IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Ġunju 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Id-don tal-biża’ ta’ Alla, li fuqu sa nitkellmu l-lum, jagħlaq il-lista tas-seba’ doni ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Ma jfissirx li aħna għandna għax nibżgħu minn Alla: nafu sewwa li Alla hu Missier, u li jħobbna u jixtieq is-salvazzjoni tagħna, u dejjem jaħfer, dejjem; għalhekk m’hemmx raġuni biex nitbeżżgħu minnU!  Fil-verità l-biża’ ta’ Alla hu d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu li jfakkarna kemm aħna żgħar quddiemu u quddiem imħabbtu u li l-ġid tagħna qiegħed f’li nintelqu f’idejh b’umiltà, b’rispett u b’fiduċja.  Dan hu l-biża’ ta’ Alla: l-abbandun fit-tjieba tal-Missier tagħna li jridilna tant ġid.

 

1. Meta l-Ispirtu s-Santu jidħol jgħammar f’qalbna, ixerred fiha faraġ u sliem, u jwassalna biex inħossuna kif tassew aħna, jiġifieri ċkejknin, b’dik l-imġiba – li Ġesù tant jirrikkmanda fil-Vanġelu – ta’ min iqiegħed it-tħassib u l-inkwiet kollu tiegħu f’Alla u jħossu mdawwar u mwieżen mill-imħabba u l-ħarsien tiegħu, sewwa sew bħal tifel ċkejken ma’ missieru!  Dan hu li jagħmel l-Ispirtu s-Santu fil-qlub tagħna: jagħmel li nħossuna bħal tfal ċkejknin f’dirgħajn missierna.  F’dan is-sens, allura, nifhmu tajjeb kif il-biża’ ta’ Alla jieħu fina l-bixra ta’ doċilità, ta’ ħajr u ta’ tifħir, u jimla lil qlubna bit-tama.  Ħafna drabi, fil-fatt, ma jirnexxilniex nifhmu x’inhu l-pjan ta’ Alla, u nintebħu li m’għandniex ħila niżguraw għalina nfusna l-hena u l-ħajja ta’ dejjem.  Imma huwa sewwa sew fl-esperjenza tal-limiti tagħna u tal-faqar tagħna li l-Ispirtu jfarraġna u jgħinna nifhmu li l-unika ħaġa importanti hi li nħallu lil Ġesù jmexxina hu f’dirgħajn Missieru.

 

2. Hekkhu għaliex għandna tant bżonn ta’ dan id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Il-biża’ ta’ Alla jagħmilna konxji li kollox jiġi b’grazzja u s-saħħa vera tagħna niksbuha biss jekk nimxu wara l-Mulej Ġesù u nħallu lill-Missier isawwab fuqna it-tjieba u l-ħniena tiegħu.  Niftħu qalbna, biex it-tjieba u l-ħniena ta’ Alla jiġu fina.  Dan hu li jagħmel l-Ispirtu s-Santu bid-don tal-biża’ ta’ Alla: jiftaħ il-qlub.  Qalb miftuħa biex jixterdu fina l-maħfra, il-ħniena, it-tjieba u l-imħabba tal-Missier, għax aħna wlied infinitament maħbuba.

 

3. Meta nħallu jaħkimna dan il-biża’ ta’ Alla, allura naslu biex nimxu wara l-Mulej b’umiltà, b’doċilità u b’ubbidjenza.  Dan, imma, mhux b’atteġġjament ta’ rassenjazzjoni, passività, jew anki ta’ tmaqmiq, imma bl-għoġba u l-ferħ ta’ iben li jara lill-istess Missieru qed jaqdih u jħobbu.  Il-biża’ ta’ Alla, mela, ma jagħmilx minna Nsara dgħajfa, li noqogħdu għal kollox, imma jnissel fina kuraġġ u qawwa!  Hu don li jagħmilna Nsara konvinti, imħeġġa, li ma joqogħdux għall-Mulej minħabba fil-biża’ tagħhom minnu, imma għax huma mqanqla u mirbuħa minn imħabbtu!  Mirbuħa mill-imħabba ta’ Alla!  U din hi ħaġa sabiħa.  Inħallu tirbaħna din l-imħabba ta’ missier, li tant iħobbna, iħobbna b’qalbu kollha.

 

Imma ejjew niftħu għajnejna, għax id-don ta’ Alla, id-don tal-biża’ ta’ Alla hu anki “allarm” għal min jibqa’ mwaħħal fid-dnub.  Meta persuna tkun tgħix fid-dnub, meta tidgħi kontra Alla, meta tisfrutta lill-oħrajn, meta ġġibhom taħtha, meta tgħix biss għall-flus, għall-vanità, jew il-poter, jew il-kburija tagħha nfisha, allura l-biża’ qaddis ta’ Alla jservi ta’ twissija: attenzjoni!  B’dan il-poter kollu, b’dawn il-flus kollha, bil-kburija kollha tiegħek, bil-vanità kollha tiegħek, m’intix ħa tkun ferħan.  Ħadd ma jista’ jieħu miegħu fil-ħajja l-oħra, u la flus, la poter, la vanità, la kburija.  Xejn!  Nistgħu biss nieħdu magħna l-imħabba li Alla l-Missier jagħtina, iż-żegħil tiegħu, li nkun aċċettajna u lqajna bi mħabba.  U nistgħu nieħdu magħna dak li nkunu għamilna għall-oħrajn.  Attenti li ma npoġġux tamietna fil-flus, fil-kburija tagħna nfusna, fil-poter, fil-vanità, għax dan kollu ma jġibilna ebda riżq!  Jiġuni f’moħħi, ngħidu aħna, dawk li għandhom responsabbiltà fuq l-oħrajn u jħallu min jikkorrompihom; intom taħsbu li persuna korrotta sa tkun ferħana n-naħa l-oħra?  Le, il-frott kollu tal-korruzzjoni tagħha ħassar lil qalbha u jkun diffiċli għaliha li tmur għand il-Mulej.  Jiġuni f’moħħi dawk li jgħixu minn fuq dahar it-traffikar tal-persuni u x-xogħol sfurzat; taħsbu intom li dawn in-nies li jittraffikaw il-persuni, li jjassru l-persuni bix-xogħol sfurzat għandhom f’qalbhom l-imħabba ta’ Alla?  Le, ma jibżgħux minn Alla u m’humiex henjin.  M’humiex.  Jiġuni f’moħħi dawk li jiffabbrikaw armi biex ikattru l-gwerra; imma x’mistier hu dan!  Jiena ċert li jekk nagħmel din il-mistoqsija issa: Kemm minnkom tiffabbrikaw l-armi?  Ħadd, ħadd.  Dawn il-fabbrikanti ta’ l-armi ma jiġux jisimgħu l-Kelma ta’ Alla!  Dawn jiffabbrikaw il-mewt, huma negozjanti tal-mewt u jinnegozjaw il-mewt.  Jalla l-biża’ ta’ Alla jiftħilhom għajnejhom ħa jifhmu li jum wieħed kollox għad jispiċċa u li għad iridu jagħtu kont lil Alla.

 

Għeżież ħbieb, is-Salm 34 jgħallimna nitolbu hekk: “Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.  L-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom” (vv. 7-8).  Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nwaħħdu leħinna ma’ dak tal-foqra, biex nilqgħu id-don tal-biża’ ta’ Alla u, flimkien magħhom, nagħrfu li aħna ġejna mlibbsa bil-ħniena u l-imħabba ta’ Alla, li hu Missierna, il-papà tagħna.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard