IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Diċembru 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum nixtieq niftaħ l-aħħar serje ta’ katekeżi fuq l-istqarrija tal-fidi tagħna billi nittratta l-affermazzjoni “Nemmen fil-ħajja ta’ dejjem”.  B’mod partikulari nieqaf fuq il-ġudizzju fl-aħħar taż-żmien.  Imma m’għandniex għax nibżgħu: nisimgħu x’tgħidilna l-Kelma ta’ Alla.  Dwar dan, naqraw hekk fil-Vanġelu ta’ Mattew: Dak in-nhar Kristu “jiġi fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu  U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug  U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem” (Mt 25:31-33,46).  Meta naħsbu f’dak il-jum li fih Kristu għad jerġa’ jiġi u fil-ġudizzju ta’ l-aħħar, li fih jidher il-ġid li kull bniedem ikun għamel jew ikun naqas li jagħmel tul il-ħajja tiegħu fuq din l-art, bil-konsegwenzi kollha li joħorġu minn hekk, inħossuna qegħdin quddiem misteru ogħla minna, li bilkemm nistgħu nimmaġinaw.  Misteru li kważi b’mod naturali jqajjem fina sens ta’ biża’, u forsi anki ta’ twerwir.  Imma jekk nirriflettu tajjeb fuq din ir-realtà, din m’hix ħlief raġuni qawwija ta’ faraġ u ta’ fiduċja li twessa’ qalb in-Nisrani.

 

Dwar dan, ix-xhieda ta’ l-ewwel komunitajiet Insara tidwi qawwija daqs qatt qabel.  Fil-fatt, fiċ-ċelebrazzjonijiet u fit-talb tagħhom, huma kienu mdorrija jlissnu l-akklamazzjoni Maranathà, espressjoni magħmula minn żewġ kelmiet bl-Aramajk li, skond kif jiġu ppronunzjati, jistgħu jinftiehmu bħala supplika: “Ejja, Mulej!”, jew bħala ċertezza li tiġi mill-fidi: “Iva, il-Mulej ġej, il-Mulej hu fil-qrib”.  F’din l-esklamazzjoni tilħaq il-qofol tagħha r-Rivelazzjoni Nisranija kollha kemm hi, fi tmiem kontemplazzjoni meraviljuża li joffrulna l-Apokalissi ta’ Ġwanni (ara Apok 22:20).  F’dak il-każ, hi l-Knisja-għarusa li, f’isem l-umanità kollha u bħala l-ewwel frott tagħha, iddur f’riġlejn Kristu, l-għarus tagħha, fuq ix-xwiek li tinħafen mit-tgħanniqa tiegħu: it-tgħanniqa ta’ Ġesù, li hi l-milja tal-ħajja u l-milja ta’ l-imħabba.  Hekk jgħannaqna Ġesù.  Jekk naħsbu fil-ġudizzju minn din il-lenti, inwarrbu kull biża’ u dubju u minflok ikollna sens ta’ stennija u ferħ profond: dan għad ikun sewwa sew il-mument li fih niġu ġġudikati, lesti sa fl-aħħar biex niġu mlibbsa bil-glorja ta’ Kristu, bħal b’libsa ta’ tieġ, u mmexxija lejn il-festa tat-tieġ, xbieha tal-komunjoni sħiħa u dejjiema ma’ Alla.

 

It-tieni raġuni li timliena bil-fiduċja qiegħda fil-wegħda li għandna li, fil-waqt tal-ġudizzju, m’aħniex sa nitħallew waħidna.  Ġesù nnifsu, fil-Vanġelu ta’ Mattew, iħabbar kif, fl-aħħar taż-żminijiet, dawk li jkunu mxew warajh isibu posthom fil-glorja tiegħu, biex jagħmlu ħaqq flimkien miegħu (ara Mt 19:28)  Imbagħad l-Appostlu Pawlu, huwa u jikteb lill-komunità ta’ Korintu, jistqarr: “Jaqaw ma tafux li l-qaddisin għad jagħmlu ħaqq mid-dinja?  Kemm iktar, mela, mill-ħwejjeġ ta’ din il-ħajja!” (1 Kor 6:2-3).  Kemm hi ħaġa sabiħa din li nafu li f’dak il-mument deċiżiv, barra fuq Kristu, il-Paraklitu tagħna, l-Avukat tagħna quddiem il-Missier (ara 1 Ġw 2:1), nistgħu norbtu wkoll fuq l-interċessjoni u t-tjieba ta’ tant minn ħutna rġiel u nisa ikbar minna li terrqu qabilna l-mixja tal-fidi, li offrew ħajjithom għalina u li jissoktaw iħobbuna b’mod li ma jitfissirx bil-kliem!  Il-qaddisin diġà jgħixu quddiem Alla, fil-ġmiel tal-glorja tiegħu, u jitolbu għalina li għadna ngħixu f’din id-dinja.  Liema faraġ tqajjem f’qalbna din iċ-ċertezza!  Il-Knisja hi tabilħaqq omm u, bħal kull omm, tfittex il-ġid ta’ wliedha, fuq kollox ta’ dawk li huma l-iżjed imbiegħda u mħabbta, sakemm issib il-milja tagħha fil-ġisem glorjuż ta’ Kristu bil-membri kollha tiegħu.

 

Ħaġa oħra li taffaxxinana nsibuha fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, fejn insibu l-affermazzjoni espliċita li “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.  Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-waħdieni ta’ Alla” (Ġw 3:17-18).  Dan allura jfisser li dak il-ġudizzju finali diġà qed iseħħ, jibda issa matul l-eżistenza tagħna.  Dan il-ġudizzju jitlissen f’kull waqt tal-ħajja, qisu konferma ta’ kull għemil li bih aħna nilqgħu bil-fidi s-salvazzjoni li hi preżenti u taħdem fi Kristu, inkella ta’ meta ma nemmnux u hekk ningħalqu fina nfusna.  Imma jekk aħna ningħalqu għall-imħabba ta’ Ġesù, aħna stess inkunu nikkundannaw lilna nfusna.  Is-salvazzjoni hi li ninfetħu għal Ġesù, biex Hu jsalvana;  jekk aħna midinbin – u lkoll aħna – nitolbuH maħfra, u jekk immorru għandU bir-rieda li ngħixu ħajja tajba, il-Mulej jaħfrilna.  Imma biex nagħmlu dan jeħtieġ ninfetħu għall-imħabba ta’ Ġesù, li hi aqwa mill-ħwejjeġ l-oħra kollha.  L-imħabba ta’ Ġesù hi kbira, l-imħabba ta’ Ġesù hi kollha ħniena, l-imħabba ta’ Ġesù taħfer; imma jeħtieġ li int tiftaħ qalbek, u tiftaħ qalbek ifisser tindem, tixli lilek innifsek b’dawk il-ħwejjeġ li m’humiex tajbin u li int għamilt.  Il-Mulej Ġesù ngħata u jkompli jingħata għalina, biex jaħsilna bil-ħniena kollha tiegħu u bil-grazzja tal-Missier.  Għalhekk f’ċertu sens aħna stess nistgħu nsiru mħallfin tagħna nfusna, billi nikkundannaw lilna nfusna għal ħajja ’l barra mill-komunjoni ma’ Alla u ma’ ħutna.  Għalhekk ejjew ma negħjew qatt ngħassu fuq il-ħsibijiet u l-atteġġjamenti tagħna, biex nistgħu nduqu minn issa stess l-imħabba u l-ġmiel tal-wiċċ ta’ Alla – u dan sa jkun sabiħ ħafna – li fil-ħajja ta’ dejjem għad nikkontemplawh fil-milja kollha tiegħu.  Nibqgħu mexjin ’il quddiem, bil-ħsieb f’moħħna ta’ dan il-ġudizzju li jibda minn issa, li diġà beda.  Nimxu, u nagħmlu mod li qalbna tkun miftuħa għal Ġesù u għas-salvazzjoni tiegħu; nimxu bla biża’, għax l-imħabba ta’ Ġesù hi wisq ikbar, u jekk aħna nitolbu maħfra ta’ dnubietna, Hu jaħfrilna.  Hekk hu magħmul Ġesù!  Ejjew mela nimxu b’din iċ-ċertezza, li trid twassalna għall-glorja tas-Sema!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard