IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2015

 

Kelmtejn fil-bidu ta’ l-Udjenza Ġenerali

 

F’dawn il-jiem il-Knisja fl-Italja qed tiċċelebra l-Konvenju Nazzjonali f’Firenze.  Il-kardinali, l-isqfijiet, l-ikkonsagrati, il-lajċi, kulħadd flimkien.  Nistedinkom titolbu Sliema lill-Madonna għalihom.  [Sliema għalik]

 


 

KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Il-Familja – 32. Il-konvivjalità [li ngħixu flimkien fil-ferħ]

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum se nirrifletti fuq kwalità karatteristika tal-ħajja fil-familja li wieħed jitgħallem sa mill-ewwel snin tal-ħajja: il-konvivjalità, jiġifieri meta naqsmu flimkien il-ġid tal-ħajja u nifirħu li nistgħu nagħmlu dan.  Li naqsmu u nagħrfu naqsmu hi virtù prezzjuża!  Is-simbolu tagħha, l-“ikonatagħha, hi l-familja miġbura mal-mejda tad-dar.  Il-qsim ta’ l-ikla – u għalhekk, barra ta’ l-ikel, anki tar-rispett, tar-rakkonti, tal-ġrajjiet… – hu esperjenza fundamentali.  Meta hemm festa, għeluq snin xi ħadd, anniversarju, insibu ruħna madwar il-mejda.  F’xi kulturi hi drawwa li dan isir ukoll b’sens ta’ viżtu, biex wieħed ikun qrib ta’ min hu mnikket għat-telfa ta’ xi qarib.

 

Il-konvivjalità hi termometru żgur biex inkejlu kemm huma b’saħħithom ir-relazzjonijiet: jekk fil-familja hemm xi ħaġa sejra ħażin, jew xi ġerħa moħbija, minn fuq il-mejda tintebaħ dritt.  Familja li kważi qatt ma tiekol flimkien, jew fejn fuq il-mejda ma jitkellmux ma’ xulxin imma kulħadd jara t-televiżjoni, jew is-smartphone, hi familja “ftit li xejn familja”.  Meta l-ulied mal-mejda huma mwaħħlin mal-kompjuter, mal-mowbajl, u ma jisimgħux lil xulxin, din m’hix familja, dik lukanda.

 

Il-Kristjaneżmu għandu sejħa speċjali għall-konvivjalità, kulħadd jafha din.  Il-Mulej Ġesù kien iħobb ħafna jgħallem madwar il-mejda, u xi drabi kien iqabbel is-saltna ta’ Alla ma’ ikla ta’ festa.  Ġesù għażel il-mejda wkoll biex jgħaddi lid-dixxipli tiegħu t-testment spiritwali tiegħu – dan għamlu waqt ċena – miġbur kollu fil-ġest memorjali tas-Sagrifiċċju tiegħu: don ta’ Ġismu u ta’ Demmu bħala Ikel u Xorb ta’ salvazzjoni, li jitimgħu l-imħabba vera u li tibqa’.

 

F’din il-perspettiva, nistgħu ngħidu tajjeb li l-familja tħossha “f’darha” waqt il-Quddiesa, propju għax fl-Ewkaristija tieħu magħha l-esperjenza tagħha ta’ konvivjalità u tiftaħha għall-grazzja ta’ konvivjalità universali, ta’ l-imħabba ta’ Alla għad-dinja.  Meta tieħu sehem fl-Ewkaristija, il-familja tiġi msoffija mit-tentazzjoni li tingħalaq fiha nfisha, imqawwija fl-imħabba u fil-fedeltà, u twessa’ l-konfini tal-fraternità tagħha skond il-qalb ta’ Kristu.

 

Fi żmienna, immarkat minn tant għeluq u wisq ħitan, il-konvivjalità, imnissla mill-familja u mitmugħa mill-Ewkaristija, issir opportunità kruċjali.  L-Ewkaristija u l-familji mitmugħin minnha jistgħu jegħlbu l-għeluq u jibnu pontijiet ta’ qlub li jilqgħu u ta’ karità.  Iva, l-Ewkaristija ta’ Knisja ta’ familji, kapaċi trodd lill-komunità l-ħmira bieżla tal-konvivjalità u ta’ l-ospitalità reċiproka, hi skola ta’ inklużjoni umana li ma tibżax mill-konfrontazzjonijiet!  M’hemmx ċkejknin, iltiema, dgħajfa, bla difiża, miġruħa u delużi, qalbhom maqtugħa u abbandunati, li l-konvivjalità Ewkaristika tal-familji ma tistax titmagħhom, tirrestawrahom, tħarishom u tilqagħhom.

 

Il-memorja tal-virtujiet familjari tgħinna nifhmu.  Aħna stess għarafna, u għadna nagħrfu, x’mirakli jistgħu jseħħu meta omm ikollha ħarsa u attenzjoni, dedikazzjoni u għożża għall-ulied ta’ ħaddieħor, barra għal dawk tagħha.  Sal-bieraħ, kienet biżżejjed omm għat-tfal kollha tal-bitħa!  U mill-ġdid: nafu tajjeb x’qawwa jiksbu l-popli fejn il-missirijiet lesti jitħarrku minn posthom biex jaqbżu għall-ulied ta’ kulħadd, għax iqisu l-ulied bħala ġid waħdieni, li jieħdu gost u huma mkabbrin li jistgħu jipproteġuhom.

 

Il-lum ħafna kuntesti soċjali jqiegħdu xkiel quddiem il-konvivjalità tal-familja.  Hu minnu, il-lum m’huwiex faċli.  Irridu nsibu mod kif nerġgħu niksbuha.  Mal-mejda nitkellmu ma’ xulxin, mal-mejda nisimgħu lil xulxin.  M’għandu jkun hemm l-ebda skiet, dak is-skiet li m’hux is-skiet tal-monaċi, imma s-skiet ta’ l-egoiżmu, fejn kulħadd moħħu fih innifsu, jew fit-televiżjoni jew fil-kompjuter… u ma jitkellmux.  Le, xejn silenzju.  Hemm bżonn niksbu mill-ġdid dik il-konvivjalità familjari u nadattawha għal żminijietna.  Il-konvivjalità donnha saret ħaġa li tixtriha u tbigħha, imma hekk issir ħaġa oħra.  U n-nutriment m’hux dejjem is-simbolu ta’ qsim ġust tal-ġid, li kapaċi jilħaq lil min la għandu ħobż u lanqas imħabba.  Fil-Pajjiżi għonja nispiċċaw nonfqu biex nitimgħu żżejjed, u mbagħad nispiċċaw nerġgħu nonfqu biex nagħmlu tajjeb għaż-żejjed li kilna.  U dan l-“iffangar” bla sens jisirqilna l-attenzjoni tagħna minn fuq il-ġuħ veru, tal-ġisem u tar-ruħ.  Meta m’hemmx konvivjalità hemm l-egoiżmu, kulħadd jibda jaħseb għalih innifsu.  Biex tagħqad, il-pubbliċità rriduċietha għall-aptit tal-ħlewwiet.  Waqt li ħafna, ħafna minn ħutna għadhom m’humiex mal-mejda.  Tal-mistħija!

 

Ejjew inħarsu lejn il-misteru tal-Festa Ewkaristika.  Il-Mulej jaqsam Ġismu u jxerred Demmu għal kulħadd.  Tabilħaqq m’hemmx qsim li jista’ jirreżisti lil dan is-Sagrifiċċju ta’ komunjoni; l-imġiba ta’ falzità, ta’ kompliċità mal-ħażen biss tista’ teskludi ruħha minnu.  Kull distanza oħra ma tistax tirreżisti lill-qawwa bla difiża ta’ dan il-ħobż maqsum u ta’ dan l-inbid imxerred, Sagrament tal-Ġisem wieħed tal-Mulej.  Il-patt ħaj u li jagħti l-ħajja tal-familji Nsara, li fid-dinamiżmu ta’ l-ospitalità tiegħu jiġi qabel, iwieżen u jħaddan in-niket u l-ferħ tal-ħajja ta’ kuljum, jikkopera mal-grazzja ta’ l-Ewkaristija, li għandha l-ħila toħloq komunjoni dejjem ġdida bil-qawwa tagħha li tinkludi u tifdi.

 

Il-familja Nisranija hekk turi kemm hu tassew wiesgħa x-xefaq veru tagħha, li hu x-xefaq tal-Knisja Omm tal-bnedmin kollha, ta’ l-imwarrbin u l-esklużi kollha, fil-ġnus kollha.  Nitolbu biex din il-konvivjalità familjari tista’ tikber u timmatura fiż-żmien ta’ grazzja tal-Ġublew tal-Ħniena li jmiss.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard