IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA
ĠENERALI
Pjazza
San Pietru
L-Erbgħa
11 ta’ Ottubru
2017
It-Tama
Nisranija – 36. L-istennija attenta
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nixtieq
nieqaf ftit fuq dik id-dimensjoni tat-tama li hi l-istennija attenta. It-tema tas-sahra hi waħda mill-aspetti
ewlenin tat-Testment il-Ġdid. Ġesù jipprietka hekk lid-dixxipli
tiegħu: “Żommu ġenbejkom imħażżma u
l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil
sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat,
jiftħulu minnufih” (Lq 12:35-36). F’dan iż-żmien ta’ wara
l-qawmien ta’ Ġesù, fejn jaleternaw kontinwament bejniethom mumenti sereni
u oħrajn ta’ tbatija, l-Insara qatt ma jintelqu. Il-Vanġelu
jirrikkmandalna li nkunu bħall-qaddejja li qatt ma jmorru jorqdu, sakemm
ma jkunx daħal lura sidhom. Din id-dinja titlob minna responsabbiltà, u
aħna nassumuha kollha u bi mħabba. Ġesù jrid li l-ħajja
tagħna tkun ħabrieka, li qatt ma nbaxxu l-miri tagħna, biex
nilqgħu bi gratitudni u għoġba kull jum ġdid mogħti
lilna mill-Mulej. Kull għodwa hi paġna bajda li n-Nisrani jibda
jikteb bl-opri tajba tiegħu. Aħna diġà
ġejna salvati mill-fidwa ta’ Ġesù, imma issa nistennew id-dehra sħiħa tal-ħakma tiegħu: meta
saflaħħar Alla jkun kollox f’kulħadd (ara 1 Kor 15:28). Xejn ma
hu iżjed żgur, fil-fidi tal-Insara, minn dan l-“appuntament”, dan
l-appuntament mal-Mulej, meta hu għad jiġi. U meta jasal dan il-jum,
aħna l-Insara rridu nkunu bħal dawk il-qaddejja li qattgħu
l-lejl b’ġenbejhom imħażżma u l-imsiebaħ
mixgħula: irridu nkunu lesti biex nilqgħu s-salvazzjoni li
ġejja, lesti għal din il-laqgħa. Ħsibtu, intom, kif
għad tkun dik il-laqgħa ma’ Ġesù, meta hu jiġi? Sa tkun
tgħanniqa, ferħ bla qies, ferħ kbir! Irridu ngħixu
fl-istennija ta’ din il-laqgħa!
In-Nisrani mhux
magħmul biex joqgħod jagħmel id-dwejjaq; jekk xejn, hu
magħmul biex jistabar. Jaf li
mqar fil-monotonija ta’ ċerti ġranet dejjem l-istess hemm moħbi
misteru ta’ grazzja. Hemm persuni li bil-perseveranza ta’ mħabbithom isiru
bħal bjar li jsaqqu d-deżert bl-ilma. Xejn ma jiġri
għalxejn, u l-ebda sitwazzjoni li fiha jsib ruħu mgħaddas
in-Nisrani ma hi kompletament reżistenti għall-imħabba. L-ebda
lejl ma hu daqshekk twil li jista’ jnessi l-ferħ taż-żerniq. U
iżjed ma jkun mudlam il-lejl, eqreb hu sbiħ il-jum. Jekk nibqgħu
magħquda ma’ Ġesù, il-kesħa tal-mumenti ibsin ma tħalliniex
paralizzati; u mqar jekk id-dinja kollha kellha tipprietka kontra t-tama, jekk
kellha tgħidilna li l-futur sa jġibilna biss sħab iswed,
in-Nisrani jaf li f’dak l-istess futur hemm il-miġja lura ta’ Kristu. Meta
sa jseħħ dan ħadd ma jaf, imma l-ħsieb li
fl-aħħar tal-istorja tagħna hemm Ġesù Ħanin, hu biżżejjed
biex nafdaw u ma nisħtux il-ħajja. Kollox għad jiġi mifdi.
Kollox. Se nbatu, sa jkun hemm mumenti li jqanqlu rabja u korla, imma t-tifkira
ħelwa u qawwija ta’ Kristu tkeċċi t-tentazzjoni tal-ħsieb
li din il-ħajja hi xi żball.
Issa li sirna nafu
lil Ġesù, aħna ma nistgħux ħlief inħarsu lejn l-istorja b’fiduċja u tama. Ġesù hu
bħal dar, u aħna qegħdin fiha, u mit-twieqi ta’ din id-dar
aħna nħarsu lejn id-dinja. Għalhekk ma ningħalqux fina
nfusna, ma noqogħdux nibku b’malinkonija xi passat li jidher tad-deheb,
imma ejjew inħarsu dejjem ’il quddiem, lejn futur li mhuwiex biss opra ta’
jdejna, imma li qabelxejn hu fil-ħsieb kostanti tal-providenza ta’ Alla.
Dak kollu li hu mudlam, jum wieħed għad isir dawl.
U naħsbu
wkoll li Alla ma jgiddibx lilu nnifsu. Qatt. Alla ma jqarraq qatt bina.
Ir-rieda tiegħu għalina mhix mudlama, imma hi pjan ta’ salvazzjoni
mirqum tajjeb: “Irid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu
l-verità” (1 Tim 2:4). Għalhekk ma nintelqux f’idejn il-ġrajjiet li
jgħaddu minn għalina b’pessimiżmu, bħallikieku l-istorja
kienet ferrovija li tlifna l-kontroll tagħha. Ir-rassenjazzoni mhijiex
virtù Nisranija. Bħalma mhix ħaġa tan-Nisrani li jagħti
spallejh jew ibaxxi rasu quddiem destin li jidher donnu ma jistax jaħrab minnu.
Min iġib
it-tama lid-dinja qatt ma hu persuna li ċċedi. Ġesù
jgħidilna biex nistennewh, imma ma noqogħdux b’idejna fuq
żaqqna: “Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru!”
(Lq 12:37). Ma hemmx bennej tal-paċi li fl-aħħar
mill-aħħar ma pperikolax il-paċi personali tiegħu għax
tgħabba bil-problemi tal-oħrajn. Il-persuna li ċċedi ma
hijiex bennejja tal-paċi imma għażżiena, trid toqgħod
komda hi. Mentri n-Nisrani hu bennej tal-paċi meta jirriskja, meta jkollu
l-kuraġġ li jirriskja biex iġib il-ġid, il-ġid li
Ġesù tana, li tana bħala teżor.
F’kull jum ta’
ħajjitna, intennu dik l-invokazzjoni li l-ewwel dixxipli, fl-ilsien
Aramajk tagħhom, kienu jesprimu bil-kliem
Marana tha, li nerġgħu nsibuha fl-aħħar
vers tal-Bibbja: “Ejja, Mulej Ġesù!” (Apok 22:20). Hu r-ritornell ta’ kull
ħajja Nisranija: fid-dinja tagħna m’għandna bżonn ta’ xejn
iktar ħlief iż-żegħila ta’ Kristu. Xi grazzja tkun jekk,
fit-talb, fil-jiem tqal ta’ din il-ħajja, nisimgħu leħnu li
jweġibna u jiżgurana: “Arani ġej minnufih” (Apok 22:7)!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard