IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 12 ta’ Settembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti: 8. Jum il-mistrieħ, profezija ta’ ħelsien

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżi tal-lum se nerġgħu nitkellmu fuq it-tielet kmandament, dak dwar jum il-mistrieħ. Id-Dekalogu, ippromulgat fil-ktieb tal-Eżodu, jiġi mtenni fil-ktieb tad-Dewteronomju b’mod kważi identiku, bl-eċċezzjoni ta’ din it-Tielet Kelma, fejn tidher differenza prezzjuża: waqt li fl-Eżodu l-motiv tal-mistrieħ hu l-barka tal-ħolqien, fid-Dewteronomju dan ifakkar tmiem il-jasar. F’dan il-jum l-ilsir irid jistrieħ bħas-sid, biex jiċċelebra t-tifkira tal-Għid tal-ħelsien.

 

Fil-fatt, l-ilsiera, b’defenizzjoni ma jistgħux jistrieħu. Imma jeżistu ħafna tipi ta’ jasar, kemm esterjuri u kemm interjuri. Hemm dak li jorbotna minn barra bħall-oppressjonijiet, il-ħajjiet maħbuta mill-vjolenza u minn kull xorta oħra ta’ inġustizzja. Jeżistu mbagħad il-ħabsijiet interjuri, li huma, ngħidu aħna, il-blokki psikoloġiċi, il-kumplessi, il-limiti tal-karattru u oħrajn. Jista’ jeżisti mistrieħ f’dawn il-kundizzjonijiet? Bniedem ikkalzrat u maħqur xorta jista’ jibqa’ jħossu ħieles? U persuna mġarrba minn diffikultajiet interjuri tista’ tkun ħielsa?

 

Fil-verità, hemm persuni li, anki fil-ħabs, jgħixu libertà kbira fil-qalb tagħhom. Ejja naħsbu, ngħidu aħna, f’San Massimiljanu Kolbe, jew fil-Kardinal Van Thuan, li rnexxielhom jibdlu moħqrijiet mill-aktar mudlama fi mkejjen ta’ dawl. L-istess kif hemm persuni mmarkati minn dgħufijiet kbar interjuri li, imma, jafu x’inhu l-mistrieħ li trodd il-ħniena u jafu jgħadduh lil oħrajn. Il-ħniena ta’ Ala teħlisna. U meta int tiltaqa’ mal-ħniena ta’ Alla, ikollok libertà interjuri kbira u tkun kapaċi wkoll tgħaddiha lill-oħrajn. Għalhekk hu tant importanti li ninfetħu għall-ħniena ta’ Alla biex ma nsirux ilsiera tagħna nfusna.

 

Mela x’inhi l-libertà vera? Forsi tikkonsisti fil-libertà tal-għażla? Bla dubju din hi parti mil-libertà, u nħabirku biex tiġi żgurata lil kull bniedem (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 73). Imma nafu tajjeb li mhux biżżejjed li tkun tista’ tagħmel dak li trid biex tkun tassew ħieles, jew ferħan. Il-vera libertà hi ħafna iżjed minn hekk.

 

Fil-fatt, hemm jasar li kapaċi jikkalzrana iktar minn ħabs, iżjed minn kriżi ta’ paniku, iżjed minn impożizzjoni ta’ kull tip: hu l-jasar tal-jien tagħna.[1] Dawk li l-jum kollu jħarsu fil-mera biex jaraw il-jien tagħhom. U l-jien tagħna jkollu statura ogħla mill-ġisem tagħna. Dawn huma lsiera tal-jien. Il-jien jista’ jsir tirann li jittortura lill-bniedem kull fejn ikun u joħloqlu l-ikbar oppressjoni, dik li tissejjaħ “dnub”, li mhux xi ksur banali ta’ kodiċi, imma falliment tal-eżistenza u l-qagħda ta’ min hu lsir (ara Ġw 8:34).[2] Id-dnub, fl-aħħar mill-aħħar, hu l-egoiżmu tagħna. “Jien irrid nagħmel din il-ħaġa u ma jimpurtanix jekk hemmx limitu, jekk hemmx kmandament, lanqas jimpurtani jekk hemmx imħabba”.

 

Ngħidu aħna, meta moħħna f’dan il-jien inkunu naħsbu fil-passjonijiet umani: iż-żaqqieq, il-ħali, ir-rgħib, l-inkurlat, l-għajjur, l-għażżien, is-supperv – u l-bqija – huma lsiera tal-vizzji tagħhom, li huma tiranni fuqhom u jitturmentawhom. M’hemmx waqfien għal min jaħseb f’żaqqu biss, għax il-gula hi l-ipokrezija tal-istonku, li hu mimli imma jġagħalna nemmnu li hu vojt. L-istonku ipokrita jagħmilna żaqqieqa. Aħna lsiera ta’ stonku ipokrita. M’hemmx waqfien għal min iħobb żaqqu u għall-ħali li jridu jgħixu skont il-pjaċir; it-tensjoni tal-pussess tal-ġid lir-rgħib teqirdu, għax dejjem irekken il-flus, u jagħmel il-ħsara lill-oħrajn; in-nar tal-korla u s-susa tal-għira jgħarru r-relazzjonijiet. Il-kittieba jgħidu li l-għira, lill-ġisem u r-ruħ iġġibhom sofra, bħal meta wieħed ikollu l-epatite: jisfar. L-għajjurin għandhom qalbhom safra, għax qatt ma jista’ jkollhom il-freskezza tas-saħħa tar-ruħ. L-għira teqred. L-għażż u t-telqa li jippruvaw jiskansaw ruħhom minn kull taħbit iġibuna ma nafux ngħixu; l-egoċentriżmu – dak il-jien li fuqu kellimtkom – supperv iħaffer foss bejnu u bejn l-oħrajn.

 

Għeżież ħuti, allura min hu l-veru lsir? Min hu dak li ma jafx b’mistrieħ? Min mhux kapaċi jħobb! U dawn il-vizzji kollha, dawn id-dnubiet, dan l-egoiżmu jbegħedna mill-imħabba u ma jħalliniex inħobbu. Insiru lsiera tagħna nfusna u ma nafux inħobbu, għax l-imħabba hi dejjem miftuħa għall-oħrajn.

 

It-tielet kmandament, li fil-mistrieħ jistedinna niċċelebraw il-ħelsien, għalina l-Insara hu profezija tal-Mulej Ġesù, li jfarrak il-jasar tad-dnub ta’ ġo fina biex lill-bniedem jagħtih il-ħila jħobb. L-imħabba vera hi l-ħelsien veru: tiddistakkana mill-pussess tal-ġid, terġa’ tibni r-relazzjonijiet ta’ bejnietna, taf tilqa’ u tagħti valur lill-proxxmu, tibdel f’don hieni kull taħbit, u troddilna l-ħila tal-komunjoni. L-imħabba teħlisna mqar jekk inkunu fil-ħabs, imqar jekk dgħajfin u limitati.

 

Din hi l-libertà li nirċievu mingħand il-Feddej tagħna, Sidna Ġesù Kristu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard



[1] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1733: L-għażla tad-diżubbidjenza u tal-ħażen hi abbuż tal-libertà li jwassal għall-jasar tad-dnub (ara Rum 6:17).

[2] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1739: “Il-libertà tal-bniedem hi limitata u tista’ tiżbalja. U fil-fatt il-bniedem żbalja. Ħieles, dineb. Għax meta hu ċaħad il-pjan tal-imħabba ta’ Alla, qarraq bih innifsu: sar ilsir tad-dnub. Dan it-tbegħid ewlieni ġieb kotra bla qies ta’ oħrajn. L-istorja tal-bniedem, sa mill-bidu, hi xhieda tad-deni u tal-moħqrija li ħarġu mill-qalb tal-bniedem bl-użu ħażin tal-libertà”.