IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 13 ta’ Jannar 2016

 

4. Isem Alla hu l-Ħanin

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum qed nibdew il-katekeżi fuq il-ħniena skond il-perspettiva Biblika, biex hekk nitgħallmu x’inhi l-ħniena billi nisimgħu dak li Alla stess jgħallimna bil-Kelma tiegħu.  Nibdew bit-Testment il-Qadim, li jħejjina u jmexxina għar-rivelazzjoni sħiħa f’Ġesù Kristu, li fih b’mod sħiħ tidher il-ħniena tal-Missier.

 

Fl-Iskrittura Mqaddsa, il-Mulej hu ppreżentat bħala “Alla ħanin”.  Dan hu l-isem tiegħu, li bih Hu jurina, biex ngħidu hekk, il-wiċċ u l-qalb tiegħu.  Hu stess, kif jirrakkonta l-Ktieb ta’ l-Eżodu, meta juri ruħu lil Mosè jgħid hekk dwaru nnifsu: Jaħweh!  Jaħweh!  Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà (34:6).  Anki f’testi oħra nerġgħu niltaqgħu ma’ din il-formula, b’xi varjant, imma dejjem b’insistenza fuq il-ħniena u fuq l-imħabba ta’ Alla li ma jegħja qatt jaħfer (Ġen 4:2; Ġoel 2:13; Salm 86:15; 103:8; 145:8; Neħ 9:17).  Ejjew naraw flimkien, waħda waħda, dawn il-kelmiet ta’ l-Iskrittura Mqaddsa li jkellmuna dwar Alla.

 

Il-Mulej hu “ħanin”: din il-kelma tevoka atteġġjament ta’ ħlewwa bħal dak ta’ omm ma’ binha.  Fil-fatt, it-terminu Għebrajk li tuża l-Bibbja jfakkarna fil-ġewwieni jew anki fil-ġuf ta’ l-omm.  Għalhekk, ix-xbieha li jissuġġerixxi hi dik ta’ Alla li jitqanqal u jrattab qalbu għalina bħal meta omm taqbad f’dirgħajha lit-tarbija tagħha, tixtieq biss tħobbha, tħarisha, tgħinha, lesta li tagħtiha kollox, imqar lilha nfisha.  Din hi x-xbieha li jissuġġerixxi dan it-terminu.  Mela, imħabba li b’mod tajjeb nistgħu nsejħulha “ġewwinija”.

 

Imbagħad naqraw li l-Mulej “jagħder”, fis-sens li jagħti l-grazzja, juri kompassjoni u, fil-kobor tiegħu, jitbaxxa qrib min hu dgħajjef u fqir, dejjem lest biex jilqa’, jifhem, jaħfer.  Hu bħall-missier tal-parabbola li nsibu fil-Vanġelu ta’ Luqa (ara Lq 15:11-32): missier li ma jagħlaqx qalbu fil-korla għal ibnu ż-żgħir li telqu, imma għall-kuntrarju jkompli jistennieh – hu nislu u demmu –, u mbagħad joħroġ jiġri jiltaqa’ miegħu u jgħannqu, lanqas iħallih jispiċċa l-istqarrija tiegħu – qisu jrid jagħlaqlu ħalqu –, tant kemm hi kbira l-imħabba u l-ferħ li reġa’ sabu; u mbagħad imur ukoll isejjaħ lil ħuh il-kbir, li jħossu offiż u ma jridx jiċċelebra magħhom, l-iben li baqa’ dejjem id-dar imma għex bħala qaddej iżjed milli bħala iben, imma anki għal dan jitbaxxa l-missier, jistiednu jidħol, jipprova jiftaħlu qalbu għall-imħabba, biex ħadd ma jitħalla barra mill-festa tal-ħniena.  Il-ħniena hi festa!

 

Dwar dan Alla ħanin jingħad ukoll li “idum biex jagħdab”, litteralment, “nifsu twil”, jiġifieri n-nifs tiegħu kapaċi jistabar u jissaporti ħafna.  Alla jaf jistenna, iż-żmien tiegħu m’hux dak bla sabar tal-bnedmin; Hu bħall-bidwi għaref li jaf jistenna, jagħti ż-żmien liż-żerriegħa t-tajba biex din tikber, minkejja s-sikrana (ara Mt 13:24-30).

 

U fl-aħħar nett, il-Mulej jiftaħar li hu “kbir fit-tjieba u l-fedeltà”.  Kemm hi sabiħa din id-defenizzjoni ta’ Alla!  Fiha hawn kollox!  Għax Alla hu kbir u qawwi, imma dan il-kobor u din il-qawwa jidhru fl-imħabba li għandu lejna, aħna li aħna hekk żgħar, bla ħila.  Il-kelma “tjieba” użata hawn turi r-rispett, il-grazzja, l-imħabba.  M’hix l-imħabba tas-serje televiżivi…  Hi l-imħabba li tmidd l-ewwel pass, li ma tistrieħx fuq il-merti umani imma fuq gratwità immensa.  Hi l-għożża divina li xejn ma jista’ jwaqqaf, lanqas id-dnub, għax taf tmur lil hemm mid-dnub, tegħleb il-ħażen u taħfru.

 

“Fedeltà” bla limiti: araw l-aħħar kelma tar-rivelazzjoni ta’ Alla lil Mosè.  Il-fedeltà ta’ Alla qatt ma tonqos, għax il-Mulej hu l-Ħarries li, kif jgħid is-Salm, ma jorqodx imma jgħasses il-ħin kollu fuqna biex jagħtina l-ħajja:

 

“Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod

dak li jħares lil Israel.

[…]

Iħarsek il-Mulej minn kull deni;

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,

minn issa u għal dejjem(121:3-4,7-8).

 

U dan Alla ħanin hu fidil fil-ħniena tiegħu, u San Pawl jgħidilna ħaġa sabiħa ħafna: anki jekk int ma tibqax fidil lejH, Hu jibqa’ fidil, għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu.  Il-fedeltà fil-ħniena hi sewwa sewwa dak li Alla hu.  U għalhekk Alla hu għal kollox u dejjem ta’ min jafda fih.  Preżenza b’saħħitha u stabbli.  Din hi ċ-ċertezza tal-fidi tagħna.  U allura, f’dan il-Ġublew tal-Ħniena, ejjew nafdaw ruħna għal kollox f’idejH, u nduqu l-ferħ li aħna maħbuba minn dan “Alla ħanin u li jagħder, tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard