IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Settembru 2013
Il-Knisja Omm ta’ l-Insara

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum nerġgħu naqbdu l-katekeżi fuq il-Knisja f’din is-Sena tal-Fidi.  Qalb ix-xbihat li l-Konċilju Vatikan II għażel biex jgħinna nifhmu aħjar in-natura tal-Knisja, hemm dik ta’ “omm”: il-Knisja hi omm tagħna fil-fidi, fil-ħajja sopranaturali (ara Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 6.14.15.41.42).  Din hi waħda mix-xbihat li l-aktar jużaw Missirijiet il-Knisja fl-ewwel sekli u naħseb li tista’ tkun utli għalina wkoll.  Ngħid għalija hi waħda mill-isbaħ xbihat tal-Knisja: il-Knisja omm!  F’liema sens u b’liema mod il-Knisja hi omm?  Nitilqu mir-realtà umana tal-maternità: x’tagħmel l-omm?

 

1. Qabel xejn l-omm tnissel għall-ħajja, iġġorr f’ġufha għal disa’ xhur lill-iben tagħha u mbagħad tiftaħlu t-triq għall-ħajja meta tildu.  Hekk hi l-Knisja: tnissilna fil-fidi, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu li jagħtiha li tagħmel il-frott, bħall-Verġni Marija.  Il-Knisja u l-Verġni Marija huma t-tnejn ommijiet; dak li jingħad għall-Knisja jista’ jingħad ukoll għall-Madonna, u dak li jingħad għall-Madonna jista’ jingħad ukoll għall-Knisja!  Hu minnu li l-fidi hi att personali: “jiena nemmen”, jiena li b’mod personali nwieġeb lil Alla li jgħarrafni lilu nnifsu u jixtieq jidħol fi ħbiberija miegħi (ara Enċiklika Lumen fidei, n. 39).  Imma l-fidi jien nirċeviha minn għand l-oħrajn, f’familja, f’komunità li tgħallimni llissen “jiena nemmen”, “aħna nemmnu”.  L-ebda Nisrani m’hu gżira!  Aħna ma nsirux Insara f’xi laboratorju, aħna ma nsirux Insara waħidna u bis-saħħa tagħna, imma l-fidi hi rigal, hi don ta’ Alla li jingħata fil-Knisja u permezz tal-Knisja.  U l-Knisja tagħtina l-ħajja tal-fidi fil-Magħmudija: dak hu l-mument li fih tagħtina t-twelid bħala wlied Alla, il-mument li fih tagħtina l-ħajja ta’ Alla, tilidna kif tagħmel omm.  Jekk tmorru taraw il-Battisteru ta’ San Ġwann fil-Lateran, fil-Katidral tal-Papa, fuq ġewwa hemm skrizzjoni bil-Latin li xi ftit jew wisq tgħid hekk: “Hawn jitwieled poplu ta’ razza divina, imnissel mill-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja lil dawn l-ilmijiet; il-Knisja Omm tiled lil uliedha minn dawn l-imwieġ”.  Dan jgħallimna ħaġa importanti: li nagħmlu parti mill-Knisja m’hux xi fatt esterjuri u formali, ma jfissirx nimlew xi karta li jagħtuna, imma hu att interjuri u vitali; aħna m’aħniex membri tal-Knisja l-istess kif aħna membri ta’ soċjetà, ta’ partit jew ta’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra.  Ir-rabta hi waħda li tagħti l-ħajja, kif hi dik li wieħed ikollu ma’ ommu, għax, kif jgħid Santu Wistin, “il-Knisja hi tabilħaqq omm ta’ l-Insara” (De moribus Ecclesiæ, I,30,62-63: PL32,1336).  Nistaqsu lilna nfusna: Kif qed inħares lejn il-Knisja jien?  Jekk jien rikonoxxenti wkoll lejn il-ġenituri tiegħi għax tawni l-ħajja, jien rikonoxxenti lejn il-Knisja li nisslitni fil-fidi permezz tal-Magħmudija?  Kemm Insara jiftakru liema hi d-data tal-Magħmudija tagħhom?  Jien nixtieq nagħmel din il-mistoqsija lilkom hawnhekk, imma kull wieħed u waħda jwieġeb fil-qalb tiegħu: Kemm minnkom jiftakru liema hi d-data tal-Magħmudija tagħhom?  Xi wħud qed jgħollu jdejhom, imma kemm oħrajn ma jiftakruhiex!  Imma d-data tal-Magħmudija hi d-data tat-twelid tagħna fil-Knisja, id-data li fiha ommna l-Knisja wilditna!  U issa nħallilkom biċċa xogħol biex tagħmluha d-dar.  Il-lum meta tmorru lura d-dar, morru fittxu sew liema hi d-data tal-Magħmudija tagħkom, u dan agħmluh biex tiffesteġġjawha, biex troddu ħajr lill-Mulej għal dan id-don.  Se tagħmluha?  Inħobbuha lill-Knisja l-istess kif inħobbu lil ommna, u nafu nifhmu wkoll id-difetti tagħha?  L-ommijiet kollha għandhom difetti, ilkoll għandna difetti, imma meta d-diskors jaqa’ fuq id-difetti ta’ ommna aħna nippruvaw ngħattuhom, għax inħobbuha hekk kif inhi.  U l-Knisja wkoll għandha d-difetti tagħha: inħobbuha bl-istess mod bħal ommna, ngħinuha tikber fil-ġmiel tagħha, issir iżjed awtentika, iktar kif jixtieqha l-Mulej?  Inħallikom b’dawn il-mistoqsijiet, imma tinsewx x’għandkom tagħmlu: fittxu d-data tal-Magħmudija tagħkom biex tgħożżuha f’qalbkom u tiffesteġġjawha.

 

2. L-omm ma tillimitax ruħha għall-fatt li tagħti l-ħajja, imma b’għożża kbira tgħin lil uliedha jikbru, tagħtihom il-ħalib, titmagħhom, tgħallimhom il-mixja tal-ħajja, isseħibhom dejjem bl-attenzjoni tagħha, bl-affett tagħha, bl-imħabba tagħha, anki meta jikbru.  U f’dan taf anki twissi, taħfer, tifhem, taf tkun qribhom fil-mard, fit-tbatija.  F’kelma waħda, omm tajba tgħin lil uliedha joħorġu minnhom infushom, biex ma jibqgħux fil-kumdità ta’ taħt il-ġwenħajn materni, kif il-flieles jibqgħu mkenna taħt ġwenħajn il-qroqqa.  Il-Knisja, bħal omm twajba, tagħmel l-istess ħaġa: timxi magħna aħna u nikbru, hi u twasslilna l-Kelma ta’ Alla, li hi dawl li jurina t-triq tal-ħajja Nisranija; tamministralna s-Sagramenti.  Titmagħna bl-Ewkaristija, twasslilna l-maħfra ta’ Alla permezz tas-Sagrament tal-Penitenza, tqawwina fil-mument tal-mard bid-Dilka tal-Morda.  Il-Knisja timxi magħna fil-ħajja kollha tal-fidi tagħna, fil-ħajja Nisranija sħiħa tagħna.  Mela nistgħu nagħmlu xi mistoqsijiet oħra: X’relazzjoni għandi jien mal-Knisja?  Inħossha bħala ommi li tgħinni nikber bħala Nisrani?  Nieħu sehem fil-ħajja tal-Knisja, inħossni parti minnha?  Ir-relazzjoni tiegħi hi relazzjoni formali jew hi waħda vitali?

 

3. It-tielet ħsieb fil-qosor.  Fl-ewwel sekli tal-Knisja kienet ċara ħafna din ir-realtà: il-Knisja, waqt li hi omm għall-Insara, waqt li “tagħmel” l-Insara, hi wkoll “magħmula” minnhom.  Il-Knisja m’hix xi ħaġa differenti minna nfusna, imma rridu nħarsu lejha bħala l-ġabra sħiħa ta’ dawk li jemmnu, bħala l-“aħna” ta’ l-Insara kollha: jien, int, ilkoll kemm aħna nagħmlu parti mill-Knisja.  San Ġrolmu kiteb hekk: “Il-Knisja ta’ Kristu m’hix ħaġa oħra għajr l-erwieħ ta’ dawk li jemmnu fi Kristu” (Tract. Ps 86: PL26,1084).  Għalhekk il-maternità tal-Knisja ngħixuha lkoll, rgħajja u fidili.  Spiss nisma’ min jgħid: “Jien nemmen f’Alla imma mhux fil-Knisja…  Smajt li l-Knisja tgħid… il-qassisin jgħidu…”.  Imma l-qassisin huma ħaġa oħra; imma l-Knisja m’hix magħmula biss mill-qassisin, il-Knisja aħna lkoll!  U jekk int tgħid li temmen f’Alla u ma temminx fil-Knisja, qed tgħid li ma temminx fik innifsek; u din hi kontradizzjoni.  Il-Knisja hi aħna lkoll: mit-tarbija li ġiet mgħammda dan l-aħħar sa l-Isqfijiet, sal-Papa; ilkoll aħna Knisja u lkoll aħna ndaqs f’għajnejn Alla!  Ilkoll aħna msejħa nikkollaboraw fit-twelid ta’ Nsara ġodda għall-fidi, ilkoll imsejħa nkunu edukaturi fil-fidi, biex inħabbru l-Vanġelu.  Kull wieħed u waħda minna jistaqsi lilu nnifsu: X’qed nagħmel jien biex oħrajn jistgħu jaqsmu miegħi l-fidi Nisranija?  Qed nagħti frott fil-fidi tiegħi jew jien magħluq fija nnifsi?  Meta ntenni li jiena nħobb Knisja li ma tibqax magħluqa ’l ġewwa miċ-ċint tagħha, imma li hi kapaċi toħroġ, tiħarrek, anki b’xi riskju kultant, biex twassal lil Kristu lil kulħadd, jiġini f’moħħi kulħadd, jiena nnifsi, inti, kull Nisrani.  Ilkoll għandna sehem fil-maternità tal-Knisja, sa ma d-dawl ta’ Kristu jilħaq it-truf l-aktar imbiegħda tad-dinja.  Viva ommna l-Knisja mqaddsa!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard