IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 13 ta’ April 2016

 

14. Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju (Mt 9:13)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Għadna kemm smajna l-Vanġelu tas-sejħa ta’ Mattew. Mattew kien “pubblikan”, jiġifieri jiġbor it-taxxi f’isem l-Imperu Ruman, u għalhekk kien meqjus midneb pubbliku. Imma Ġesù jsejjaħlu biex jimxi warajh u jsir dixxiplu tiegħu. Mattew jaċċetta, u jistiednu għall-ikel id-dar tiegħu flimkien mad-dixxipli. Għalhekk tqum diskussjoni bejn il-Fariżej u d-dixxipli ta’ Ġesù għax dawn jieklu fuq il-mejda mal-pubblikani u l-midinbin. “Imma int ma tistax tidħol id-dar ta’ dawn in-nies!”, qalulhom. Imma Ġesù ma jitbegħidx minnhom, anzi jidħol fid-djar tagħhom u jpoġġi maġenbhom; dan ifisser li anki huma jistgħu jsiru dixxipli tiegħu. U daqshekk ieħor hu minnu l-fatt illi għax aħna Nsara, dan ma jagħmilniex nies li ma niżbaljaw qatt. Bħal Mattew il-pubblikan, kull wieħed u waħda minna jrid jintreħa f’idejn il-grazzja tal-Mulej, minkejja d-dnubiet tagħna. Ilkoll aħna midinbin, ilkoll għandna dnubiet. Bis-sejħa ta’ Mattew, Ġesù qed juri lill-midinbin li hu ma jħarisx lejn l-imgħoddi tagħhom, lejn il-qagħda soċjali, lejn ir-regoli ta’ barra, imma pjuttost jiftaħ għalihom futur ġdid. Darba smajt qawl ħelu: “M’hemmx qaddis bla passat u m’hemmx midneb bla futur”. Dak hu li jagħmel Ġesù. M’hemmx qaddis li m’għandux passat, kif m’hemmx midneb li m’għandux futur. Biżżejjed inwieġbu għall-istedina b’qalb imċekkna u sinċiera. Il-Knisja m’hijiex komunità ta’ perfetti, imma ta’ dixxipli f’mixja, li mexjin wara l-Mulej għax għarfu li huma midinbin u fil-ħtieġa tal-maħfra tiegħu. Għalhekk il-ħajja Nisranija hi skola ta’ umiltà li tiftħilna qalbna għall-grazzja.

 

Din l-imġiba ma jifhimhiex min jippretedi li hu “ġust” u jaħseb li hu aħjar mill-oħrajn. Is-suppervja u l-kburija ma jħallukx tintebaħ li int fil-bżonn tas-salvazzjoni, anzi, iżommuk milli tara l-wiċċ ħanin ta’ Alla u timxi bi ħniena ma’ l-oħrajn. Huma bħal ħajt. Is-suppervja u l-kburija huma ħajt li jxekkel ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Safrattant, il-missjoni ta’ Ġesù hi propju din: jiġi jfittex lil kull wieħed u waħda minna, biex idewwi u jfejjaq il-ġrieħi tagħna u jsejħilna biex nimxu warajh bi mħabba. Jgħidha ċara: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda” (v. 12). Ġesù jippreżenta ruħu bħala tabib tajjeb! Hu jħabbar is-Saltna ta’ Alla, u s-sinjali tal-miġja tiegħu jidhru: Hu jfejjaq mill-mard, jeħles mill-biża’, mill-mewt u mill-ħakma tax-Xitan. Quddiem Ġesù l-ebda midneb ma jitħalla barra – l-ebda midneb ma jitħalla barra! – għax il-qawwa li tfejjaq ta’ Alla ma tafx b’mard li ma jistax jitfejjaq; u dan għandu jimliena bil-fiduċja u jiftħilna qalbna għall-Mulej biex jiġi u jerġa’ jfejjaqna. Meta sejjaħ lill-midinbin għall-mejda tiegħu, Hu fejjaqhom u reġa’ ġeddidhom f’dik il-vokazzjoni li huma ħasbu li kienu tilfu u li l-Fariżej insew: dik ta’ mistiedna għall-ikla tat-tieġ ta’ Alla. Skond il-profezija ta’ Isaija: “U jagħmel il-Mulej ta’ l-eżerċti għall-popli kollha fuq din il-muntanja, mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa, b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini. U dakinhar jgħidu: ‘Dan hu Alla tagħna: fih ittamajna li jsalvana; dan hu l-Mulej li fih ittamajna: nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu’” (25:6-9).

 

Jekk il-Fariżej f’dawk il-mistiedna raw biss midinbin u ma jridux joqogħdu mal-mejda magħhom, Ġesù min-naħa l-oħra jfakkarhom li anki huma jistgħu joqogħdu fuq l-istess mejda ma’ Alla. Hekk, li toqgħod fuq il-mejda ma’ Ġesù jfisser li tħallih jibdlek u jsalvak. Fil-komunità Nisranija l-mejda ta’ Ġesù hi doppja: hemm il-mejda tal-Kelma u hemm il-mejda ta’ l-Ewkaristija (ara Dei Verbum, 21). Din hi d-duwa li biha t-Tabib Divin ifejjaqna u jitmagħna. Bl-ewwel waħda – il-Kelma – Hu jurina min hu u jistedinna għal djalogu bejn il-ħbieb. Ġesù ma kienx jibża’ jiddjaloga mal-midinbin, mal-pubblikani, mal-prostituti… Le, hu ma kienx jibża’: kien iħobb lil kulħadd! Il-Kelma tiegħu tinfed fina, bħal xabla msinna, u taħdem fil-qiegħ nett biex teħlisna mill-ħażen li jinġema’ fil-ħajja tagħna. Xi drabi din il-Kelma tweġġagħna għax tikxef l-ipokreziji, tneħħi l-maskri ta’ l-iskużi foloz, tneżża’ l-veritajiet moħbija; imma fl-istess waqt iddawwal u ssaffi, tagħti qawwa u tama, hi restawr prezzjuż tal-mixja tal-fidi tagħna. L-Ewkaristija, min-naħa tagħha, titmagħna bl-istess ħajja ta’ Ġesù u, bħal rimedju qawwi ħafna, b’mod misterjuż iġġedded il-ħin kollu l-grazzja tal-Magħmudija tagħna. Meta nersqu lejn l-Ewkaristija aħna nitrejqu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, imma, meta jiġi fina, hu Ġesù li jorbotna mal-Ġisem tiegħu!

 

Fl-għeluq ta’ dak id-djalogu mal-Fariżej, Ġesù jfakkarhom f’kelma tal-profeta Hosegħa (6:6): “Mela morru tgħallmu x’jiġifieri: ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’” (Mt 9:13). Il-profeta jdur fuq il-poplu ta’ Israel u jċanfru għax it-talb li kien jagħmel kien kliem vojt u inkoerenti. Minkejja l-patt ta’ Alla u l-ħniena, il-poplu spiss kien jgħix b’reliġjożità “tal-qoxra”, bla ma jgħix fil-fond ta’ qalbu dak li ried il-Mulej. Għalhekk il-profeta jinsisti: “Ħniena rrid”, jiġifieri l-lealtà ta’ qalb li tagħraf dnubietha, tindem minnhom u terġa’ lura għall-fedeltà lejn il-patt ma’ Alla. “U mhux sagrifiċċju”: mingħajr qalb niedma, l-ebda għemil reliġjuż ma jista’ jħalli frott! Ġesù japplika din il-frażi profetika anki għar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin: dawk il-Fariżej kienu reliġjużi ħafna fil-forma, imma ma kinux lesti jaqsmu l-mejda mal-pubblikani u l-midinbin; ma kinux jirrikonoxxu l-possibbiltà li wieħed jerġa’ lura fit-triq it-tajba u hekk ifiq; ma kinux iqiegħdu l-ħniena fl-ewwel post: anki jekk kienu ħarriesa fidili tal-Liġi, urew li l-qalb ta’ Alla ma kinux jafuha! Dan bħal meta jkunu tawk pakkett b’rigal ġewwa u int, flok ma tmur tfittex ir-rigal, tħares biss lejn il-karta li fiha mgeżwer: id-dehra biss, il-forma, u mhux il-qalba tal-grazzja, tar-rigal li ngħatalek!

 

Għeżież ħuti, aħna lkoll mistiedna għall-ikla tal-Mulej. Ħa nagħmlu tagħna l-istedina biex inpoġġu maġenbU flimkien mad-dixxipli tiegħu. Nitgħallmu nħarsu bi ħniena u nagħrfu f’kull wieħed u waħda minnhom lil ħuna jew oħtna fuq l-istess mejda magħna. Aħna lkoll dixxipli fil-bżonn li nduqu u ngħixu l-kelma farrâġa ta’ Ġesù. Ilkoll neħtieġu nitrejqu mill-ħniena ta’ Alla, għax hu minn din l-għajn li tnixxi s-salvazzjoni tagħna. Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard