IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 12 ta’ Awwissu 2015 

Il-Familja – 22. Festa

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum qed niftħu mixja qasira ta’ riflessjoni fuq tliet dimensjonijiet li jkopru, biex ngħidu hekk, ir-ritmu tal-ħajja tal-familja: il-festa, ix-xogħol, it-talb.

 

Nibdew bil-festa.  Il-lum se nitkellmu fuq il-festa.  U naqbdu u ngħiduha li l-festa vvintaha Alla.  Ejjew niftakru fl-għeluq tar-rakkont tal-ħolqien, fil-Ktieb tal-Ġenesi li għadna kemm smajna: “Fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.  U bierek Alla s-sebajum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien” (2:2-3).  Alla nnifsu jgħallimna kemm hu importanti nsibu ħin biex nikkontemplaw u ngawdu dak li jkun sar tajjeb fil-ħin tax-xogħol.  Qed nitkellem fuq ix-xogħol, naturalment, mhux biss fis-sens tamestier u tal-professjoni, imma fl-iktar sens wiesa’: kull azzjoni li biha aħna l-irġiel u n-nisa nistgħu nikkollaboraw ma’ l-opra ħallieqa taAlla.

 

Allura l-jum ta’ festa m’hux l-għażż ta’ min jintefa’ fuq pultruna ma jagħmel xejn, jew xi ħarba mir-realtà.  Le, il-festa hi qabel xejn ħarsa kollha mħabba u gratitudni lejn ix-xogħol magħmul tajjeb; qed niffesteġġjaw biċċa xogħol.  Anki intom, miżżewġin ġodda, qed tiffesteġġjaw ix-xogħol taż-żmien sabiħ ta’ għerusija: u din hi ħaġa sabiħa!  Hu ż-żmien li fih wieħed jieqaf iħares ftit lejn uliedu, jew in-neputijiet, li qed jikbru, u jaħseb: Xi ġmiel!  Hu ż-żmien biex fih inħarsu lejn id-dar tagħna, il-ħbieb li nilqgħu fiha, il-komunità ta’ madwarna, u naħsbu: Kemm hi ħaġa tajba!  Alla hekk għamel meta ħalaq id-dinja.  U l-ħin kollu jkompli jagħmel hekk, għax Alla dejjem joħloq, imqar bħalissa!

 

Jaf jiġri li festa tinzerta taħbat f’ċirkustanzi diffiċli jew ta’ niket, jew forsi niċċelebrawha “b’għoqda fil-gerżuma”.  Imma anki f’dawn il-każijiet, ħa nitolbu lil Alla l-qawwa li ma nbattluhiex għal kollox mis-sens tagħha.  Intom, ommijiet u missirijiet, tafuh tajjeb dan: kemm drabi, għax tħobbu lil uliedkom, issibu l-ħila li tgħattu d-dwejjaq tagħkom biex lilhom tħalluhom jgħixu sew il-festa, jiggustaw is-sens sabiħ tal-ħajja!  Kemm imħabba hemm f’dan kollu!

 

Anki fl-ambjenti tax-xogħol, xi drabi – bla ma nonqsu minn dmirijietna! – aħna nafu “ninfilzaw” imqar raġġ ċkejken ta’ festa: xi għeluq snin xi ħadd, xi żwieġ, xi twelid ġdid, kif ukoll xi okkażjoni ta’ rtirar jew merħba lil xi ħadd ġdid…, dan importanti.  Importanti li nagħmlu festa.  Huma mumenti ta’ familjarità fl-ingranaġġ tal-magna produttiva: jagħmlulna tajjeb!

 

Imma ż-żmien veru ta’ festa hu dak li fih nieqfu mix-xogħol professjonali tagħna, u hu qaddis, għax ifakkar lill-bniedem li hu maħluq xbieha ta’ Alla, li m’hux ilsir tax-xogħol, imma Sid tiegħu, u għalhekk aħna wkoll m’għandna qatt inkunu lsiera tax-xogħol, imma “sidien”.  Hemm kmandament għal dan, kmandament li kulħadd jaqa’ taħtu, ħadd m’hu eskluż!  U madankollu nafu li hemm miljuni ta’ rġiel u nisa u saħansitra tfal li huma lsiera tax-xogħol!  Fi żmienna għandna lsiera, li huma sfruttati, ilsiera tax-xogħol, u dan imur kontra Alla u kontra d-dinjità tal-bniedem!  L-ossessjoni bil-profitt ekonomiku u l-effiċjentiżmu tat-teknoloġija jqiegħdu f’riskju r-ritmi umani tal-ħajja, għax il-ħajja għandha r-ritmi umani tagħha.  Żmien il-mistrieħ, fuq kollox dak tal-Ħadd, qiegħed hemm għalina biex nistgħu ngawdu dak li la nistgħu nipproduċuh u lanqas nikkunsmawh, la nixtruh u lanqas inbiegħuh.  U minkejja dan, qed naraw kif l-ideoloġija tal-profitt u tal-konsum trid tnaqqar ukoll mill-festa: anki din kultant qed tiġi ridotta għal “biċċa negozju”, mod kif wieħed jagħmel il-flus u jonfoqhom.  Imma għalhekk qegħdin naħdmu aħna?  Il-kilba tal-konsum, li ġġib magħha l-ħela, hi marda kerha li, fost tant effetti oħra, fl-aħħar twassalna biex inħossuna għajjenin iktar minn qabel.  Tagħmel ħsara lix-xogħol veru, tikkonsma l-ħajja.  Ir-ritmi mħarbta tal-festa jħallu ħafna vittmi, spiss żgħażagħ.

 

Fl-aħħar nett, żmien il-festa hu qaddis għax Alla jgħammar fih b’mod speċjali.  L-Ewkaristija tal-Ħadd iżżejjen lill-festa bil-grazzja kollha ta’ Ġesù Kristu: il-preżenza tiegħu, imħabbtu, is-sagrifiċċju tiegħu, il-mod kif hu jagħmilna komunità, kif jibqa’ magħna…  U hekk kull realtà tirċievi t-tifsira sħiħa tagħha: ix-xogħol, il-familja, il-ferħ u t-taħbit ta’ kull ġurnata, anki t-tbatija u l-mewt; kollox jiġi ttrasfigurat mill-grazzja ta’ Kristu.

 

Il-familja hi mżejna b’dik il-kompetenza straordinarja li tifhem, tindirizza u twieżen il-valur awtentiku taż-żmien ta’ festa.  Kemm huma sbieħ il-festi fil-familja, huma sbieħ ħafna!  U b’mod partikulari l-Ħadd.  Żgur m’hix kumbinazzjoni li l-festi li fihom hemm post għall-familja kollha huma dawk li l-aktar jirnexxu!

 

L-istess ħajja tal-familja, meta nħarsu lejha bl-għajnejn tal-fidi, tidhrilna aqwa mit-taħbit li tiswielna.  Tidher quddiemna bħala kapulavur ta’ sempliċità, sabiħa propju għax m’hix artifiċjali, m’hix finta, imma għandha l-ħila tinkorpora fiha l-aspetti kollha tal-ħajja vera.  Tidher bħala ħaġa “tajba ħafna”, kif qal Alla meta temm il-ħolqien tar-raġel u tal-mara (ara Ġen 1:31).  Għalhekk, il-festa hi don prezzjuż ta’ Alla; rigal prezzjuż li Alla ta lill-familja tal-bnedmin: ejjew ma nirvinawhx!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard