IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 15 ta’ Jannar 2020

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 20.

“Pawlu kien jilqa’ lil dawk kollha li kienu jiġu għandu, ixandrilhom is-Saltna ta’ Alla… bil-kuraġġ u bla tfixkil” (Atti 28:30-31). Il-jiem ta’ Pawlu fil-ħabs f’Ruma u t-tħabbira li tħalli l-frott.

 

Għeżież ħuti!

 

Illum nagħlqu l-katekeżi tagħna dwar l-Atti tal-Appostli, bl-aħħar tarġa missjunarja ta’ San Pawl: jiġifieri Ruma (ara Atti 28:14).

 

Il-vjaġġ ta’ Pawlu, li kien ħaġa waħda ma’ dak tal-Vanġelu, huwa l-prova li t-toroq tal-bnedmin, jekk jgħixuhom bil-fidi, jistgħu jsiru post mnejn tgħaddi s-salvazzjoni ta’ Alla, permezz tal-Kelma tal-fidi li hi ħmira ħajja li ttella’ l-għaġna kollha tal-istorja, li kapaċi tibdel is-sitwazzjonijiet u tiftaħ toroq dejjem ġodda.

 

Bil-wasla ta’ Pawlu fil-qalba tal-Imperu jiġi fi tmiemu r-rakkont tal-Atti tal-Appostli, li ma jagħlaqx bil-martirju ta’ Pawlu, imma biż-żrigħ kotran tal-Kelma. Tmiem ir-rakkont ta’ Luqa, li jdur kollu mal-vjaġġ tal-Vanġelu fid-dinja, fih u jiġbor id-dinamiżmu kollu tal-Kelma ta’ Alla, Kelma li xejn ma jista’ jwaqqafha u li ħsiebha biex tiġri ħa twassal is-salvazzjoni lil kulħadd.

 

F’Ruma, Pawlu jiltaqa’ qabelxejn ma’ ħutu fi Kristu, li jilqgħuh u jagħmlulu l-qalb (ara Atti 28:15) u li l-ospitalità kbira tagħhom iġġagħalna naħsbu f’kemm kienet mistennija u mixtieqa l-wasla tiegħu. Imbagħad jitħalla joqgħod għalih waħdu taħt il-custodia militaris, jiġifieri b’suldat għassa miegħu, kien taħt arrest domiċiljari. Minkejja l-qagħda tiegħu ta’ priġunier, Pawlu jista’ jiltaqa’ mal-Lhud tal-belt biex ifissrilhom kif ġara li kellu jappella għal quddiem Ċesri u biex ikellimhom fuq is-saltna ta’ Alla. Hu jipprova jikkonvinċihom dwar Ġesù, ibda mill-Iskrittura u billi jurihom il-kontinwità bejn il-ġdid ta’ Kristu u t-“tama ta’ Iżrael” (Atti 28:20). Pawlu jirrikonoxxi bil-qawwa li huwa Lhudi u jara fil-Vanġelu li qed jipprietka, jiġifieri fit-tħabbira ta’ Kristu mejjet u rxoxt, it-twettiq tal-wegħdiet magħmula lill-poplu l-magħżul.

 

Wara din l-ewwel laqgħa informali li l-Lhud jilqgħu b’mod tajjeb, tasal oħra iktar uffiċjali li fiha, għal ġurnata sħiħa, Pawlu jħabbar is-saltna ta’ Alla u jfittex jiftaħ il-qalb tas-semmiegħa tiegħu għall-fidi f’Ġesù, ibda mil-“Liġi ta’ Mosè u l-Profeti” (Atti 28:23). Billi mhux kollha kienu konvinti, hu kkritika l-qalb iebsa tal-poplu ta’ Alla, li saret il-kawża tal-kundanna tiegħu (ara Iż 6:9-10), u jiċċelebra b’passjoni s-salvazzjoni tal-ġnus li mill-banda l-oħra kienu sensibbli u kellhom il-ħila jisimgħu l-Kelma tal-Vanġelu tal-ħajja (ara Atti 28:28).

 

F’dan il-punt tar-rakkont, Luqa jagħlaq l-opra tiegħu billi jurina, mhux il-mewt ta’ Pawlu imma d-dinamiżmu tal-predikazzjoni tiegħu, ta’ Kelma li “mhijiex marbuta” (2 Tim 2:9) – Pawlu m’għandux il-libertà li jiċċaqlaq imma jista’ jitkellem għax il-Kelma mhix marbuta – hija Kelma lesta biex tinżera’ bil-kotra mill-Appostlu. Pawlu dan jagħmlu “bil-kuraġġ u bla tfixkil” (Atti 28:31), f’dar li fiha jilqa’ lil dawk li riedu jilqgħu t-tħabbira tas-saltna ta’ Alla u jsiru jafu lil Kristu. Din id-dar miftuħa għall-qlub kollha li qed ifittxu hija xbieha tal-Knisja li, imqar jekk ippersegwitata, mifhuma ħażin u marbuta fil-ktajjen, ma tegħja qatt tilqa’ b’qalb ta’ omm lil kull bniedem biex tħabbarlu l-imħabba tal-Missier li wriena min hu f’Ġesù.

 

Għeżież ħuti, fi tmiem din il-mixja, li għexna flimkien insegwu l-ġirja tal-Vanġelu fid-dinja, ħa jkun l-Ispirtu li jġedded f’kull wieħed u waħda minna s-sejħa biex inkunu evanġelizzaturi kuraġġjużi u hienja. Ħa jagħti lilna wkoll il-ħila, bħal Pawlu, li nimlew id-djar tagħna bil-Vanġelu u li nagħmluhom ċenakli ta’ fraternità, fejn nistgħu nilqgħu lil Kristu ħaj, li “jiġi jiltaqa’ magħna f’kull bniedem u f’kull żmien” (ara t-II Prefazju tal-Avvent).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard