IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Marzu 2018

 

Il-Quddiesa – 13. Liturġija tal-Ewkaristija III. Il-“Missierna” u l-qsim tal-Ħobż

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-Katekeżi tagħna fuq il-Quddiesa. Fl-Aħħar Ċena, wara li Ġesù qabad il-ħobż u l-kalċi bl-inbid, u radd il-ħajr lil Alla, nafu li “qasam il-ħobż”. Ma’ din l-azzjoni jikkorrispondi, fil-Liturġija Ewkaristika tal-Quddiesa, il-qsim tal-Ħobż, u qablu t-talba li l-Mulej għallimna, jiġifieri l-“Missierna”.

 

U hekk jibdew ir-Riti tat-Tqarbin, li jtawlu l-ġieħ u s-supplika tat-Talba Ewkaristika bit-talba komunitarja tal-“Missierna”. Din mhijiex waħda mill-ħafna talbiet Insara, imma hi t-talba tal-ulied lil Alla: hi t-talba l-kbira li għallimna Ġesù. Fil-fatt, mgħoddija lilna dakinhar tal-Magħmudija tagħna, il-“Missierna” tagħmel li jidwu fina l-istess sentimenti li kellu Kristu Ġesù. Meta aħna nitolbu l-“Missierna”, inkunu nitolbu kif kien jitlob Ġesù. Hi t-talba li għamel Ġesù, u għallimha lilna; meta d-dixxipli qalulu: “Mgħallem, għallimna nitolbu kif titlob inti”. U Ġesù hekk kien jitlob. Kemm hi ħaġa sabiħa titlob bħal Ġesù! Iffurmati mit-tagħlim divin tiegħu, nindenjaw induru fuq Alla u nsejħulu “Missier”, għax aħna twelidna mill-ġdid bħala wliedu permezz tal-ilma u tal-Ispirtu s-Santu (ara Efes 1:5). Fil-verità, ħadd ma jista’ jsejjaħlu b’mod familjari “Abbà” – “Missier” – mingħajr ma jkun tnissel minn Alla, mingħajr ma jkun imnebbaħ mill-Ispirtu, kif jgħallem San Pawl (ara Rum 8:15). Irridu naħsbu: ħadd ma jista’ jsejjaħlu “Missier” mingħajr mhu mnebbaħ mill-Ispirtu. Kemm drabi ssib min jgħid “Missierna”, imma ma jafx x’inhu jgħid. Għax iva, hu l-Missier, imma int meta tgħid “Missier” tħoss li hu Missier, il-Missier tiegħek, il-Missier tal-umanità, il-Missier ta’ Ġesù Kristu? Int għandek relazzjoni ma’ dan il-Missier? Meta aħna nitolbu l-“Missierna”, ningħaqdu mal-Missier li jħobbna, imma hu l-Ispirtu li jagħtina din ir-rabta, dan is-sentiment li aħna wlied Alla.

 

X’talba aħjar minn dik li għallem Ġesù tista’ tħejjilna qalbna għat-Tqarbin sagramentali li jxerikna miegħu? Barra mill-Quddiesa, il-“Missierna” nitolbuha, filgħodu u filgħaxija, fit-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u fl-Għasar; hekk, l-atteġġjament ta’ wlied lejn Alla u ta’ fraternità mal-proxxmu jgħinna nagħtu bixra Nisranija lill-jiem tagħna.

 

Fit-Talba tal-Mulej – fil-“Missierna” – aħna nitolbu l-“ħobżna ta’ kuljum”, fejn naraw riferiment partikulari għall-Ħobż Ewkaristiku, li għandna bżonnu biex nistgħu ngħixu ta’ wlied Alla. Nitolbuh ukoll “jaħfrilna dnubietna”, u biex inkunu denji li nirċievu l-maħfra ta’ Alla, aħna nħabirku biex naħfru lil min naqasna. U din mhix ħaġa faċli. Li naħfru lil min weġġagħna mhuwiex ħafif; hi grazzja li rridu nitolbuha: “Mulej, għallimni naħfer kif int ħfirt lili”. Hija grazzja. Bis-saħħa tagħna waħidna ma naslux: hi grazzja tal-Ispirtu s-Santu li naħfru. Hekk, waqt li tiftħilna qalbna għal Alla, il-“Missierna” tiftħilna qalbna wkoll għall-imħabba tal-aħwa. Fl-aħħar nett, nitolbu mill-ġdid lil Alla “jeħlisna mid-deni” li jifridna minnu u minn ħutna. Nifhmu tajjeb li dawn huma talbiet adatti ħafna biex nistgħu nħejju ruħna għat-Tqarbin imqaddes (ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 81).

 

Fil-fatt, dak li nitolbu fil-“Missierna” jiġi mtawwal fit-talba tas-saċerdot li, f’isem kulħadd, jgħid: “Eħlisna, nitolbuk, Mulej, minn kull deni, agħtina fit-tjieba u l-ħniena tiegħek il-paċi fi żmienna”. U mbagħad dan jirċievi bħal siġill fir-Rit tal-Paċi: l-ewwel nitolbu m’għand Kristu li d-don tal-paċi tiegħu (ara Ġw 14:27) – hekk differenti mill-paċi tad-dinja – jkabbar lill-Knisja fl-għaqda u fis-sliem, skont ir-rieda tiegħu; għalhekk, bil-ġest konkret li naqsmu bejnietna, nesprimu “l-komunjoni ekkleżjali u l-imħabba lejn xulxin, qabel ma nitqarbnu bis-Sagrament” (OGMR, 82). Fir-Rit Ruman, il-qsim tas-sinjal tal-paċi, sa mill-qedem imqiegħed qabel it-Tqarbin, jindirizzana lejn it-Tqarbin Ewkaristiku. Skont it-twissija ta’ San Pawl, mhuwiex possibbli nieħdu sehem fl-istess Ħobża li tagħmilna Ġisem wieħed fi Kristu, mingħajr ma nkunu l-ewwel fis-sliem tal-imħabba tal-aħwa (ara 1 Kor 10:16-17; 11:29). Il-paċi ta’ Kristu ma tistax issib għeruqha f’qalb li mhix kapaċi tgħix il-fraternità u terġa’ toħloqha wara li tkun ferietha. Il-paċi jagħtiha l-Mulej: hu jagħtina l-grazzja li naħfru lil dawk li weġġgħuna.

 

Wara l-ġest tal-paċi jiġi l-qsim tal-Ħobż, li sa minn żmien l-Appostli ta l-isem liċ-ċelebrazzjoni kollha tal-Ewkaristija (ara OGMR, 83; Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1329). Magħmul minn Ġesù fl-Aħħar Ċena, il-qsim tal-Ħobż hu l-ġest li fih id-dixxipli setgħu jagħrfuh wara l-qawmien tiegħu. Niftakru fid-dixxipli ta’ Għemmaws, li, huma u jitkellmu fuq il-laqgħa tagħhom mal-Irxoxt, jirrakkuntaw “kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (ara Lq 24:30-31,35).

 

Il-qsim tal-Ħobż Ewkaristiku hu msieħeb mill-invokazzjoni tal-“Ħaruf ta’ Alla”, figura li biha Ġwanni l-Battista wera lil Ġesù bħala “dak li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29). Ix-xbieha biblika tal-ħaruf tkellimna dwar il-fidwa (ara Eż 12:1-14; Is 53:7; 1 Piet 1:19; Apok 7:14). Fil-Ħobż Ewkaristiku, maqsum għall-ħajja tad-dinja, il-ġemgħa li titlob, tagħraf il-veru Ħaruf ta’ Alla, jiġifieri Kristu l-Feddej, u titolbu: “Ħenn għalina… agħtina l-paċi”.

 

“Ħenn għalina”, “agħtina l-paċi” huma invokazzjonijiet li, mit-talba tal-“Missierna” sal-qsim tal-Ħobż, jgħinuna nħejju ruħna biex nieħdu sehem mill-ikla Ewkaristika, għajn ta’ komunjoni ma’ Alla u ma’ ħutna.

 

Ma ninsewx it-talba l-kbira: dik li għallimna Ġesù, u li hi t-talba li biha hu kien jitlob lill-Missier. U din it-talba tħejjina għat-Tqarbin.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard