IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 11 ta’ Diċembru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli – 18.

“Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni Nisrani!” (Atti 26:28). Pawlu priġunier quddiem is-sultan Agrippa

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba

 

Fil-qari tal-Atti tal-Appostli jissokta l-vjaġġ tal-Vanġelu fid-dinja u x-xhieda ta’ San Pawl hi dejjem immarkata iżjed mit-tbatija. Imma din hi ħaġa li tikber maż-żmien fil-ħajja ta’ Pawlu. Pawlu mhuwiex biss l-evanġelizzatur mimli bil-ħeġġa, il-missjunarju qalbieni fost il-pagani li jagħti ħajja lil komunitajiet Insara ġodda, imma huwa wkoll ix-xhud sofferenti tal-Irxoxt (ara Atti 9:15-16).

 

Il-wasla tal-Appostlu f’Ġerusalemm, imfissra fil-kapitlu 21 tal-Atti, tqajjem mibegħda kiefra kontrih, minn dawk li kienu jċanfruh: “Imma dan kien persekutur! Tafdawhx!”. Kif ġralu Ġesù, anki għal Pawlu Ġerusalemm hi l-belt ostili. Mar fit-Tempju, għarfuh, ħarġuh barra biex joqtluh tal-kolp, u ġie salvat in extremis mis-suldati Rumani. Mixli li kien qed jgħallem kontra l-Liġi u t-Tempju, jiġi arrestat u jibda l-pellegrinaġġ tiegħu ta’ ħabsi, l-ewwel quddiem is-Sinedriju, imbagħad quddiem il-Prokuratur Ruman f’Ċesarija, u fl-aħħar quddiem is-sultan Agrippa. Luqa jurina x-xebh bejn Pawlu u Ġesù, it-tnejn mibgħuda mill-għedewwa tagħhom, mixlija pubblikament u meqjusa innoċenti mill-awtoritajiet imperjali; u hekk Pawlu hu assoċjat mal-passjoni tal-Imgħallem tiegħu, u l-passjoni tiegħu ssir vanġelu ħaj. Jiena għadni ġej mill-Bażilika ta’ San Pietru u hemm kelli l-ewwel udjenza, dalgħodu, mal-pellegrini Ukreni, minn djoċesi tal-Ukrajna. Kemm persekuzzjoni laqqtu dawn in-nies; kemm batew għall-Vanġelu! Imma l-fidi ma nnegozjawhiex. Huma eżempju. Illum fid-dinja, fl-Ewropa, tant Insara huma ppersegwitati u jagħtu ħajjithom għall-fidi tagħhom, u huma ppersegwitati bl-‘ingwanti bojod’, jiġifieri jitwarrbu għall-ġenb, jiġu emarġinati… Il-martirju huwa n-nifs tal-ħajja ta’ Nisrani, ta’ komunità Nisranija. Dejjem se jkollna min hu martri fostna: dan huwa s-sinjal li aħna mexjin fit-triq ta’ Ġesù. Hija barka tal-Mulej, li fil-poplu ta’ Alla jkun hemm xi ħadd li jagħti din ix-xhieda tal-martirju.

 

Pawlu hu msejjaħ biex jiddefendi ruħu mill-akkużi, u fl-aħħar, fil-preżenza tas-sultan Agrippa II, l-apoloġija tiegħu tinbidel f’xhieda qawwija ta’ fidi (ara Atti 26:1-23).

 

Imbagħad Pawlu jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu: Kristu Rxoxt għamlu Nisrani u fdalu l-missjoni fost il-ġnus, “ħalli jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla, u bil-fidi tagħhom fija jiksbu l-maħfra tad-dnubiet u jkollhom sehem ma’ dawk li huma kkonsagrati lil Alla” fi Kristu (v. 18). Pawlu obda għal din il-missjoni li ngħata u m’għamilx ħlief juri kif il-profeti u Mosè ħabbru sa minn qabel dak li hu issa kien qed ixandar: li “l-Messija kellu jbati u jkun l-ewwel wieħed li jqum mill-imwiet, u jħabbar id-dawl kemm lill-poplu ta’ Iżrael u kemm lill-pagani” (v. 23). Ix-xhieda appassjonata ta’ Pawlu tmiss il-qalb tas-sultan Agrippa, li jonqsu biss imidd il-pass deċiżiv. U jgħidlu hekk, is-sultan: “Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni Nisrani!” (v. 28). Pawlu jiġi ddikjarat innoċenti, imma ma jistgħux jitilquh għax appella għal għand Ċesari. U hekk jissokta l-vjaġġ bla waqfien tal-Kelma ta’ Alla lejn Ruma. Pawlu, fil-ktajjen, hawn se jispiċċa, Ruma.

 

Ibda minn dan il-mument, ir-ritratt ta’ Pawlu huwa dak tal-ħabsi li l-ktajjen tiegħu huma s-sinjal tal-fedeltà tiegħu lejn il-Vanġelu u tax-xhieda li ta f’isem l-Irxoxt.

 

Il-ktajjen huma bla dubju prova umiljanti għall-Appostlu, li jidher f’għajnejn id-dinja qisu wieħed li “għamel xi delitt” (2 Tim 2:9). Imma l-imħabba tiegħu għal Kristu hi hekk qawwija li mqar dawn il-ktajjen jaqrahom bl-għajnejn tal-fidi; fidi li għal Pawlu mhijiex “teorija, opinjoni fuq Alla u fuq id-dinja”, imma “l-impatt tal-imħabba ta’ Alla fuq il-qalb tiegħu, […] hi mħabba għal Ġesù Kristu” (Benedittu XVI, Omelija fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina, 28 ta’ Ġunju 2008).

 

Għeżież ħuti, Pawlu jgħallimna l-perseveranza fit-tiġrib u l-ħila li naqraw kollox bl-għajnejn tal-fidi. Illum nitolbu lill-Mulej, għall-interċessjoni tal-Appostlu, biex iqajjem fina mill-ġdid il-fidi tagħna u jgħinna nkunu fidili sal-aħħar lejn il-vokazzjoni tagħna ta’ Nsara, ta’ dixxipli tal-Mulej, ta’ missjunarji.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard