IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA
ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 15 ta’ Jannar 2014
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,
L-Erbgħa li għaddiet tajna bidu għal serje qasira ta’
katekeżi fuq is-Sagramenti, ibda mill-Magħmudija. U fuq il-Magħmudija nixtieq nieqaf anki
l-lum, biex nagħfas fuq frott importanti ħafna ta’ dan is-Sagrament:
hu jagħmilna membri tal-Ġisem ta’ Kristu u tal-Poplu ta’ Alla. San Tumas ta’ Aquino jafferma li min
jirċievi l-Magħmudija jiġi inkorporat fi Kristu kważi
bħala membru ta’ l-istess ġismu u jingħaqad mal-komunità
tal-fidili (ara Summa Theologiæ, III, q. 69,
art. 5; q. 70, art. 1), jiġifieri mal-Poplu ta’ Alla. Skond it-tagħlim tal-Konċilju
Vatikan II, il-lum aħna ngħidu li l-Magħmudija ddaħħalna fil-Poplu ta’ Alla,
tagħmilna membri ta’ Poplu f’mixja,
Poplu pellegrin fl-istorja.
Fil-fatt, kif il-ħajja tgħaddi minn nisel għal nisel, hekk
ukoll minn nisel għal nisel, permezz tat-twelid ġdid mill-Fonti
tal-Magħmudija, tgħaddi l-grazzja, u b’din il-grazzja l-Poplu Nisrani
jimxi fiż-żmien, bħal xmara li ssaqqi l-art u xxerred fid-dinja
l-barka ta’ Alla. Sa minn dak il-mument
li fih Ġesù tenna dak li smajna fil-Vanġelu, id-dixxipli marru
jgħammdu; u minn dak iż-żmien sal-lum issawret katina
fit-trasmissjoni tal-fidi permezz tal-Magħmudija. U kull wieħed u waħda minna hu
ħolqa f’dik il-katina: pass ieħor ’il quddiem, dejjem; bħal
xmara li ssaqqi. Hekk hi l-grazzja ta’
Alla u hekk il-fidi tagħna, li rridu ngħadduha lil uliedna,
ngħadduha lit-tfal, biex huma, ladarba jsiru adulti, ikunu jistgħu
jgħadduha lil uliedhom. Hekk hi
l-Magħmudija. Għaliex? Għaliex il-Magħmudija
ddaħħalna f’dan il-Poplu ta’ Alla li jittrasmetti l-fidi. Dan hu importanti ħafna. Poplu ta’ Alla li jimxi u jittrasmetti
l-fidi.
Grazzi għall-Magħmudija aħna nsiru dixxipli missjunarji, imsejħa biex inwasslu l-Vanġelu
fid-dinja (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 120).
“Kull mgħammed, hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fil-Knisja u
l-livell ta’ tagħlim li ħa fil-fidi, hu suġġett attiv ta’
evanġelizzazzjoni… L-evanġelizzazzjoni
ġdida trid tissarraf fi protagoniżmu ġdid” (ibid.) ta’ kulħadd, tal-poplu kollu ta’ Alla,
protagoniżmu ġdid ta’ kull wieħed u waħda
mill-imgħammdin. Il-Poplu ta’ Alla
hu Poplu dixxiplu – għax
jirċievi l-fidi – u missjunarju
– għax jittrasmetti l-fidi. U dan
il-Magħmudija twettqu fina. Tagħtina
l-Grazzja u tittrasmetti l-fidi.
Fil-Knisja lkoll aħna dixxipli, u dejjem aħna dixxipli,
għal ħajjitna kollha; u lkoll aħna missjunarji, kull wieħed
u waħda fil-post li tah il-Mulej.
Kollha: l-iżgħar wieħed ukoll hu missjunarju; u dak li
jidher l-ikbar hu dixxiplu. Imma hawn
fostkom min jgħidli: “L-Isqfijiet m’humiex dixxipli, l-Isqfijiet kollox
jafu; il-Papa jaf kollox, m’hux dixxiplu”.
Le, anki l-Isqfijiet u l-Papa jeħtieġ ikunu dixxipli,
għax jekk ma jkunux dixxipli, ma jagħmlux il-ġid, ma
jistgħux ikunu missjunarji, ma jistgħux jittrasmettu l-fidi. Ilkoll kemm aħna dixxipli u missjunarji.
Hemm rabta li ma tinħallx bejn id-dimensjoni mistika u dik missjunarja
tas-sejħa Nisranija, it-tnejn li huma b’għeruqhom
fil-Magħmudija. “Meta nirċievu
l-fidi u l-Magħmudija, aħna l-Insara nilqgħu fina l-ħidma
ta’ l-Ispirtu s-Santu li twassalna nistqarru lil Ġesù Kristu bħala
l-Iben ta’ Alla u nsejħu lil Alla ‘Abbà’, Missier. L-imgħammdin kollha… imsejħin
ngħixu u nittrasmettu l-komunjoni mat-Trinità, għax
l-evanġelizzazzjoni hi sejħa għall-partiċipazzjoni
fil-komunjoni Trinitarja” (Dokument finali ta’ Aparecida, nru 157).
Ħadd ma jsalva waħdu. Aħna komunità ta’ bnedmin li jemmnu,
aħna Poplu ta’ Alla u f’din il-komunità aħna nduqu l-ġmiel li
naqsmu ma’ xulxin l-esperjenza ta’ mħabba li ġiet qabilna lkoll, imma
li fl-istess ħin titlobna nkunu “kanali” tal-grazzja għal xulxin,
minkejja l-limiti tagħna u d-dnubiet tagħna. Id-dimensjoni komunitarja m’hix biss xi
“gwarniċ”, xi “kontorn”, imma hi parti integrali tal-ħajja Nisranija,
tax-xhieda u ta’ l-evanġelizzazzjoni.
Il-fidi Nisranija tinbet u tgħix fil-Knisja, u fil-Magħmudija
l-familji u l-parroċċi jiċċelebraw l-inkorporazzjoni ta’
membru ġdid ta’ Kristu u tal-ġisem tiegħu li hu l-Knisja (ara ibid., nru 175b).
Dwar l-importanza tal-Magħmudija għall-Poplu ta’ Alla, hi ta’
eżempju kbir l-istorja tal-komunità
Nisranija fil-Ġappun. Hi
ġarrbet persekuzzjoni ħarxa fil-bidu tas-seklu sbatax. Kien hemm għadd ta’ martri, il-membri
tal-kleru tkeċċew u eluf ta’ fidili sfaw maqtula. Fil-Ġappun ma kien fadal l-ebda
saċerdot, kollha ġew imkeċċija. Allura l-komunità rtirat fil-klandestinità, u
fil-moħbi żammet ħajja l-fidi u t-talb. U meta kienet titwieled tarbija, missierha
jew ommha kienu jgħammduha, għax f’ċirkustanzi partikulari
l-fidili kollha jistgħu jgħammdu.
Meta, wara żewġ sekli u nofs, mitejn u ħamsin sena wara,
il-missjunarji reġgħu lura fil-Ġappun, eluf ta’ Nsara
ħarġu fid-dieher u l-Knisja setgħet twarrad mill-ġdid. Kienu baqgħu sħaħ bil-grazzja
tal-Magħmudija tagħhom! Din xi
ħaġa kbira: il-Poplu ta’ Alla jittrasmetti l-fidi, jgħammed lil
uliedu u jibqa’ miexi. U kienu
żammew ħaj, anki jekk fis-sigriet, spirtu qawwi komunitarju,
għax il-Magħmudija kienet għamlithom ġisem wieħed fi
Kristu: kienu iżolati u moħbija, imma dejjem baqgħu membri
tal-Poplu ta’ Alla, membri tal-Knisja. Għandna
ħafna x’nitgħallmu minn din l-istorja!
miġjuba mit-Taljan
għall-Malti minn Francesco Pio Attard