IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 13 ta’ Novembru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli – 16.

“Prixxilla u Akwila ħaduh magħhom” (Atti 18:26). Koppja għall-qadi tal-Vanġelu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Din l-udjenza qed issir f’żewġ gruppi: il-morda qegħdin fl-Awla Pawlu VI – jien għaddejt ħdejhom l-ewwel, sellimtilhom u berikthom; hemm xi 250. Hemmhekk ikunu aktar komdi minħabba x-xita – u aħna hawn. Imma huma qed isegwuna minn fuq l-iskrin. Insellmu liż-żewġ gruppi b’applaws.

 

L-Atti tal-Appostli jirrakkuntaw kif Pawlu, ta’ evanġelizzatur li kien li ma jafx b’heda, wara l-waqfa f’Ateni, kompla jxerred il-Vanġelu fid-dinja. Tappa ġdida tal-vjaġġ missjunarju tiegħu hi f’Korintu, kapitali tal-provinċja Rumana tal-Akaja, belt kummerċjali u kożmopolitana, grazzi għall-preżenza ta’ żewġ portijiet importanti.

 

Kif naqraw fil-kapitlu 18 tal-Atti, Pawlu jsib ospitalità għand koppja miżżewġa, Akwila u Prixxilla (jew Priska), li kellhom iħallu Ruma u jmorru jgħixu Korintu wara li l-imperatur Klawdju kien ordna t-tkeċċija tal-Lhud (ara Atti 18:2). Hawn nixtieq niftaħ parentesi ċkejkna… Il-poplu Lhudi bata ħafna tul l-istorja. Kien imkeċċi, ippersegwitat… U, fl-aħħar seklu, rajna tant, tant brutalitajiet li saru kontra l-poplu Lhudi u lkoll konna konvinti li issa dan kollu kien spiċċa. Imma llum, reġgħet qed titfaċċa ’l hawn u ’l hemm id-drawwa li ssir persekuzzjoni kontra l-Lhud. Ħuti, dan la huwa uman u lanqas Nisrani. Il-Lhud huma ħutna! U ma għandniex nippersegwitawhom. Fhimtuni? Din il-koppja wriet li kellha qalb mimlija fidi f’Alla u ġeneruża lejn l-oħrajn, kapaċi tagħmel wisa’ għal min, bħalhom, kien qed jesperimenta l-qagħda ta’ barrani. Din is-sensibbiltà tagħhom twassalhom biex joħorġu minnhom infushom biex jipprattikaw l-arti Nisranija tal-ospitalità (ara Rum 12:13; Lhud 13:2) u jiftħu l-bibien tad-dar tagħhom biex jilqgħu fiha lill-Apposltu Pawlu. Hekk huma jilqgħu mhux biss lill-evanġelizzatur, imma anki l-aħbar li hu jġib miegħu: il-Vanġelu ta’ Kristu li hu “qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu” (Rum 1:16). U minn dak il-ħin id-dar tagħhom timtela bil-fwieħa tal-Kelma “ħajja” (Lhud 4:12) li taħji lill-qlub.

 

Akwila u Prixxilla jaqsmu ma’ Pawlu wkoll il-ħidma professjonali tagħhom, jiġifieri x-xogħol tat-tined. Fil-fatt Pawlu jistma ħafna x-xogħol tal-idejn u jżommu bħala spazju pprivileġġjat ta’ xhieda Nisranija (ara 1 Kor 4:12), barra li dan hu mod ġust kif isostni lilu nnifsu mingħajr ma jkun piż fuq l-oħrajn (ara 1 Tess 2:9; 2 Tess 3:8) jew fuq il-komunità.

 

Id-dar ta’ Akwila u Prixxilla f’Korintu tiftaħ il-bibien tagħha mhux biss għall-Appostlu imma wkoll għall-aħwa fi Kristu. Fil-fatt, Pawlu jħossu komdu jitkellem fuq il-“Knisja li tiltaqa’ f’darhom” (1 Kor 16:19), li ssir “dar tal-Knisja”, “domus ecclesiæ”, post ta’ smigħ tal-Kelma u ta’ ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Anki llum f’xi pajjiżi fejn ma hemmx libertà reliġjuża u m’hemmx il-libertà tal-Insara, dawn tal-aħħar jinġabru f’dar, xi ftit moħbija, biex jitolbu u jiċċelebraw l-Ewkaristija. Illum ukoll hemm dawn id-djar, dawn il-familji li jsiru tempju għall-Ewkaristija.

 

Wara sena u nofs joqgħod f’Korintu, Pawlu jħalli dik il-belt flimkien ma’ Akwila u Prixxilla, li jieqfu Efesu. Anki hemm id-dar tagħhom issir post ta’ katekeżi (ara Atti 18:26). Fl-aħħar, iż-żewġ miżżewġin jerġgħu jidħlu Ruma u jsiru destinatarji ta’ eloġju mill-aqwa li l-Appostlu jdaħħal fl-Ittra lir-Rumani. Kellu gratitudni kbira lejhom, u hekk kiteb Pawlu fl-Ittra lir-Rumani fuq din il-koppja miżżewġa. Isimgħu: “Selluli għal Priska u Akwila, li ħadmu miegħi fi Kristu Ġesù, għax huma wkoll issugraw ħajjithom għalija biex isalvawni; u mhux jien biss għandi għax nirringrazzjahom iżda wkoll il-knejjes kollha tal-Ġentili” (16:4). Kemm familji fi żmien il-persekuzzjoni jirriskjaw rashom biex iżommu moħbija lill-ippersegwitati! Dan hu l-ewwel eżempju: l-akkoljenza fil-familja, anki fil-mumenti koroh.

 

Fost l-għadd ta’ kollaboraturi ta’ Pawlu, Akwila u Prixxilla joħorġu bħala “mudelli ta’ ħajja konjugali impenjata b’responsabbiltà fil-qadi tal-komunità Nisranija kollha” u jfakkruna li, grazzi għall-fidi u t-tħabrik fl-evanġelizzazzjoni ta’ tant lajċi bħalhom, li l-Kristjaneżmu wasal sa għandna. Fil-fatt, “biex iniżżel għeruqu fl-art tal-poplu, biex jiżviluppa b’mod ħaj, kien hemm bżonn tal-impenn ta’ dawn il-familji. Imma aħsbu ftit kif il-Kristjaneżmu sa mill-bidu ġie mxandar mil-lajċi. Imqar intom il-lajċi għandkom ir-responsabbiltà, minħabba l-Magħmudija tagħkom, li tmexxu l-fidi ’l quddiem. Dan kien l-impenn ta’ ħafna familji, ta’ dawn il-miżżewġin, ta’ dawn il-komunitajiet Insara, tal-fidili lajċi li offrew l-‘humus’ biex tikber il-fidi” (Benedittu XVI, Katekeżi, 7 ta’ Frar 2007). Kemm hi sabiħa din il-frażi tal-Papa Benedittu XVI: il-lajċi jagħtu l-humus lill-fidi biex tikber.

 

Nitolbu lill-Missier, li għażel li jagħmel mill-miżżewġin l-“‘ikona’ vera u ħajja” tiegħu (Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia, 11) – naħseb li hawn għandna l-miżżewġin ġodda: isimgħuha intom is-sejħa tagħkom, għandkom tkunu l-ikona vera u ħajja – li jsawwab l-Ispirtu tiegħu fuq il-koppji Nsara kollha biex, fuq l-eżempju ta’ Akwila u Prixxilla, jagħrfu jiftħu l-bibien tal-qlub tagħhom għal Kristu u għal ħuthom u jibdlu d-djar tagħhom fi knejjes domestiċi. Kelma sabiħa: dar hi knisja domestika, fejn ngħixu l-komunjoni u noffru l-kult tal-ħajja li tingħax bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba. Jeħtieġ nitolbu lil dawn iż-żewġ qaddisin Akwila u Prixxilla, biex jgħallmu lill-familji tagħna jkunu bħalhom: knisja domestika fejn hemm l-humus, biex il-fidi tista’ tikber.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard