Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Kif tafu, fl-aħħar jiem għamilt il-vjaġġ appostoliku tiegħi fil-Kolombja. Irrodd ħajr b’qalbi kollha lill-Mulej għal dan id-don kbir; u nixtieq inġedded l-espressjoni tar-rikonoxxenza tiegħi lejn is-Sur President tar-Repubblika, li laqagħni b’tant kortesija, l-Isqfijiet Kolombjani li ħadmu tant biex ħejjew din iż-żjara, kif ukoll l-Awtoritajiet l-oħra tal-pajjiż, u dawk kollha li kkollaboraw għat-twettiq ta’ din iż-żjara. U ringrazzjament speċjali lill-poplu Kolombjan li laqagħni b’tant imħabba u tant ferħ! Poplu ferrieħi mqar qalb tant tbatijiet, imma ferrieħi; poplu li għandu tama. Waħda mill-affarijiet li l-aktar laqtuni fil-bliet kollha, qalb il-folla, kienu l-missirijiet u l-ommijiet bit-tfal, li kienu jerfgħu lil uliedhom biex il-Papa jberikhom, imma anki bi kburija kienu jperrċu lil uliedhom biex bħal jgħidu: “B’dan aħna mkabbrin! Din hi t-tama tagħna!”. Jiena għidt hekk bejni u bejn ruħi: poplu li kapaċi jagħmel it-tfal u jurihom kollu mkabbar, bħala tama tiegħu: dan hu poplu b’futur. U ħadt pjaċir wisq.

 

B’mod partikulari f’dan il-Vjaġġ ħassejt il-kontinwità maż-żewġ Papiet li qabli diġà kienu żaru l-Kolombja: il-Beatu Pawlu VI, fl-1968, u San Ġwanni Pawlu II, fl-1986. Kontinwità animata b’mod qawwi mill-Ispirtu, li jmexxi l-passi tal-poplu ta’ Alla tul it-toroq tal-istorja.

 

Il-motto tal-Vjaġġ kien “Demos el primer paso”, jiġifieri “Immiddu l-ewwel pass”, b’riferiment għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni li l-Kolombja għaddejja minnu biex toħroġ minn nofs seklu ta’ ġlied fi ħdanha, li żera’ tbatijiet u firdiet, fetaħ tant ġrieħi, li issa qajla jistgħu jitfejqu. Imma bl-għajnuna ta’ Alla, il-mixja issa bdiet. Biż-żjara tiegħi ridt inbierek l-isforz ta’ dak il-poplu, inwettqu fil-fidi u fit-tama, u nilqa’ x-xhieda tiegħu, li hu għana għall-ministeru tiegħi u għall-Knisja kollha. Ix-xhieda ta’ dan il-poplu hi għana għall-Knisja kollha.

 

Il-Kolombja – bħall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Latino-Amerikani – hi pajjiż b’għeruq Insara b’saħħithom. U jekk dan il-fatt iżid iktar fit-tbatija għat-traġedja tal-gwerra li fnietu, fl-istess waqt hu l-garanzija tal-paċi, il-pedament sod li fuqu jerġa’ jinbena, l-ikel għat-tama tiegħu li ma tintrebaħx. Hu ċar li l-Ħażin ried jifred il-poplu biex jeqred l-opra ta’ Alla, imma hu daqstant ieħor ċar li l-imħabba ta’ Kristu, il-Ħniena bla tarf tiegħu hi aqwa mid-dnub u mill-mewt.

 

Dan il-Vjaġġ fisser għalija li nwassal il-barka ta’ Kristu, il-barka tal-Knisja fuq ix-xewqa għall-ħajja u għall-paċi li tgelgel bil-qawwa mill-qalb ta’ dak il-pajjiż: dan stajt narah f’għajnejn l-eluf u eluf ta’ tfal, adolexxenti u żgħażagħ li mlew il-pjazza ta’ Bogotá u li ltqajt magħhom kullimkien; dak l-entużjażmu tal-ħajja li anki l-istess natura xxandar bl-abbundanza u l-bijodiversità tagħha. Il-Kolombja hi t-tieni pajjiż fid-dinja bl-akbar bijodiversità. F’Bogotá ltqajt mal-Isqfijiet kollha tal-pajjiż kif ukoll mal-Kumitat Direttiv tal-Konferenza Episkopali Latino-Amerikana. Nirringrazzja lil Alla li stajt ngħannaqhom miegħi u nagħtihom l-inkuraġġiment pastorali tiegħi għall-missjoni tagħhom għall-qadi tal-Knisja sagrament ta’ Kristu, is-sliem u t-tama tagħna.

 

Il-ġurnata ddedikata b’mod partikulari lit-tema tar-rikonċiljazzjoni, mument li kien fil-quċċata tal-Vjaġġ kollu, seħħet f’Villavicencio. Filgħodu kien hemm iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika kbira, bil-beatifikazzjoni tal-martri Jesús Emilio Jaramillo Monsalve, isqof, u Pedro María Ramírez Ramos, saċerdot; filgħaxija, il-Liturġija speċjali ta’ Rikonċiljazzjoni, simbolikament orjentata lejn Kristu ta’ Bocayá, bla dirgħajn u bla riġlejn, imbiċċer bħall-istess poplu tiegħu.

 

Il-beatifikazzjoni taż-żewġ Martri fakkritna b’mod ċar li l-paċi hi mibnija wkoll, u forsi fuq kollox, fuq id-demm ta’ tant xhieda tal-imħabba, tal-verità, tal-ġustizzja, u anki ta’ martri veri u proprji, maqtula għall-fidi tagħhom, bħat-tnejn li għadni kemm semmejt. Li nisma’ l-bijografiji tagħhom kienet ħaġa li qanqlitni sat-tixrid tad-dmugħ: dmugħ ta’ niket u ta’ ferħ flimkien. Quddiem ir-Relikwi tagħhom u l-uċuħ tagħhom, il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla ħass kemm hi qawwija l-identità tiegħu, b’niket, meta ħaseb f’tant, wisq vittmi, u b’ferħ, għall-ħniena ta’ Alla li tinfirex fuq dawk li jibżgħu minnu (ara Lq 1:50).

 

“It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu” (Salm 85:11), smajna fil-bidu. Dan il-versett tal-salm fih il-profezija ta’ dak li seħħ il-Ġimgħa li għaddiet fil-Kolombja; il-profezija u l-grazzja ta’ Alla għal dak il-poplu miġruħ, biex jista’ jerġa’ jqum mill-ġdid u jimxi f’ħajja ġdida. Dawn il-kelmiet profetiċi mimliji grazzja rajniehom jitlaħħmu fl-istejjer tax-xhieda, li tkellmu f’isem ħafna u ħafna li, ibda mill-ġrieħi tagħhom, bil-grazzja ta’ Kristu ħarġu minnhom infushom b’qalb miftuħa għal-laqgħa, għall-maħfra, għar-rikonċiljazzjoni.

 

F’Medellín il-perspettiva kienet dik tal-ħajja Nisranija bħala dixxipulat: il-vokazzjoni u l-missjoni. Meta l-Insara jħabirku sal-aħħar fil-mixja wara Ġesù Kristu, isiru tassew melħ, dawl u ħmira fid-dinja, u l-frott jidher kotran. Wieħed minn dan il-frott hu l-Hogares, jiġifieri d-Djar fejn it-tfal u l-adolexxenti li l-ħajja tathom fuq wiċċhom jistgħu jsibu familja ġdida fejn huma maħbuba, milqugħa, imħarsa u msieħba. U frott ieħor, f’għenieqed kotrana, hu l-vokazzjoni għall-ħajja saċerdotali u kkonsagrata, li stajt inbierek u ninkuraġġixxi bil-ferħ f’laqgħa mal-ikkonsagrati u l-familjari tagħhom li nibqa’ ma ninsiex.

 

U fl-aħħar nett, f’Cartagena, il-belt ta’ San Pietru Claver, appostlu tal-ilsiera, il-“fokus” kien fuq il-promozzjoni tal-persuna umana u tad-drittijiet fundamentali tagħha. San Pietru Claver, u bħalu Santa Maria Bernarda Bütler eqreb lejn żmienna, taw ħajjithom għall-ifqar fost il-fqar u l-imwarrbin, u hekk urew it-triq tar-rivoluzzjoni vera, dik tal-Vanġelu, mhux ideoloġika, li teħles tassew il-persuni u s-soċjetajiet mill-jasar tal-bieraħ, u b’xorti ħażina, tal-lum ukoll. F’dan is-sens, “immiddu l-ewwel pass” – il-motto tal-vjaġġ – ifisser noqorbu lejn xulxin, nitbaxxew, immissu l-laħam ta’ ġisem ħuna miġruħ u mitluq. U dan nagħmluh ma’ Kristu, il-Mulej li għalina sar ilsir. Grazzi għalih, għandna t-tama, għax hu l-ħniena u l-paċi.

 

Nafda mill-ġdid il-Kolombja u l-poplu maħbub tagħha lill-Omm, Sidtna Marija ta’ Chiquinquirá, li kelli x-xorti nqim fil-Katidral ta’ Bogotá. Bl-għajnuna ta’ Marija, kull Kolombjan jista’ jmidd ta’ kuljum l-ewwel pass lejn ħuh u oħtu, u hekk jibnu flimkien, jum wara jum, il-paċi fl-imħabba, fil-ġustizzja u fil-verità.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard