Il-Papa Franġisku

Udjenza Ġenerali

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta' Mejjju 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżijiet li għaddew irriflettejna fuq l-ewwel tliet doni ta’ l-Ispirtu s-Santu: l-għerf, il-fehma u l-kunsill.  Il-lum naħsbu f’dak li jagħmel il-Mulej: Hu jiġi dejjem biex iweżinna fid-dgħufija tagħna u dan jagħmlu b’don speċjali: id-don tal-qawwa.

 

1. Hemm parabbola, li jirrakkonta Ġesù, li tgħinna nifhmu l-importanza ta’ dan id-don.  Bidwi ħareġ jiżra’; imma mhux iż-żerriegħa kollha li xeħet għamlet il-frott.  Dik li spiċċat fuq il-mogħdija naqqruha l-għasafar; dik li waqgħet fuq il-blat jew qalb ix-xewk, qabdet, imma malajr nixfet bix-xemx jew sfat maħnuqa mix-xewk.  Dik biss li waqgħet fuq art tajba setgħet tikber u tagħmel il-frott (ara Mk 4:3-9 // Mt 13:3-9 // Lq 8:4-8).  Kif Ġesù stess ifisser lid-dixxipli tiegħu, dak il-bidwi jirrappreżenta lill-Missier, li jxerred bil-kotra ż-żerriegħa tal-Kelma tiegħu.  Imma ż-żerriegħa spiss tħabbat wiċċha man-nixfa ta’ qalbna u, anki meta tiġi milqugħa, tirriskja li tibqa’ ma tagħmilx frott.  Bid-don tal-qawwa, imma, l-Ispirtu s-Santu jeħles l-art ta’ qalbna, jeħlisha mill-ħedla, mid-dubji u mill-biżgħat kollha li jistgħu jżommuh lura, hekk li l-Kelma tal-Mulej tkun tista’ titqiegħed fil-prattika, b’mod awtentiku u hieni.  Hu tassew ta’ għajnuna dan id-don tal-qawwa, iqawwina, jeħlisna anki minn tant ħwejjeġ li jżommuna lura.

                 

2. Hemm ukoll mumenti diffiċli u sitwazzjonijiet estremi fejn id-don tal-qawwa jidher b’mod straordinarju, eżemplari.  Bħal fil-każ ta’ dawk li jsibu ruħhom f’esperjenzi partikularment iebsin u ta’ niket, li jħarbtulhom ħajjithom u dik ta’ l-għeżież tagħhom.  Il-Knisja tilma bix-xhieda ta’ tant aħwa rġiel u nisa li qatt ma hedew jagħtu ħajjithom, biex jibqgħu fidili lejn il-Mulej u l-Vanġelu tiegħu.  Anki l-lum ma jonqsux Insara li f’tant irkejjen tad-dinja jissoktaw jiċċelebraw u jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom, b’konvinzjoni u b’serenità qawwija, u jżommu sodi anki meta jafu li dan jista’ jwassalhom iħallsu prezz ogħla.  Anki aħna, ilkoll kemm aħna, nafu persuni li għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli, tant tbatijiet.  Imma jiġuna f’moħħna dawk l-irġiel, dawk in-nisa, li għandhom ħajja diffiċli, iridu jissieltu biex iżommu l-familja għaddejja, biex jedukaw lil uliedhom: dan kollu jagħmluh għax hemm l-ispirtu tal-qawwa li jgħinhom.  Kemm irġiel u nisa – isimhom ma nafuhx – li jagħmlu ġieħ lill-poplu tagħna, jagħmlu ġieħ lill-Knisja tagħna, għax huma qawwija: qawwija fil-mod kif imexxu ħajjithom, il-familja tagħhom, ix-xogħol tagħhom, il-fidi tagħhom.  Dawn ħutna huma qaddisin, qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum, qaddisin moħbija f’nofsna: iġorru sewwa sew id-don tal-qawwa biex iwettqu d-dmir tagħhom ta’ persuni, ta’ missirijiet, ta’ ommijiet, ta’ aħwa, ta’ ċittadini.  Minnhom għandna ħafna!  Irroddu ħajr lill-Mulej għal dawn l-Insara li jġorru qdusija moħbija: hu l-Ispirtu s-Santu li għandhom ġo fihom li jmexxihom!  U nagħmlu sew naħsbu f’dawn in-nies: jekk huma qed jagħmlu dan kollu, jekk huma kapaċi jagħmluh, għax mhux jien ukoll?  U nagħmlu sew nitolbu lill-Mulej jagħtina d-don tal-qawwa.

 

Ma rridux naħsbu li d-don tal-qawwa neħtiġuh biss f’xi okkażjonijiet jew sitwazzjonijiet partikulari.  Dan id-don irid ikun in-nota bażika tal-jien Nisrani tagħna, fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Kif għidt, f’kull ġurnata tal-ħajja tagħna ta’ kuljum irridu nkunu qawwija, għandna bżonn ta’ din il-qawwa, biex nistgħu nibqgħu mmexxu ħajjitna, il-familja tagħna, il-fidi tagħna.  L-Appostlu Pawlu qal frażi li nagħmlu sew nisimgħuha: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini” (Fil 4:13).  Meta nħabbtu wiċċna mal-ħajja ordinarja, meta jiġu d-diffikultajiet, niftakruha din: Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini”.  Il-Mulej jagħti l-qawwa, dejjem, qatt ma jħallina nieqsa minnha.  Il-Mulej ma jippruvaniex iżjed milli nifilħu.  Hu dejjem magħna.  Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini”.

 

Għeżież ħbieb, xi kultant jista’ jkollna t-tentazzjoni li nħallu l-għażż jirbaħna, jew agħar, il-qtigħ il-qalb, fuq kollox quddiem it-taħbit u l-provi tal-ħajja.  F’dawn il-każi, ejjew ma naqtgħux qalbna, insejħu l-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, biex bid-don tal-qawwa jerfa’ lil qalbna u jimla b’qawwa u ħeġġa ġdida lil ħajjitna u l-mixja tagħna wara Ġesù.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard