-miġja tiegħu, jew donnhom għajjiena, imħeddla, mifluġa taħt it-toqol ta’ l-għeja u tar-rassenjazzjoni?  Qed nirriskjaw aħna wkoll li jinħlielna ż-żejt tal-fidi, u żejt il-hena?  Noqogħdu attenti!

 

Nitolbu lill-Verġni Marija, Omm it-tama u Sultana tas-Sema, biex iżżomm dejjem ħajja fina mġiba ta’ smigħ u ta’ stennija, biex hekk nistgħu nkunu minn issa mimlija bl-imħabba ta’ Kristu u jum wieħed għad nagħmlu parti mill-ferħ ta’ bla tmiem, fil-komunjoni sħiħa ta’ Alla, u tinsewx, qatt tinsew: “Hekk inkunu dejjem mal-Mulej!” (1 Tess 4:17).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard