IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Settembru 2016

 

29. Tgħallmu minni (ara Mt 11:28-30)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Matul dan il-Ġublew irriflettejna iżjed minn darba fuq il-fatt li Ġesù jesprimi ruħu bi ħlewwa unika, sinjal tal-preżenza u tat-tjieba ta’ Alla. Illum ħa nieqfu fuq silta tal-Vanġelu li toħloq fina ħafna sentimenti (ara Mt 11:28-30), fejn Ġesù jgħidilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. […] Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (vv. 29-29). L-istedina tal-Mulej hi tal-għaġeb: isejjaħ biex jimxu warajh persuni sempliċi u mtaqqla minn ħajja iebsa, isejjaħ biex jimxu warajh persuni li għandhom tant ħtiġijiet u jwegħidhom li fih sa jsibu l-mistrieħ u s-serħan. L-istedina ssir fl-imperattiv: “ejjew għandi”, “ħudu fuqkom il-madmad tiegħi”, “tgħallmu minni”. Mhux li kien il-mexxejja kollha tad-dinja setgħu jgħidu dan! Ejjew nippruvaw nifhmu xi jrid jgħid b’dawn l-espressjonijiet.

 

L-ewwel kmand hu “Ejjew għandi”. Ġesù jdur fuq dawk li huma għajjenin u mġarrbin, u jurihom li hu l-Qaddej tal-Mulej kif imfisser fil-ktieb tal-Profeta Isaija. Hekk tgħid is-silta ta’ Isaija: “Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem, biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma” (50:4). Ma’ dawn li qatgħu qalbhom mill-ħajja, il-Vanġelu spiss iżid ukoll lill-foqra (ara Mt 11:5) u ċ-ċkejknin (ara Mt 18:6). Huma dawk li m’għandhom xejn tagħhom fuq xiex jorbtu, lanqas xi ħbiberija importanti. Jistgħu jafdaw biss f’Alla. Jafu bil-qagħda baxxa u tal-għajb tagħhom, u għalhekk jafu jistrieħu fuq il-ħniena tal-Mulej, jistennew minnu l-għajnuna waħdanija tagħhom. Fl-istedina ta’ Ġesù sa fl-aħħar isibu tweġiba għall-istennija tagħhom: jekk isiru dixxipli tiegħu, jirċievu l-wegħda li jsibu s-serħan għal ħajjithom kollha. Wegħda li fl-aħħar tal-Vanġelu ssir ukoll lill-ġnus kollha: “Morru, mela”, jgħid Ġesù lill-Appostli, “agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28:19). Fit-tweġiba tagħhom għall-istedina biex jiċċelebraw din is-sena tal-grazzja tal-Ġublew, il-pellegrini mad-dinja kollha rifsu l-għatba tal-Bieb tal-Ħniena miftuħ fil-katidrali, fis-santwarji, f’tant knejjes tad-dinja, fl-isptarijiet, fil-ħabsijiet. Għaliex jgħaddu minn dan il-Bieb tal-Ħniena? Biex isibu lil Ġesù, biex isibu l-ħbiberija ta’ Ġesù, biex isibu s-serħan li Ġesù biss jista’ jagħti. Din il-mixja tesprimi l-konverżjoni ta’ kull dixxiplu li jimxi wara Ġesù. U l-konverżjoni dejjem tfisser li wieħed jiskopri l-ħniena tal-Mulej. Din hi bla tarf u għal dejjem: kbira hi l-ħniena tal-Mulej! Għalhekk, meta ngħaddu mill-Bieb Imqaddes, inkunu nistqarru “li fid-dinja tinsab l-imħabba u li din l-imħabba hija aqwa min kull xorta ta’ deni, li fih hu mdaħħal il-bniedem, il-bnedmin kollha, id-dinja” (Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Dives in misericordia, 7).

 

It-tieni kmand jgħid: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi”. Fil-kuntest tal-Patt, it-tradizzjoni biblika tinqeda bix-xbieha tal-madmad biex turi r-rabta qawwija li torbot lill-poplu ma’ Alla u, għalhekk, is-sottomissjoni għar-rieda tiegħu kif toħroġ mil-Liġi. F’kuntrast mal-kittieba u l-għorrief tal-liġi, Ġesù jqiegħed fuq id-dixxipli tiegħu l-madmad tiegħu, fejn il-Liġi ssib il-milja tagħha. Irid jgħallimhom li r-rieda ta’ Alla jiskopruha fil-persuna tiegħu: f’Ġesù, u mhux fil-liġijiet u l-preskrizzjonijiet kiesħa li l-istess Ġesù jikkundanna. Biżżejjed naqraw il-kapitlu 23 ta’ Mattew! Hu jinsab fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħhom ma’ Alla, hu fil-qalba tar-relazzjonijiet bejn id-dixxipli u jrid li jkun hu l-fulkru tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda. Meta jilqa’ dan il-“madmad ta’ Ġesù”, kull dixxiplu hekk jidħol f’komunjoni miegħu u jagħmel sehem mill-misteru tas-salib tiegħu u tad-destin tiegħu ta’ salvazzjoni.

 

U hawn jiġi t-tielet kmand: “Tgħallmu minni”. Lid-dixxipli tiegħu Ġesù jipproponilhom mixja li fiha jistgħu jagħrfuh u jsiru jixbhuh. Ġesù mhuwiex mgħallem li b’id iebsa jimponi fuq oħrajn tagħbijiet li hu mbagħad ma jerfax: din kienet l-akkuża li għamel lill-għorrief tal-liġi. Hu jdur fuq l-umli, iċ-ċkejknin, il-foqra, dawk fil-bżonn, għax hu stess kien li ċċekken u tbaxxa. Jifhem lill-foqra u lill-maħqurin għax hu stess hu fqir u mġarrab mit-tbatija. Biex jifdi lill-bnedmin, Ġesù ma mexiex triq ħafifa; bil-maqlub, il-mixja tiegħu kienet ta’ tbatija u iebsa. Kif tfakkarna l-Ittra lill-Filippin: “Ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (2:8). Il-madmad li jerfgħu l-foqra u l-maħqurin hu l-istess madmad li hu refa’ qabilhom: għalhekk hu madmad ħelu. Hu refa’ fuq spallejh l-uġigħ u d-dnubiet tal-bnedmin kollha. Għalhekk, għad-dixxiplu, li jieħu fuqu l-madmad ta’ Ġesù jfisser li jirċievi r-rivelazzjoni tiegħu u jilqagħha: fih il-ħniena ta’ Alla tgħabbiet bil-faqar tal-bnedmin, u hekk tat lil kulħadd il-possibbiltà tal-fidwa. Imma għaliex Ġesù jasal biex jgħid dawn l-affarijiet? Għax hu sar kollox għal kulħadd, qrib ta’ kulħadd, tal-iżjed foqra! Kien ragħaj qalb in-nies, fost il-foqra: magħhom kien jaħdem il-jum kollu. Ġesù ma kienx xi prinċep. Hi ħaġa kerha għall-Knisja meta r-ragħajja jinbidlu fi prinċpijiet, maqtugħa min-nies, imbiegħda mill-foqra: dan mhuwiex l-ispirtu ta’ Ġesù. Lil dawn ir-ragħajja Ġesù jċanfarhom, u fuqhom Ġesù jgħid lin-nies: “Agħmlu li jgħidulkom, imma tagħmlux bħalhom”.

 

Għeżież ħuti, fuqna wkoll jiġu waqtiet ta’ għeja u ta’ delużjoni. F’dak il-ħin ejjew niftakru f’dawn il-kelmiet tal-Mulej, li jimlewna b’tant faraġ u juruna aħniex inqiegħdu l-ħiliet tagħna għall-qadi ta’ dak li hu tajjeb. Fil-fatt, xi drabi l-għeja tagħna tiġi għax inkunu qegħidna l-fiduċja tagħna fi ħwejjeġ li mhumiex l-essenzjal, għax tbegħidna minn dak li tabilħaqq jiswa fil-ħajja. Il-Mulej jgħallimna ma nibżgħux nimxu warajh, għax it-tama li nqiegħdu fih ma tqarraqx bina. Aħna għalhekk imsejħin nitgħallmu minnu xi jfisser ngħixu bil-ħniena biex inkunu għodda ta’ ħniena. Ngħixu bil-ħniena biex insiru għodda tal-ħniena: ngħixu bil-ħniena u nħossuna fil-ħtieġa tal-ħniena ta’ Ġesù, u meta aħna nħossu l-ħtieġa tal-maħfra, tal-faraġ, nitgħallmu nuru ħniena mal-oħrajn. Meta nżommu ħarsitna msammra fuq l-Iben ta’ Alla, nifhmu xi triq twila għadna rridu nimxu; imma fl-istess waqt dan jimliena bil-ferħ għax nafu li mexjin miegħu u m’aħna qatt waħidna. Mela kuraġġ, kuraġġ! Ma nħallu li ħadd jeħdilna dan il-ferħ li aħna dixxipli tal-Mulej: “Imma, Dun, jiena midneb, kif nista’ nagħmel?” – “Ħalli lill-Mulej iħares lejk, iftaħlu qalbek, ħoss fuqek il-ħarsa tiegħu, il-ħniena tiegħu, u qalbek timtela bil-ferħ, bil-ferħ tal-maħfra, jekk int tersaq titolbu jaħfirlek”. Ma nħallu lil ħadd jisirqilna t-tama li ngħixu din il-ħajja flimkien miegħu u bil-qawwa tal-faraġ tiegħu. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard