IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 13 ta’ Novembru 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-Kredu, li permezz tiegħu kull nhar ta’ Ħadd nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna, aħna naffermaw: “Nistqarr Magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet”.  Hawn għandna l-uniku riferiment espliċitu għal Sagrament fil-Kredu.  Fil-fatt il-Magħmudija hi l-“bieb” tal-fidi u tal-ħajja Nisranija.  Ġesù Rxoxt ħalla lill-Appostli dan il-mandat: Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.  Min jemmen u jitgħammed, isalva” (Mk 16:15-16).  Il-missjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza u taħfer id-dnubiet permezz tas-sagrament tal-Magħmudija.  Imma nerġgħu lura għall-kelmiet tal-Kredu.  L-espressjoni nistgħu naqsmuha fi tliet punti: “nistqarr”“Magħmudija waħda”“għall-maħfra tad-dnubiet”.

 

1. “Nistqarr”.  Xi jfisser dan?  Hu terminu solenni li jindika l-importanza għolja ta’ l-oġġett, jiġifieri tal-Magħmudija.  Fil-fatt, meta llissnu dawn il-kelmiet aħna nkunu naffermaw l-identità vera tagħna ta’ wlied Alla.  Il-Magħmudija f’ċertu sens hi l-karta ta’ l-identità tan-Nisrani, iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu, u ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu għall-Knisja.  Kollha tafuha l-ġurnata li fiha twelidtu u tiċċelebraw għeluq sninkom, hux veru?  Kollha kemm aħna niċċelebrawh għeluq sninna.  Nagħmlilkom din il-mistoqsija, li għamiltha drabi oħra, imma rrid nagħmilha mill-ġdid: Min minnkom jiftakarha d-data tal-Magħmudija tiegħu?  Jgħolli idu: ftit (u ma rridx nistaqsi lill-Isqfijiet biex ma nġagħilhomx jistħu…).  Imma ejjew nagħmlu ħaġa: il-lum, meta tmorru lura d-dar, staqsu ftit f’liema ġurnata ġejtu mgħammda, fittxuha, għax dan hu t-tieni għeluq sninkom.  L-ewwel għeluq sninkom hu dak tat-twelid għall-ħajja u t-tieni hu dak tat-twelid għall-Knisja.  Se tagħmluh dan?  Din biċċa xogħol biex tagħmluha d-dar: infittxu l-jum li fih twelidna għall-Knisja, u rroddu ħajr lil Alla għax f’jum il-Magħmudija fetħilna l-bieb tal-Knisja tiegħu.  Fl-istess ħin, mal-Magħmudija hi marbuta l-fidi tagħna fil-maħfra tad-dnubiet.  Is-Sagrament tal-Penitenza, jew Qrar, hu, fil-fatt, bħal “tieni Magħmudija”, li tfakkarna dejjem fl-ewwel waħda biex tibni fuqha u ġġeddidha.  F’dan is-sens jum il-Magħmudija tagħna hu l-punt tat-tluq ta’ mixja sabiħa, mixja lejn Alla li ttul ħajjitna kollha, mixja ta’ konverżjoni li hi l-ħin kollu mwieżna mis-Sagrament tal-Penitenza.  Aħsbu f’dan: meta aħna mmorru nqerru d-dgħufijiet tagħna, id-dnubiet tagħna, immorru nitolbu maħfra lil Ġesù, imma mmorru wkoll inġeddu l-Magħmudija tagħna b’din il-maħfra.  U dan hu s-sabiħ, qisna qed niċċelebraw jum il-Magħmudija tagħna f’kull Qrara.  Għalhekk il-Qrar m’hux xi seduta f’kamra tat-tortura, imma festa.  Il-Qrar qiegħed hemm għall-imgħammdin!  Biex inżommu nadifa l-libsa bajda tad-dinjità Nisranija tagħna!

 

2. It-tieni element: “Magħmudija waħda”.  Din l-espressjoni tfakkarna f’dik ta’ San Pawl: “Mulej wieħed, fidi waħda, Magħmudija waħda” (Efes 4:5).  Il-kelma “Magħmudija” tfisser litteralment “immersjoni”, u fil-fatt dan is-Sagrament hu verament immersjoni spiritwali fil-mewt ta’ Kristu, li minnha nqumu miegħU bħala ħlejjaq ġodda (ara Rum 6:4).  Hawn għandna quddiemna ħasil ta’ twelid mill-ġdid u ta’ dawl.  Twelid mill-ġdid għax iwettaq dak it-twelid mill-ilma u mill-Ispirtu li mingħajru ħadd ma jista’ jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet (ara Ġw 3:5).  Dawl, għax permezz tal-Magħmudija l-persuna umana tiġi mimlija bil-grazzja ta’ Kristu, “id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1:9) u jkeċċi d-dlamijiet tad-dnub.  Hu għalhekk li fiċ-ċerimonja tal-Magħmudija l-ġenituri jingħataw f’idejhom xemgħa mixgħula, biex tfisser dan id-dawl; il-Magħmudija ddawwalna minn ġewwa bid-dawl ta’ Ġesù.  Grazzi għal dan id-don l-imgħammed hu msejjaħ isir hu stess “dawl” – id-dawl tal-fidi li rċieva – għal ħutu, speċjalment għal dawk li qegħdin fid-dlam u m’humiex qed jilmħu l-iċken tbexbix ta’ dawl fuq ix-xefaq ta’ ħajjithom.

 

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Għalija l-Magħmudija hi fatt tal-passat, iżolat f’data li għaddiet, dik li sejrin tfittxu l-lum, jew realtà ħajja, li għandha x’taqsam mal-preżent tiegħi, f’kull waqt?  Tħossok b’saħħtek, bil-qawwa li jagħtik Kristu bil-mewt u l-qawmien tiegħu?  Jew tħossok mirbuħ, bla saħħa ta’ xejn?  Il-Magħmudija tagħti l-qawwa u tagħti d-dawl.  Tħossok imdawwal, b’dak id-dawl li jiġi minn Kristu?  Int persuna tad-dawl?  Jew int persuna mudlama, mingħajr id-dawl ta’ Ġesù?  Hemm bżonn nixorbu l-grazzja tal-Magħmudija, li hi rigal, u nsiru dawl għal kulħadd!

 

3. Fl-aħħar nett, aċċenn żgħir għat-tielet element: “għall-maħfra tad-dnubiet”.  Fis-sagrament tal-Magħmudija jinħafru d-dnubiet kollha, id-dnub oriġinali u d-dnubiet kollha personali, bħalma jinħafru wkoll il-pieni kollha tad-dnub.  Bil-Magħmudija jinfetaħ il-bieb għal mod ġdid u effettiv ta’ ħajja li m’hux imtaqqal mill-piż ta’ passat negattiv, imma diġà jdewwaqna l-ġmiel u t-tjieba tas-Saltna tas-Smewwiet.  Dan hu l-indħil qawwi tal-ħniena ta’ Alla f’ħajjitna, biex isalvana.  Dan l-intervent salvifiku ma jneħħix id-dgħufija tan-natura umana tagħna – ilkoll aħna dgħajfin u lkoll midinbin –; u ma jneħħilniex ir-responsabbiltà li nitolbu maħfra kull darba li niżbaljaw!  Jien ma nistax nitgħammed iktar minn darba, imma nista’ nqerr u hekk inġedded il-grazzja tal-Magħmudija.  Qisni nkun ħadt it-tieni Magħmudija.  Il-Mulej Ġesù hu hekk twajjeb u ma jegħja qatt jaħfrilna.  Anki meta l-bieb li l-Magħmudija fetħitilna biex nidħlu fil-Knisja jitbexxaq xi ftit, minħabba fid-dgħufijiet tagħna u d-dnubiet tagħna, il-Qrar jiftħu mill-ġdid, propju għax hu bħal tieni Magħmudija li taħfrilna kollox u ddawwalna biex nimxu ’l quddiem bid-dawl tal-Mulej.  Ejjew nimxu ’l quddiem hekk, hienja, għax il-ħajja għandna ngħixuha bil-ferħ ta’ Ġesù Kristu; u din hi grazzja tal-Mulej.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard