IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 11 ta’ Mejju 2016

 

18. Il-Missier Ħanin (ara Lq 15:11-32)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum din l-udjenza qed issir f’żewġ postijiet: billi kien hemm il-biża’ tax-xita, il-morda jinsabu fl-Awla Pawlu VI u magħqudin magħna bl-iskrin kbir; żewġ postijiet imma udjenza waħda. Insellmu lill-morda li qegħdin fl-Awla Pawlu VI. Il-lum nixtiequ nirriflettu fuq il-parabbola tal-Missier il-ħanin. Din titkellem fuq missier u ż-żewġt uliedu, u tlaqqagħna mal-ħniena bla tarf ta’ Alla.

 

Nibdew mill-aħħar, jiġifieri mill-ferħ f’qalb il-Missier, li jgħid: “Nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab” (vv. 23-24). B’dan il-kliem il-missier qata’ d-diskors ta’ ibnu ż-żgħir fejn kien beda jistqarr il-ħtija tiegħu: “Ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek…” (v. 19). Imma l-missier din l-espressjoni fil-qalb tiegħu ma jġerraħhiex, anzi jħaffef irodd lura lil ibnu s-sinjali tad-dinjità tiegħu: il-libsa sabiħa, iċ-ċurkett, il-qorq. L-istampa li jagħtina Ġesù m’hix ta’ missier li ħassu offiż u rrabjat, missier li, ngħidu aħna, lil ibnu jgħidlu: “Issa tħallasha qares”: le, il-missier jgħannqu miegħu, jistennieh bi mħabba. Għall-kuntarju, l-unika ħaġa li l-missier għandu għal qalbu hi li dan ibnu jinsab quddiemu qawwi u sħiħ u dan jhennih u jagħmel festa. Il-laqgħa mogħtija lill-iben li jerġa’ lura d-dar insibuha mfissra b’mod imqanqal ħafna: “Kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu” (v. 20). Xi ħlewwa; jilmħu mill-bogħod: xi jfisser dan? Li l-missier kien tiela’ u nieżel fis-setaħ il-ħin kollu biex jagħti titwila lit-triq u jara ibnu ġiex lura; dak l-iben li minn kollox għamel, imma missieru xorta waħda kien qed jistennieh. Kemm hi sabiħa din il-ħlewwa tal-missier! Il-ħniena tal-missier hi mfawra sax-xfar, m’hix ikkundizzjonata, u tidher qabel ma l-iben jiftaħ fommu biex jitkellem. Huwa minnu li l-iben jaf li żbalja u jagħraf dan id-dnub: “Dnibt… żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek” (v. 19). Imma dawn il-kelmiet bħal idubu quddiem il-maħfra tal-missier. It-tgħanniqa u l-bewsa ta’ missieru juruna li dejjem baqa’ jqisu bħala iben, minkejja kollox. Importanti dan it-tagħlim ta’ Ġesù: il-kundizzjoni tagħna ta’ wlied Alla hi frott l-imħabba tal-qalb tal-Missier; ma tiddipendix mill-merti jew mill-għemejjel tagħna, u għalhekk ħadd ma jista’ jeħodhielna, lanqas ix-Xitan! Ħadd ma jista’ jisirqilna din id-dinjità.

 

Din il-kelma ta’ Ġesù tagħmlilna l-kuraġġ biex qatt ma naqtgħu qalbna. Jiġuni f’moħħi l-ommijiet u l-missirijiet anzjużi għax jaraw lil uliedhom jitbiegħdu u jaqbdu toroq perikulużi. Jiġuni f’moħħi l-kappillani u l-katekisti li xi drabi jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom jekk xogħolhom kienx kollu ħela ta’ żmien. Imma naħseb ukoll f’min qiegħed il-ħabs, u jidhirlu li ħajtu spiċċat; f’dawk li għamlu għażliet żbaljati u m’hux jirnexxielhom iħarsu lejn il-futur; f’dawk kollha li huma bil-ġuħ għall-ħniena u għall-maħfra u jaħsbu li ma jistħoqqilhomx… F’kull ċirkustanza tal-ħajja, ma rrid qatt ninsa li m’hemmx mument li fih jien m’inix iben jew bint ta’ Alla, qatt ma jien ħa nieqaf inkun iben Missier li jħobbni u qed jistenna l-wasla tiegħi lura. Mqar fl-iktar sitwazzjoni kerha tal-ħajja, Alla qed jistennieni, Alla jrid jgħannaqni miegħu, Alla qed jistennieni.

 

Fil-parabbola hemm iben ieħor, il-kbir; anki dan għandu bżonn jiskopri l-ħniena tal-missier. Hu dejjem baqa’ d-dar, imma hu hekk differenti minn missieru! Kliemu nieqes minn dik il-ħlewwa: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt… imbagħad jiġi dan ibnek…” (vv. 29-30). Ara x’disprezz: qatt ma jgħid “missier”, qatt ma jgħid “ħija”, jaħseb biss fih innifsu, jiftaħar li baqa’ dejjem ma’ djul missieru u li qdieh f’kollox; imma qatt ma għex bil-ferħ din il-qrubija. U issa jixli lill-missier li qatt ma tah gidi biex jifraħ ma’ ħbiebu. Imsejken missier! Ibnu l-wieħed telaq, u l-ieħor qatt ma kien tassew qrib tiegħu! It-tbatija tal-missier hi bħat-tbatija ta’ Alla, it-tbatija ta’ Ġesù meta aħna nitbiegħdu minnu jew għax naħarbu ’l bogħod jew għax nibqgħu qrib imma mingħajr ma aħna qrib tiegħu.

 

Ibnu l-kbir, anki dan għandu bżonn il-ħniena. Il-ġusti, dawk li jaħsbu li huma tajbin, anki huma għandhom bżonn tal-ħniena. Dan l-iben jirrappreżenta lilna meta nistaqsu lilna nfusna jagħmilx sens nitħabtu daqshekk jekk imbagħad ma nirċievu xejn bħala premju. Ġesù jfakkarna li fid-dar tal-Missier ma nibqgħux biex nirċievu xi kumpens, imma għax għandna d-dinjità ta’ wlied li naqsmu fl-istess responsabbiltà tiegħu. Ma’ Alla ma “ninnegozjawx”, imma nimxu fit-triq ta’ Ġesù li, bla ma qagħad iqis xejn, ta lilu nnifsu fuq is-salib.

 

“Ibni, inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu” (v. 31). Hekk jgħidlu l-Missier lil ibnu l-kbir. Il-loġika tiegħu hi dik tal-ħniena! L-iben iż-żgħir ħaseb li kien jistħoqqlu l-kastig minħabba fi dnubietu, l-iben il-kbir stenna xi premju għas-servizzi tiegħu. Iż-żewġt aħwa ma jitkellmux bejniethom, jgħixu stejjer differenti, imma t-tnejn li huma jirraġunaw b’loġika li hi barranija għal Ġesù: jekk tagħmel it-tajjeb tieħu l-premju, jekk tagħmel il-ħażin tiġi kkastigat; u din m’hix il-loġika ta’ Ġesù, m’hijiex! Kliem il-missier jaqleb din il-loġika ta’ taħt fuq: “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab” (v. 31). Il-missier reġa’ kiseb lura lil ibnu mitluf, u issa jista’ jroddu wkoll lil ħuh! Mingħajr iż-żgħir, lanqas l-iben il-kbir ma jibqa’ “ħuh”. L-ikbar ferħ għall-missier hu meta jara li wliedu jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin.

 

L-ulied jistgħu jiddeċiedu jekk jixxirkux fil-ferħ tal-missier jew jirrifjutawx. Hemm bżonn jistaqsu lilhom infushom fuq ix-xewqat tagħhom u fuq x’viżjoni għandhom tal-ħajja. Il-parabbola tagħlaq mingħajr final: ma nafux xi ddeċieda li jagħmel l-iben il-kbir. U dan hu stimolu għalina. Dan il-Vanġelu jgħallimna li lkoll għandna bżonn nidħlu fid-dar tal-Missier u nieħdu sehem fil-ferħ tiegħu, fil-festa tal-ħniena u l-fraternità tiegħu. Ħuti, ejjew niftħu qalbna, biex inkunu “ħanina bħall-Missier”!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard