IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 15 ta’ Ġunju 2016

 

23. Il-ħniena hi dawl (ara Lq 18:35-43)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Darba Ġesù, hu u dieħel Ġeriko, għamel miraklu meta radd lura d-dawl lil wieħed agħma li kien qed jittallab fit-triq (ara Lq 18:35-43). Il-lum nixtiequ nifhmu iżjed it-tifsira ta’ dan is-sinjal biex inħalluh imiss direttament lil qalbna. L-evanġelista Luqa jgħid li dak l-agħma kien bil-qiegħda jittallab mal-ġenb tat-triq (ara v. 35). Wieħed agħma f’dawk iż-żminijiet – imma anki sa mhux tant żmien ilu – kien jgħix biss fuq l-elemożina. Il-figura ta’ dan l-agħma tirrappreżenta tant persuni li, anki l-lum, isibu ruħhom imwarrbin minħabba f’xi żvantaġġ fiżiku jew ta’ xi għamla oħra. Hu mifrud mill-folla, jinsab mitfugħ hemm bil-qiegħda waqt li n-nies tgħaddi minn quddiemu mħabbta, mitlufa fil-ħsibijiet tagħha u f’tant ħwejjeġ oħra… U t-triq, li tista’ tkun post ta’ laqgħa, għalih hi l-post tas-solitudni. Tant nies għaddejjin… u hu hemm waħdu.

 

Kemm hi ta’ dwejjaq ix-xbieha ta’ l-emarġinat, fuq kollox f’belt bħalma hi Ġeriko, l-oasi sabiħa li twarrad fid-deżert. Nafu li kien propju f’Ġeriko li wasal il-poplu ta’ Israel fi tmiem l-eżodu twil tiegħu mill-Eġittu: dik il-belt tirrappreżenta l-bieb tad-dħul għall-Art imwiegħda. Niftakru fil-kliem li lissen Mosè f’dik iċ-ċirkustanza: “Jekk ikun hemm xi ħadd fil-bżonn minn fost ħutek f’xi waħda minn bliet artek, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, la twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-bżonn. Għax qatt ma jonqos xi ħadd fil-bżonn fil-pajjiż; għalhekk jien nordnalek u ngħidlek: Iftaħ idek sewwa lil ħuk, lill-fqir u lill-miskin f’artek” (Dewt 15:7,11). Tal-biża’ l-kuntrast bejn din ir-rakkomandazzjoni tal-Liġi ta’ Alla u s-sitwazzjoni li jfissrilna l-Vanġelu: waqt li l-agħma qed jgħajjat għal Ġesù, in-nies iċċanfru biex issikktu, bħallikieku ma kellux jedd jitkellem. Ma tiġihomx ħniena minnu, anzi, idejjaqhom il-krib tiegħu. Kemm drabi aħna, meta naraw tant nies fit-triq – nies fil-bżonn, marida, li m’għandhiex x’tiekol – idejquna. Kemm drabi niddejqu meta nsibu ruħna quddiem tant maħruba u rifuġjati. Hi tentazzjoni li tiġina lkoll. Ilkoll, anki lili! U għalhekk il-Kelma ta’ Alla twissina u tfakkarna li l-indifferenza u l-ostilità jagħmluna għomja u torox, ma jħalluniex naraw lil ħutna u nagħrfu fihom lil Alla nnifsu. Indifferenza u ostilità. U xi drabi din l-indifferenza u din l-ostilità jsiru wkoll aggressjoni u insult: “Keċċuhom kollha lil dawk!”, “Ħuduhom band’oħra!”. Din l-aggressjoni hi l-istess bħalma għamlu n-nies meta l-agħma kien qed jgħajjat: “Int mur ’l hemm, isa, toqgħodx tpaċpaċ hawn, tgħajjatx”.

 

Ninnotaw dettall interessanti. L-Evanġelista jgħid li xi ħadd mill-folla spjega lill-agħma r-raġuni għala kien hemm dawk in-nies kollha u qallu: “Għaddej Ġesù ta’ Nazareth!” (v. 37). Il-fatt li għaddej Ġesù hu indikat bl-istess verb li bih fil-ktieb ta’ l-Eżodu naqraw dwar il-mogħdija ta’ l-anġlu qerried li jifdi lill-Israeliti f’art l-Eġittu (ara Eż 12:23). Hi l-“mogħdija” ta’ l-Għid, il-bidu tal-ħelsien: meta jgħaddi Ġesù, dejjem hemm il-ħelsien, dejjem hemm is-salvazzjoni! Lill-agħma, għalhekk, qisu qed jitħabbarlu l-Għid tiegħu. Bla biża’ ta’ xejn, l-agħma iktar jgħajjat lil Ġesù u jagħrfu bħala Bin David, il-Messija mistenni li, skond il-profeta Isaija, kellu jiftaħ għajnejn l-għomja (ara Is 35:5). B’differenza mill-kotra, dak l-agħma jara bl-għajnejn tal-fidi. Grazzi għaliha t-talba tiegħu għandha qawwa kbira. Fil-fatt, meta semgħu, “Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu” (v. 40). B’hekk Ġesù kien qed jaqla’ lill-agħma minn mal-ġenb tat-triq u jqiegħdu fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni tad-dixxipli tiegħu u tal-folla. Ejjew naħsbu aħna wkoll, meta konna f’sitwazzjonijiet koroh, anki sitwazzjonijiet ta’ dnub, kif kien propju Ġesù li qabdilna jdejna u qalagħna mill-ġenb tat-triq u tana s-salvazzjoni. Hekk titwettaq mogħdija doppja. L-ewwel: in-nies kienet xandret aħbar tajba lill-agħma, imma ma riditx li jkollha x’taqsam miegħu; issa Ġesù jobbliga lil kulħadd jirrealizza li l-aħbar it-tajba timplika li nqiegħdu fiċ-ċentru tat-triq tagħna lil dak li kien eskluż. It-tieni: min-naħa tiegħu, l-agħma ma kienx qed jara, imma l-fidi tiegħu tiftaħlu t-triq tas-salvazzjoni, u hu jerġa’ jsib ruħu f’nofs dawk li niżlu fit-triq biex jaraw lil Ġesù. Ħuti, il-mogħdija tal-Mulej hi laqgħa ta’ ħniena li tiġbor lil kulħadd flimkien madwarU biex tagħtina li nagħrfu min għandu bżonn ta’ l-għajnuna u l-faraġ. Anki fil-ħajja tagħna Ġesù jgħaddi; u meta Ġesù jgħaddi, u jien nintebaħ, din hi stedina biex nersaq lejH, biex insir iżjed tajjeb, biex insir Nisrani aħjar, biex nimxi wara Ġesù.

 

Ġesù jdur fuq l-agħma u jistaqsih: “Xi tridni nagħmillek?” (v. 41). Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù huma impressjonanti: l-Iben ta’ Alla issa jinsab quddiem agħma bħal qaddej umli. Hu, Ġesù, Alla, jgħid: “Imma xi tridni nagħmillek? Kif tridni naqdik?”. Alla jsir qaddej tal-bniedem midneb. U l-agħma jwieġeb lil Ġesù u ma jsejjaħlux iżjed “Bin David”, imma “Mulej”, it-titlu li l-Knisja sa mill-bidu kienet tuża għal Kristu Rxoxt. L-agħma jitlob li jkun jista’ jara mill-ġdid u x-xewqa tiegħu tiġi maqlugħa: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek” (v. 42). Hu wera l-fidi tiegħu biex talab lil Ġesù u ried b’kull mod jiltaqa’ miegħu, u dan ġablu b’don is-salvazzjoni. Grazzi għall-fidi issa jista’ jara u, fuq kollox, iħossu maħbub minn Ġesù. Għalhekk ir-rakkont jagħlaq billi jgħid li l-agħma “baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla” (v. 43): isir dixxiplu. Minn tallab għal dixxiplu, din hi t-triq tagħna wkoll: ilkoll aħna tallaba, ilkoll. Dejjem għandna bżonn tas-salvazzjoni. U lkoll kemm aħna, ta’ kuljum, jeħtieġ immiddu dan il-pass: minn tallaba għal dixxipli. U hekk, l-agħma jimxi wara l-Mulej u jidħol jagħmel parti mill-komunità tiegħu. Dak li riedu jsikktuh, issa b’leħen għoli jagħti xhieda tal-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù ta’ Nazareth, u “l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla” (v. 43). Hawn iseħħ it-tieni miraklu: dak li seħħ lill-agħma jagħmel li anki n-nies sa fl-aħħar temmen. L-istess dawl idawwal lil kulħadd u hekk kollha flimkien ifaħħru lil Alla. Hekk Ġesù jsawwab il-ħniena tiegħu fuq dawk kollha li magħhom jiltaqa’: isejħilhom, jiġbidhom lejh, jiġborhom, ifejjaqhom u jdawwalhom, u hekk joħloq poplu ġdid li jiċċelebra l-għeġubijiet ta’ l-imħabba ħanina tiegħu. Inħallu aħna wkoll lil Ġesù jsejħilna, u nħallu lil Ġesù jfejjaqna, jaħfrilna, u mmorru wara Ġesù nfaħħru lil Alla. Hekk ikun!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard