IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 12 ta’ Frar 2020

 

Katekeżi fuq il-Beatitudnijiet: 

3. “Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa” (Mt 5:4)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Qbadna l-vjaġġ tagħna mal-Beatitudnijiet u llum nieqfu fuq it-tieni waħda: Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.

 

Fil-Grieg, li bih miktub il-Vanġelu, din il-beatitudni tiġi espressa b’verb li mhuwiex fil-passiv – fil-fatt il-henjin mhux iġarrbu dan in-niket – imma fl-attiv: “jitnikktu”; jibku, imma minn ġewwa. Huwa atteġġjament li sar ċentrali fl-ispiritwalità Nisranija u li l-Missirijiet tad-Deżert, l-ewwel irħieb tal-istorja, sejħulu “penthos”, jiġifieri niket interjuri li jiftaħ il-qalb għal relazzjoni mal-Mulej u mal-proxxmu; għal relazzjoni mġedda mal-Mulej u mal-proxxmu.

 

Dan il-biki, fl-Iskrittura, jista’ jkollu żewġ aspetti: l-ewwel minħabba fil-mewt jew fit-tbatija ta’ xi ħadd. L-aspett l-ieħor hu d-dmugħ imxerred minħabba fid-dnub – minħabba fid-dnub tagħna –, meta l-qalb iddemma’ għax imnikkta li weġġgħet lil Alla u lill-proxxmu.

 

Mela qed nitkellmu fuq il-ġid li nixtiequ lill-persuna l-oħra hekk li tant irridu nintrabtu magħha li nixtiequ naqsmu fin-niket tagħha. Hemm persuni li jibqgħu maqtugħin, pass lura; imma importanti li l-oħrajn inħalluhom jinfdu fil-qalb tagħna.

 

Kemm-il darba tkellimt dwar id-don tad-dmugħ, u fuq kemm hu prezzjuż.[1] Tista’ tħobb bi bruda? Tista’ tħobb b’mod funzjonali, b’obbligu? Żgur li le. Hemm l-imnikkta li sew jiġu mfarrġa, imma xi kultant hemm ukoll l-imfarrġa li sew jiġu mnikkta, jiġu mqajma min-ngħas tagħhom, li għandhom qalb samma tal-ġebel u nsew kif jibku. Jeħtieġ ukoll inqajmu mill-ġdid lil dawk li ma jafux kif jitqanqlu min-niket ta’ ħaddieħor.

 

Ngħidu aħna, il-luttu huwa triq iebsa, imma jista’ jiswa biex jiftħilna għajnejna fuq il-ħajja u fuq il-valur qaddis u insostitwibbli ta’ kull persuna, u f’dak il-ħin nintebħu kemm hu qasir iż-żmien.

 

Hemm it-tieni tifsira ta’ din il-beatitudni paradossali: nibku dnubietna.

 

Hawn irridu nagħżlu: hemm min jirrabja għax żbalja. Imma dak għax ikun imkabbar bih innifsu. Imma mbagħad hemm min jibki għall-ħażen li jkun għamel, għat-tajjeb li ma jkunx għamel, għat-tradiment fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Dan huwa l-biki għax ma nkunux ħabbejna, li joħroġ mill-fatt li jkollna għal qalbna l-ħajja ta’ ħaddieħor. Hawn nibku għax ma nkunux qed nikkorrispondu mal-Mulej li jridilna tant ġid, u jnikkitna l-ħsieb tal-ġid li stajna għamilna u ma għamilniehx; dan hu s-sens tad-dnub. Min jibki b’dan il-mod, jgħid: “Weġġajt lil min inħobb”, u dan inikktu sal-punt tad-dmugħ. Jalla jasal dan id-dmugħ!

 

Hawn qed nitkellmu fuq l-iżbalji tagħna li jeħtieġ naffrontawhom, hu suġġett iebes imma vitali. Naħsbu ftit fil-biki ta’ San Pietru, li wasslu għal imħabba ġdida u ħafna iżjed vera: hu biki li jsaffi, li jġedded. Pietru ħares lejn Ġesù u beka: qalbu ġiet imġedda. B’differenza minn Ġuda, li ma aċċettax li kien żbalja u, jaħasra, għamel suwiċidju. Li nifhmu li dnibna huwa don ta’ Alla, hija ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Aħna, waħidna, ma nistgħux nifhmuh id-dnub. Hija grazzja li jeħtieġ nitolbu. Mulej, agħtini li nifhem il-ħażen li għamilt jew li nista’ nagħmel. Dan huwa don kbir ħafna u wara li nifhmu dan, jiġi l-biki tal-indiema.

 

Wieħed mill-ewwel irħieb, Efrem tas-Sirja, jgħid li wiċċ maħsul bid-dmugħ għandu ġmiel li ma jitfissirx (ara Diskors axxetiku). Il-ġmiel tal-indiema, il-ġmiel tal-biki, il-ġmiel tas-sogħba! Bħal dejjem, il-ħajja Nisranija għandha fil-ħniena l-aqwa espressjoni tagħha. Għaref u hieni hu dak li jilqa’ n-niket marbut mal-imħabba, għax jirċievi l-faraġ tal-Ispirtu s-Santu li għandu l-ħlewwa ta’ Alla li jaħfer u jikkoreġi. Alla dejjem jaħfer: dan ma ninsewhx. Alla jaħfer dejjem, imqar l-ikreh dnubiet, dejjem. Il-problema fina qiegħda, li negħjew nitolbu maħfra, ningħalqu fina nfusna u ma nitolbux maħfra. Din hi l-problema; imma hu qiegħed hemm biex jaħfrilna.

 

Jekk inżommu dejjem quddiem għajnejna li Alla “ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna” (Salm 103:10), ngħixu fil-ħniena u fil-faraġ, u tidher fina l-imħabba. Ħa jagħtina l-Mulej li nħobbu bil-kotra, li nħobbu bit-tbissima, bil-qrubija, bil-qadi u anki bil-biki.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 76; Diskors liż-żgħażagħ tal-Università ta’ San Tumas, Manila, 18 ta’ Jannar 2015; Omelija fl-Erbgħa tar-Rmied, 18 ta’ Frar 2015.