IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017

 

It-Tama Nisranija – 26. Ulied maħbuba, ċertezza tat-Tama

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum qed nagħmlu din l-udjenza f’żewġ postijiet, imma magħqudin flimkien bl-iskrins il-kbar: il-morda, biex ma jbatux wisq sħana, qegħdin fl-Awla Pawlu VI, u mhux hawn. Imma xorta nibqgħu lkoll flimkien u jgħaqqadna l-Ispirtu s-Santu, li hu dak li dejjem iġib l-għaqda. Insellmu lil dawk li jinsabu fl-Awla!

 

Ħadd minna ma jgħaddi mingħajr imħabba. U jasar ikrah li fih nistgħu naqgħu hu dak li naħsbu li l-imħabba nistgħu nimmeritawha. Forsi parti kbira mit-tbatija tal-bniedem tal-lum ġejja minn hawn: għax naħsbu li jekk ma nkunux b’saħħitna, attraenti u sbieħ, allura ħadd mhu ħa jagħti kasna. Tant persuni llum ifittxu li jidhru sempliċement biex jgħattu vojt li għandhom ġo fihom: bħallikieku konna persuni dejjem fil-bżonn ta’ konfermi. Imma intom tistgħu timmaġinaw dinja fejn kulħadd ifittex mod kif jiġbed l-attenzjoni tal-oħrajn, waqt li ħadd mhu lest iħobb b’xejn lil persuna oħra? Immaġinaw dinja hekk: dinja fejn ma teżistix imħabba b’xejn! Tidher dinja umana, imma fir-realtà tkun infern. Tant narċisiżmi tal-bniedem jitnisslu minn sentiment ta’ solitudni u għax iħossu ltim. Wara tant imġibiet apparentement inspjegabbli hemm mistura mistoqsija: possibbli jien ma jixraqlix nissejjaħ b’ismi, jiġifieri li niġi maħbub? Għax l-imħabba dejjem issejjaħ bl-isem…

 

Meta dak li mhux iħossu jew mhux maħbub ikun adolexxent, allura tista’ tinbet il-vjolenza. Wara tant xejriet ta’ mibegħda soċjali u ta’ vandaliżmu spiss issib qalb li ħadd ma ta kasha. Ma jeżistux tfal kattivi, kif ma jeżistux adolexxenti ħżiena għalkollox, imma jeżistu persuni mdejqa. U x’jista’ jagħmilna ferħanin jekk mhux l-esperjenza tal-imħabba mogħtija u milqugħa? Il-ħajja tal-bniedem hi skambju ta’ ħars: xi ħadd li jħares lejna u jirnexxilu jikseb minn għandna l-ewwel tbissima, u aħna li nitbissmu mill-qalb lil min jinsab imsakkar fid-dwejjaq tiegħu, u hekk niftħulu triq quddiemu li minnha jista’ joħroġ. Skambju ta’ ħars: inħarsu f’għajnejn xulxin u hekk jinfetħu l-bibien tal-qalb.

 

L-ewwel pass li Alla jmidd lejna hu dak ta’ mħabba li tasal qabilna u ma fihiex kundizzjonijiet. Alla li jħobb hu l-ewwel. Alla ma jħobbniex għax fina hemm xi raġuni li tqanqal l-imħabba. Alla jħobbna għax hu stess hu mħabba, u l-imħabba min-natura tagħha trid tixtered, tingħata. Alla lanqas jorbot it-tjieba tiegħu mal-konverżjoni tagħna: jekk xejn, din hi konsegwenza tal-imħabba ta’ Alla. San Pawl dan jgħidu b’mod perfett: “Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin” (Rum 5:8). Aħna li konna għadna midinbin. Imħabba bla kundizzjonijiet. Konna “mbegħdin”, bħall-iben il-ħali tal-parabbola: “Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru…” (Lq 15:20). Għall-imħabba tagħna Alla ħareġ minnu nnifsu, biex jiġi jsibna f’din il-miżbla fejn ma kienx jagħmel sens li hu jgħaddi. Alla ħabbna anki meta konna fl-iżball.

 

Min minna jħobb b’dan il-mod, jekk mhux min hu missier jew omm? Omm tkompli tħobb lil binha mqar meta binha jkun il-ħabs. Jien, fid-djoċesi li kelli qabel, niftakar ħafna ommijiet li kont tarahom ringiela wara xulxin biex jidħlu l-ħabs. U ma kinux jistħu. Binhom kien il-ħabs, imma kien binhom. U kienu jbatu ħafna umiljazzjonijiet fil-perkwiżizzjoni, qabel jidħlu, imma: “Ibni hu!”. “Imma Sinjura, ibnek delinkwent!”. “Dak ibni!”. Din l-imħabba ta’ omm u ta’ missier biss turina kif inhi l-imħabba ta’ Alla. Omm ma titlobx li titħassar il-ġustizzja umana, għax kull żball jitlob fidwa, imma omm ma tieqaf qatt tbati għal binha. Tħobbu anki meta jidneb. Alla magħna jagħmel l-istess ħaġa: aħna wliedu maħbuba! Imma jista’ jkun li Alla għandu xi wlied li ma jħobbhomx? Le. Aħna kollha wlied maħbuba ta’ Alla. Ma hemm l-ebda saħta mdendla fuq ħajjitna, imma biss kelma tajba ta’ Alla, li ħalaqna mix-xejn. Il-verità ta’ kollox hi dik ir-relazzjoni ta’ mħabba li torbot lill-Missier mal-Iben permezz tal-Ispirtu s-Santu, relazzjoni li fiha aħna milqugħin bi grazzja. Fih, fi Kristu Ġesù, aħna tant aħna mixtieqa, maħbuba. Hemm Xi Ħadd li stampa fina dak il-ġmiel tal-bidu, li l-ebda dnub, l-ebda għażla żbaljata ma tista’ qatt tħassar għalkollox. Aħna f’għajnejn Alla dejjem aħna għejun ċkejkna magħmula biex minnhom igelgel ilma tajjeb. Dan qalu Ġesù lill-mara Samaritana: “L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4:14).

 

X’inhi l-mediċina biex nibdlu l-qalb ta’ persuni mdejqa? X’inhi l-mediċina biex nibdlu l-qalb ta’ persuna li mhix kuntenta? [iwieġbu: l-imħabba] Għajtu iktar! [jgħajtu: l-imħabba!] Bravi! Bravi, kollha bravi! U kif turiha persuna li inti tħobbha? L-ewwel trid tgħannaqha. Turiha li hi mixtieqa, li hi importanti, u hekk ma tibqax imdejqa. L-imħabba tgħajjat l-imħabba, b’mod iżjed qawwi milli l-mibegħda tgħajjat il-mewt. Ġesù ma mietx u qam għalih innifsu, imma għalina, biex jinħafrulna dnubietna. Għalhekk dan hu ż-żmien tal-qawmien għal kulħadd: żmien li nerfgħu lill-foqra mill-qtigħ il-qalb, fuq kollox lil dawk li ilhom mixħutin fil-qabar ħafna iktar minn tlitt ijiem. Qed jonfoħ hawn, fuq wiċċna, ir-riħ tal-ħelsien. Qed iwarrad hawn id-don tat-tama. U t-tama hi dik ta’ Alla l-Missier li jħobbna kif aħna: iħobbna dejjem u kollha. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard