IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA
ĠENERALI
L-Erbgħa
13 ta’ Diċembru 2017
Il-Quddiesa
- 4. Għaliex immorru l-Quddiesa l-Ħadd?
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Nerġgħu
naqbdu l-mixja ta’ katekeżi fuq il-Quddiesa, u llum nistaqsu lilna nfusna:
Għaliex immorru l-Quddiesa
l-Ħadd?
Iċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija tal-Ħadd hi fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n.
2177). Aħna l-Insara mmorru l-Quddiesa l-Ħadd biex niltaqgħu ma’
Kristu Rxoxt, jew aħjar, biex inħallu lilu jiġi jiltaqa’
magħna, nisimgħu kelmtu, insostnu ruħna mill-mejda tiegħu,
u hekk insiru Knisja, jiġifieri l-Ġisem mistiku ħaj tiegħu
fid-dinja.
Dan sa mill-bidu
fehmuh id-dixxipli ta’ Ġesù, li ċċelebraw il-laqgħa
Ewkaristika mal-Mulej fil-jum tal-ġimgħa li l-Lhud kienu
jsejħulu “l-ewwel tal-ġimgħa” u r-Rumani “jum ix-xemx”,
għax f’dak il-jum Ġesù qam minn
bejn l-imwiet u deher lid-dixxipli, tkellem magħhom, kiel
magħhom, tahom l-Ispirtu s-Santu (ara Mt 28:1; Mk 16:9,14; Lq 24:1,13; Ġw 20:1,19), kif smajna fil-Qari
mill-Iskrittura. Anki meta l-Ispirtu niżel b’qawwa fuqhom f’Pentekoste,
dan seħħ il-Ħadd, ħamsin jum wara l-qawmien ta’ Ġesù.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ħadd hu jum qaddis għalina,
imqaddes miċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, preżenza ħajja
tal-Mulej fostna u għalina. Mela hi l-Quddiesa li tagħmel il-Ħadd Nisrani! Il-Ħadd Nisrani jdur madwar
il-Quddiesa. X’Ħadd ikun, għan-Nisrani, dak li fih tibqa’ nieqsa
l-laqgħa mal-Mulej?
Hemm komunitajiet
Insara li, b’xorti ħażina, ma jistgħux igawdu mill-Quddiesa kull
nhar ta’ Ħadd; imma anki dawn, f’dan il-jum qaddis, huma msejħa
jinġabru jitolbu f’isem il-Mulej, jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u
jżommu ħajja x-xewqa tal-Ewkaristija.
Xi
soċjetajiet sekularizzati warrbu għall-ġenb is-sens Nisrani
tal-Ħadd imdawwal mill-Ewkaristija. Xi dnub dan! F’dawn il-kuntesti hu
meħtieġ inqajmu mill-ġdid dan l-għarfien, biex nirkupraw
it-tifsira ta’ din il-festa, it-tifsira tal-ferħ, tal-komunità
parrokkjali, tas-solidarjetà, tal-mistrieħ li jġedded il-ġisem u
r-ruħ (ara Katekiżmu tal-Knisja
Kattolika, nn. 2177-2188). Dwar dawn il-valuri kollha tgħallimna
l-Ewkaristija, Ħadd wara Ħadd. Għalhekk il-Konċilju Vatikan
II ried jikkonferma li l-“Ħadd, wieħed
għandu
jipproponih lit-tjieba tal-fidili u jisħaq fuqu magħhom biex ikun
ukoll għalihom jum ta’ ferħ u ta’ mistrieħ mix-xogħol”
(Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium,
106).
Fl-ewwel sekli ma
kinitx teżisti d-drawwa li wieħed ma jaħdimx il-Ħadd: hi
ħaġa speċifika li ġab miegħu l-Kristjaneżmu.
Fit-tradizzjoni biblika l-Lhud kienu jistrieħu s-Sibt, waqt li
fis-soċjetà Rumana ma kienx hemm xi ġurnata tal-ġimgħa li
fiha l-ilsiera kienu jistrieħu mix-xogħol. Kien is-sens Nisrani
tal-ħajja bħala wlied u mhux bħala lsiera, animat
mill-Ewkaristija, li għamel mill-jum tal-Ħadd – kważi
universalment – jum il-mistrieħ.
Mingħajr
Kristu aħna kkundannati li nibqgħu maħkuma mill-għeja
tal-ħajja ta’ kuljum, mit-tħassib tagħha, u mill-biża’
tal-għada. Il-laqgħa mal-Mulej f’jum il-Ħadd tagħtina
l-qawwa li ngħixu l-ġurnata b’fiduċja u kuraġġ u biex
nibqgħu mexjin bit-tama f’qalbna. Għalhekk aħna l-Insara mmorru
niltaqgħu mal-Mulej nhar ta’ Ħadd, fiċ-ċelebrazzjoni
Ewkaristika.
Il-Komunjoni
Ewkaristika ma’ Ġesù, Rxoxt u Ħaj għal dejjem, tantiċipa dak
il-Ħadd li fuqu x-xemx ma tinżel qatt, meta mhux sa jkun hemm
iżjed taħbit, lanqas tbatija, lanqas luttu, u lanqas dmugħ, imma
biss il-ferħ li ngħixu b’mod sħiħ u għal dejjem
mal-Mulej. Anki dwar dan il-mistrieħ ta’ hena tkellimna l-Quddiesa
tal-Ħadd, u tgħallimna kif, mal-mixja tal-ġimgħa, nafdaw
ruħna f’idejn il-Missier tas-Smewwiet.
X’nistgħu
nwieġbu lil min jgħidilna li ma hemmx bżonn tmur il-Quddiesa,
lanqas il-Ħadd, għax l-importanti hu li tgħix tajjeb, tħobb
lill-proxxmu? Hu minnu li l-kwalità tal-ħajja Nisranija titkejjel skont
il-ħila li wieħed iħobb, kif qal Ġesù: “Minn dan
jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk
ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35); imma kif nistgħu
ngħixu l-Vanġelu mingħajr ma nixobru l-enerġija
meħtieġa biex nagħmlu dan, Ħadd wara l-ieħor,
mill-għajn ma taqta’ qatt tal-Ewkaristija? Aħna ma mmorrux
il-Quddiesa biex nagħtu xi ħaġa lil Alla, imma biex nirċievu mingħandu dak li
għandna bżonn tabilħaqq. Dan tfakkarhulna t-talba
tal-Knisja, li hekk tgħidlu lil Alla: “Għad li xejn ma
teħtieġ it-tifħir tagħna, inti jogħġbok
tagħtina l-grazzja biex minn qalbna rroddulek ħajr: għax jekk
il-ġieħ li nagħtuk ma jżidlek xejn fik innifsek, imma lilna
jiswielna għas-salvazzjoni” (Missal Ruman, Prefazju IV tal-Komun).
Biex nagħlaq,
għaliex għandna mmorru l-Quddiesa l-Ħadd? Mhux
biżżejjed twieġeb li dan hu preċett tal-Knisja; dan
jgħinna nżommu sħiħ il-valur tagħha, imma waħdu
mhux biżżejjed. Aħna l-Insara għandna bżonn li
nieħdu sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd għax hu biss bil-grazzja ta’
Ġesù, bil-preżenza ħajja tiegħu fina u fostna, li
nistgħu nqiegħdu fil-prattika l-kmandament tiegħu, u hekk insiru
xhieda kredibbli tiegħu.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard