IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 12 ta’ Ottubru 2016

 

32. L-Opri tal-Ħniena korporali u spiritwali

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżi li għaddew dħalna ftit ftit fil-misteru kbir tal-ħniena ta’ Alla. Immeditajna fuq kif ħadem il-Missier fit-Testment il-Qadim u mbagħad, permezz tar-rakkonti tal-Vanġelu, rajna kif Ġesù, fi kliemu u fil-ġesti tiegħu, hu l-inkarnazzjoni tal-Ħniena. Hu, min-naħa tiegħu, għallem hekk lid-dixxipli tiegħu: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Hu impenn li jisfida l-kuxjenza u l-għemil ta’ kull Nisrani. Fil-fatt, mhux biżżejjed tagħmel esperjenza tal-ħniena ta’ Alla fil-ħajja tiegħek; hemm bżonn li kull min jirċeviha jsir ukoll sinjal u strument tagħha għall-oħrajn. Barra minn hekk, il-ħniena mhix riservata biss għal xi mumenti partikulari, imma tħaddan il-ħajja kollha tagħna ta’ kuljum.

 

Għalhekk, kif nistgħu nkunu xhieda tal-ħniena? Ejja ma naħsbux li dan ifisser li nagħmlu xi sforzi kbar jew ġesti ikbar milli nifilħu ta’ bnedmin li aħna. Le, mhuwiex hekk. Il-Mulej jurina triq wisq iżjed sempliċi, magħmula minn ġesti żgħar li, imma, f’għajnejh għandhom valur għoli, tant li hu qalilna li fuq dawn għad isir ħaqq minna. Fil-fatt, fost l-isbaħ paġni tal-Vanġelu ta’ Mattew insibu t-tagħlim li b’xi mod nistgħu nsejħulu t-“testment ta’ Ġesù” min-naħa tal-evanġelista, li daq direttament fil-ħajja tiegħu l-għemil tal-Ħniena. Ġesù jgħidilna li kull darba li nagħtu x’jiekol lil min hu bil-ġuħ u x’jixrob lil min hu bil-għatx, li nlibbsu persuna għarwiena u nilqgħu lil barrani, li nżuru lill-marid jew lill-ħabsi, dan inkunu nagħmluh lilu stess (ara Mt 25:31-46). Il-Knisja dawn sejħitilhom “opri tal-ħniena korporali”, għax huma għajnuna lill-persuni fil-ħtiġijiet materjali tagħhom.

 

Imma hemm ukoll seba’ opri tal-ħniena msejħa “spiritwali”, li jolqtu ħtiġijiet daqstant ieħor importanti, fuq kollox illum, għax imissu l-intimu tal-persuni u spiss joħolqu tbatija ikbar. Żgur li lkoll kemm aħna niftakru waħda li daħlet ħafna fil-lingwaġġ komuni: “Nieħdu bis-sabar lill-persuni li jdejquna”. U minn dawn hawn; persuni li jdejquna nsibu ħafna! Taf tidher ħaġa ftit li xejn importanti, li ġġibilna tbissima, imma fiha sentiment ta’ mħabba kbira; u dan jgħodd ukoll għas-sitta l-oħra, li tajjeb infakkruhom: agħti parir tajjeb lill-ħosbien, għallem lil min ma jafx, widdeb lill-midinbin, farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet, itlob ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Dawn ħwejjeġ tal-ħajja ta’ kuljum! “Kieku taf kemm inħossni mdejjaq…” – “Dak Alla jgħinek, imma jien m’għandix ħin…”. Le! Nieqaf, nisimgħu, naħli l-ħin u nfarrġu, dak hu ġest ta’ ħniena u dan inkun nagħmlu mhux biss miegħu, imma nkun nagħmlu ma’ Ġesù!

 

Fil-Katekeżi li ġejjin sa nieqfu fuq dawn l-opri, li l-Knisja tippreżentalna bħala l-mod konkret ta’ kif ngħixu l-ħniena. Matul is-sekli, tant persuni sempliċi qegħduhom fil-prattika, u hekk taw xhieda ġenwina tal-fidi. Barra dan, il-Knisja, fidila lejn Sidha, għandha mħabba preferenzjali għall-iżjed dgħajfa. Spiss huma l-eqreb nies lejna li għandhom bżonn tal-għajnuna tagħna. M’hemmx bżonn noħorġu nfittxu għemejjel kbar xi nwettqu. Aħjar nibdew minn dawk l-iżjed sempliċi, li l-Mulej jurina bħala l-iżjed urġenti. F’dinja li b’xorti ħażina hi milquta mill-marda tal-indifferenza, l-opri tal-ħniena huma l-aħjar mediċina. Fil-fatt, jedukawna għall-attenzjoni lejn l-iżjed ħtiġijiet bażiċi tal-“iċken fost ħutna” (Mt 25:40), li fihom hemm preżenti Ġesù. Ġesù hu dejjem preżenti hemm. Fejn hemm bżonn, persuna li hi fil-bżonn, kemm jekk materjali u kemm jekk spiritwali, hemm jinsab Ġesù. Li nagħrfu wiċċu f’dak ta’ min hu fil-bżonn hi tassew sfida kontra l-indifferenza. Tgħinna biex nishru dejjem, u nevitaw li Kristu jgħaddi minn biswitna bla ma nagħrfuh. Tiġini f’moħħi l-frażi ta’ Santu Wistin: Timeo Iesum transeuntem (Serm., 88, 14, 13), “Nibża’ mill-Mulej għaddej” u jien nibqa’ ma nagħrfux, li l-Mulej jgħaddi minn quddiemi f’waħda minn dawn il-persuni ċkejknin, fi-bżonn u jien ma nintebaħx li dan hu Ġesù. Nibża’ li l-Mulej jgħaddi u jien nibqa’ ma nagħrfux! Staqsejt lili nnifsi għaliex Santu Wistin qal li jibża’ mill-Mulej għaddej. Sfortunatament it-tweġiba qiegħda fil-mod kif inġibu ruħna aħna: għax spiss aħna moħħna band’oħra, indifferenti, u meta l-Mulej jgħaddi qrib tagħna aħna nitilfu l-okkażjoni li niltaqgħu miegħu.

 

L-opri tal-ħniena jerġgħu jqajmu fina l-ħtieġa u l-ħila li l-fidi nżommuha ħajja u ħawtiela bl-imħabba. Jiena konvint li permezz ta’ dawn il-ġesti sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum nistgħu nġibu rivoluzzjoni kulturali vera, kif seħħ fl-imgħoddi. Jekk kull wieħed u waħda minna, ta’ kuljum, jagħmel minn dawn l-opri, din tkun rivoluzzjoni fid-dinja! Imma lkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda minna. Kemm qaddisin għadhom imfakkra sal-lum mhux għall-opri kbar li wettqu, imma għall-imħabba li għarfu jgħaddu! Naħsbu f’Madre Teresa, ikkanonizzata ftit ilu: ma nfakkruhiex għall-ħafna djar li fetħet mad-dinja kollha, imma għax kienet tmil lejn kull persuna li kienet issib f’nofs ta’ triq biex troddilha d-dinjità tagħha. Kemm tfal mitluqa għafset ma’ dirgħajha; kemm moribondi sieħbet fuq l-għatba tal-eternità hi u taqbdilhom idejhom! Dawn l-opri ta’ ħniena huma l-karatteristiċi tal-Wiċċ ta’ Ġesù Kristu li jieħu ħsieb tal-iċken fost ħutu biex lil kull wieħed u waħda jwassal il-ħlewwa u l-qrubija ta’ Alla. Ħa jgħinna l-Ispirtu s-Santu, ħa jkebbes fina l-Ispirtu s-Santu x-xewqa li ngħixu b’dan l-istil ta’ ħajja: tal-inqas nagħmlu waħda ta’ kuljum, tal-inqas! Nitgħallmu mill-ġdid bl-amment l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali u nitolbu lill-Mulej jgħinna nqegħduhom fil-prattika ta’ kuljum u kull darba li naraw lil Ġesù f’persuna fil-bżonn.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard