IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 15 ta’ April 2015 

Il-Famija – 10. Raġel u Mara (I)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-katekeżi tal-lum hi ddedikata lil aspett ċentrali tat-tema tal-familja: dak tad-don kbir li Alla għamel lill-bnedmin meta ħalaq ir-raġel u l-mara u s-sagrament taż-Żwieġ.  Din il-katekeżi u li jmiss sa jkunu dwar id-differenza u l-kumplimentarjetà bejn ir-raġel u l-mara, li qegħdin fil-quċċata tal-ħolqien divin; it-tnejn ta’ wara, imbagħad, ikunu fuq temi oħra taż-Żwieġ.

 

Nibdew b’kumment qasir dwar l-ewwel rakkont tal-ħolqien, fil-Ktieb tal-Ġenesi.  Hawn naqraw li Alla, wara li ħalaq l-univers u l-essri kollha ħajjin, ħalaq il-kapulavur tiegħu, jiġifieri l-bniedem, li għamlu fuq ix-xbieha tiegħu stess: “fuq xbihat Alla ħalqu: raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:27), hekk jgħid Ktieb il-Ġenesi.

 

U kif ilkol nafu, id-differenza sesswali hi preżenti f’ħafna xejriet tal-ħajja, fit-taraġ twil tal-ħajjin.  Imma fir-raġel u fil-mara biss hi ġġorr fiha x-xbieha u s-sura ta’ Alla: it-test Bibliku dan itennih tliet darbiet f’żewġ versi (26-27): raġel u mara huma maħluqin fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla.  Dan jurina li mhux biss ir-raġel waħdu hu xbieha ta’ Alla, mhux biss il-mara waħidha hi xbieha ta’ Alla, imma anki r-raġel u l-mara, bħala koppja, huma xbieha ta’ Alla.  Id-differenza bejn raġel u mara m’hix hemm għall-kuntrast, jew is-subordinazzjoni, imma għall-komunjoni u t-tnissil, dejjem fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla.

 

Dan tgħallimhulna l-istess esperjenza: biex insiru nafu sew lil xulxin u nikbru f’armonija bejnietna, il-bniedem għandu bżonn tar-reċiproċità bejn raġel u mara.  Meta dan ma jseħħx, jidhru l-konsegwenzi.  Aħna maħluqin biex nisimgħu u ngħinu lil xulxin.  Nistgħu ngħidu li mingħajr l-għana reċiproku f’din ir-relazzjoni – fil-ħsieb u fl-għemil, fl-affetti u fix-xogħol, anki fil-fidi – it-tnejn li huma lanqas jistgħu jifhmu fil-fond xi jfisser ikunu raġel u mara.

 

Il-kultura moderna u kontemporanja fetħet spazji ġodda, libertajiet ġodda u wesgħat ġodda fejn jista’ jistagħna l-għarfien ta’ din id-differenza.  Imma daħħlet ukoll bosta dubji u ħafna xettiċiżmu.  Ngħidu aħna, jien nistaqsi jekk l-hekk imsejħa teorija tal-gender hix ukoll espressjoni ta’ frustrazzjoni u ta’ rassenjazzjoni, li timmira li teqred id-differenza sesswali għax m’għadhiex taf tikkonfronta ruħha magħha.  Iva, qed nirriskjaw li nagħmlu pass lura.  It-tneħħija tad-differenza, fil-fatt, hi l-problema, mhux is-soluzzjoni.  Min-naħa l-oħra, jekk iridu jsolvu l-problemi fir-relazzjoni tagħhom, ir-raġel u l-mara għandhom jitkellmu iżjed ma’ xulxin, jisimgħu iżjed lil xulxin, isiru jafu iżjed wieħed lill-ieħor, jinħabbu iżjed.  Iridu jittrattaw lil xulxin b’rispett u jikkoperaw bi ħbiberija.  B’dawn il-punti bażilari umani, imwieżna mill-grazzja ta’ Alla, hu possibbli li jfasslu l-għaqda tagħhom fiż-żwieġ u l-familja għall-ħajja kollha.  Ir-rabta taż-żwieġ u tal-familja hi ħaġa serja, hi hekk għal kulħadd, u mhux biss għal min jemmen.  Nixtieq nitlob lill-intellettwali biex ma jwarrbux din it-tema, bħallikieku saret sekondarja għall-impenn b’riżq soċjetà iżjed ħielsa u iżjed ġusta.

 

Alla fada d-dinja f’idejn il-patt bejn raġel u mara: il-falliment ta’ dan il-patt inixxef id-dinja ta’ l-affetti u jdallam is-sema tat-tama.  Is-sinjali diġà jħassbuna, u qed narawhom.  Nixtieq nindika, fost il-ħafna, żewġ punti li jiena nemmen li għandhom jimpenjawna b’iżjed urġenza.

 

L-ewwel.  M’hemmx dubju li rridu nagħmlu ħafna iżjed b’riżq il-mara, jekk nixtiequ nagħtu mill-ġdid iżjed saħħa lir-reċiproċità bejn irġiel u nisa.  Fil-fatt, hemm bżonn li l-mara mhux biss tiġi mismugħa, imma li l-leħen tagħha jkollu piż veru, awtorevolezza rikonoxxuta, fis-soċjetà u fil-Knisja.  L-istess mod kif Ġesù qies lill-mara, f’kuntest inqas favorevoli minn dak tagħna, għax f’dawk iż-żminijiet il-mara kienet sewwa sew fit-tieni post, u Ġesù qiesha b’mod li jixħet dawl qawwi, li jdawwal triq li twassal ’il bogħod, li minnha mxejna biss biċċa żgħira.  Għadna ma fhimniex biżżejjed x’għandu x’jirregalalna l-ġenju femminili, dak li l-mara tistatagħti lis-soċjetà u anki lilna: il-mara taf tara l-affarijiet b’għajnejn oħra li jikkompletaw il-ħsieb ta’ l-irġiel.  Hi triq li jeħtieġ nimxuha b’iżjed kreattività u kuraġġ.

 

It-tieni riflessjoni hi dwar it-tema tar-raġel u l-mara maħluqa xbieha ta’ Alla.  Nistaqsi jekk il-kriżi ta’ fiduċja kollettiva f’Alla, li qed tagħmlilna tant ħsara, qed tmarradna bir-rassenjazzjoni għan-nuqqas ta’ fidi u għaċ-ċiniżmu, hix marbuta wkoll mal-kriżi tal-patt bejn raġel u mara.  Fil-fatt, ir-rakkont Bibliku, bl-affresk kbir simboliku tiegħu fuq il-ġenna ta’ l-art u d-dnub oriġinali, qed jgħidilna sewwa sew li l-komunjoni ma’ Alla tidher fil-komunjoni tal-koppja umana, u meta r-raġel u l-mara jitilfu l-fiduċja fil-Missier tas-Sema, jinħolqu l-firda u l-kunflitt bejniethom.

 

Minn hawn ġejja r-responsabbiltà għolja li għandha l-Knisja, li għandu kull min jemmen, u qabel xejn il-familji li jemmnu, biex niskopru mill-ġdid il-ġmiel tal-pjan tal-ħolqien li naqqax ix-xbieha ta’ Alla anki fil-patt bejn raġel u mara.  Id-dinja timtela b’armonija u b’fiduċja meta r-raġel u l-mara jgħixu l-patt ta’ bejniethom b’mod tajjeb.  U jekk ir-raġel u l-mara jfittxuh flimkien bejniethom u ma’ Alla, żgur li jsibuh.  Ġesù espliċitament iħeġġiġna biex nagħtu xhieda ta’ dan il-ġmiel li hu x-xbieha ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard