IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2015

 Il-Familja7. In-Nanniet (II)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Fil-katekeżi tal-lum inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq in-nanniet, u nħarsu lejn il-valur u l-importanza tar-rwol tagħhom fil-familja.  Dan nagħmlu jien u nħossni wieħed minn dawn il-persuni, għax anki jien ġej minn din il-faxxa ta’ età.

 

Meta kont il-Filippini, il-poplu Filippin sellimli hekk: “Lolo Kiko” – jiġifieri Nannu Franġisku – “Lolo Kiku”, qaluli!  Qabel xejn importanti nagħfsu fuq ħaġa: hu minnu li s-soċjetà tfittex li teħles minna, imma żgur li l-Mulej le.  Il-Mulej qatt ma jarmina.  Hu jsejħilna biex nimxu warajh f’kull età tal-ħajja, u anki l-anzjanità fiha grazzja u missjoni, vokazzjoni vera tal-Mulej.  L-anzjanità hi vokazzjoni.  Għadu ma wasalx il-waqt li “niġbdu x-xbieki għal ġod-dgħajsa”.  Dan il-perjodu tal-ħajja bla dubju hu differenti minn dawk ta’ qablu; xi ftit irridu anki “noħolquh”, għax is-soċjetajiet tagħna m’humiex lesti, spiritwalment u moralment, biex lil dan il-mument tal-ħajja jagħtuh il-valur sħiħ tiegħu.  Dari, fil-fatt, ma kienx daqshekk normali li jkollok iż-żmien għad-dispożizzjoni tiegħek; il-lum sar iżjed normali.  U anki l-ispiritwalità Nisranija nqabdet xi ftit fuq sieq waħda, għax hemm bżonn li jkollna spiritwalità tal-persuni anzjani.  Imma għall-grazzja ta’ Alla ma tonqosx ix-xhieda ta’ qaddisin irġiel u nisa anzjani!

 

Bqajt milqut ħafna mill-“Jum ta’ l-Anzjani” li għamilna hawn fi Pjazza San Pietru s-sena l-oħra, il-pjazza kienet imbullata.  Smajt stejjer ta’ anzjani li qattgħu ħajjithom għall-ġid ta’ l-oħrajn, u anki stejjer ta’ koppji ta’ miżżewġin li waslu biex jgħidu: “Niċċelebraw il-ħamsin sena żwieġ, nagħmlu s-sittin sena żwieġ”.  Dan importanti jkunu jafu bih iż-żgħażagħ li jegħjew wisq malajr; importanti x-xhieda ta’ l-anzjani fil-fedeltà.  U f’din il-pjazza kellna ħafna minnhom dak in-nhar.  Hi riflessjoni li ta’ min jissoktaha, f’ambitu kemm ekkleżjali u kemm ċivili.  Il-Vanġelu jġibilna quddiemna xbieha sabiħa ħafna, li tqanqalna u tinkuraġġina.  Hi x-xbieha ta’ Xmun u ta’ Anna, li dwarhom ikellimna l-Vanġelu ta’ l-infanzja ta’ Ġesù miktub minn San Luqa.  Żgur li kienu anzjani, ix-“xwejjaħ” Xmun u l-“profetessa” Anna li kellha 84 sena.  Ma kinitx taħbiha l-età tagħha din il-mara.  Il-Vanġelu jgħid li ta’ kuljum kienu jistennew il-miġja tal-Mulej, b’fedeltà kbira, għal snin twal.  Riedu propju jarawh dan il-jum, jaqraw is-sinjali tiegħu, jintebħu li feġġ.  Forsi kienu wkoll xi ftit rassenjati, issa, li ħa jispiċċaw imutu qabel jasal: imma dik l-istennija twila kompliet tokkupalhom ħajjithom kollha, ma kellhomx impenji iżjed importanti minn dan: li jistennew lill-Mulej u jitolbu.  Għalhekk, meta Marija u Ġużeppi waslu fit-Tempju biex iwettqu dak li kienet titlob minnhom il-Liġi, Xmun u Anna minnufih qabżu minn posthom, immexxija mill-Ispirtu s-Santu (ara Lq 2:27).  It-toqol ta’ l-età u ta’ l-istennija f’waqt wieħed għebu.  Huma għarfu t-Tarbija, u skoprew qawwa ġdida, għal ħidma ġdida: li jroddu ħajr u jagħtu xhieda għal dan is-Sinjal ta’ Alla.  Xmun infexx f’innu mill-isbaħ ta’ ferħ (ara Lq 2:29-32) – sar poeta f’dak il-ħin – u Anna saret l-ewwel predikatriċi ta’ Ġesù: “bdiet titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (Lq 2:38).

 

Għeżież nanniet, għeżież anzjani, ejjew nimxu fuq l-istess passi ta’ dawn ix-xjuħ straordinarji!  Insiru aħna wkoll xi ftit poeti tat-talb: nieħdu gost nagħżlu l-kliem tagħna, nagħmlu tagħna dak li tgħallimna l-Kelma ta’ Alla.  Hu don kbir għall-Knisja, it-talb tan-nanniet u ta’ l-anzjani!  It-talb ta’ l-anzjani u tan-nanniet hu don għall-Knisja, hu għana kbir!  Injezzjoni kbira ta’ għerf anki għas-soċjetà umana kollha kemm hi: fuq kollox għal dik li hi wisq medhija, wisq imħabbta, wisq aljenata.  Xi ħadd irid jgħanni, anki għalihom, jgħanni s-sinjali ta’ Alla, iħabbar is-sinjali ta’ Alla, jitlob għalihom!  Inħarsu lejn Benedittu XVI, li għażel li jqatta’ l-aħħar parti ta’ ħajtu fit-talb u fis-smigħ ta’ Alla!  Xi ġmiel!  Bniedem kbir ta’ fidi tas-seklu l-ieħor, mit-tradizzjoni Ortodossa, Olivier Clément, qalilna: “Ċiviltà li m’għadhiex titlob iżjed hi ċiviltà fejn ix-xjuħija tilfet is-sens tagħha”.  U din hi ħaġa tal-biża’, għax aħna għandna bżonn qabel xejn ta’ anzjani li jitolbu, għax ix-xjuħija għalhekk ingħatatilna.  Għandna bżonn ta’ anzjani li jitolbu għax ix-xjuħija ngħatatilna propju għalhekk.  Ħaġa sabiħa t-talb ta’ l-anzjani.

 

Aħna nistgħu rroddu ħajr lill-Mulej għall-ġid li rċivejna, u nimlew il-vojt ta’ l-ingratitudni li hemm madwarna.  Nistgħu ninterċedu għax-xewqat tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda u nagħtu dinjità lill-memorja u s-sagrifiċċji ta’ dawk li għaddew.  Aħna nistgħu nfakkru liż-żgħażagħ ambizzjużi li ħajja mingħajr imħabba hi ħajja niexfa.  Nistgħu ngħidu liż-żgħażagħ li qed jibżgħu li l-biża’ mill-futur jista’ jintrebaħ.  Nistgħu ngħallmu liż-żgħażagħ li jħobbu wisq lilhom infushom, li hemm iżjed ferħ f’li tagħti milli f’li tirċievi.  In-nanniet jiffurmaw “kor” permanenti ta’ santwarju spiritwali kbir, fejn it-talb ta’ supplika u l-għana ta’ tifħir iwieżnu l-komunità li taħdem u tissielet fl-għalqa tal-ħajja.

 

Fl-aħħar nett, it-talb isaffi bla waqfien lill-qalb.  It-tifħir u s-supplika lil Alla ma jħallux lill-qalb tibbies fir-rabja u l-egoiżmu.  Kemm hu ikrah iċ-ċiniżmu ta’ anzjan li tilef is-sens tax-xhieda tiegħu, jiddisprezza liż-żgħażagħ u ma jxerridx l-għerf tal-ħajja!  Min-naħa l-oħra, kemm hu sabiħ l-inkuraġġiment li l-anzjan jirnexxielu jittrasmetti liż-żagħżugħ li qed ifittex is-sens tal-fidi u tal-ħajja!  Din hi tabilħaqq il-missjoni tan-nanniet, il-vokazzjoni ta’ l-anzjani.  Kliem in-nanniet għandu fih xi ħaġa speċjali, għaż-żgħażagħ.  U dan huma jafuh.  Il-kliem li n-nanna tiegħi ħallietli miktub dak in-nhar ta’ l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi, għadni nġorru miegħi, dejjem fil-brevjar, u naqrah ta’ spiss, u dan jagħmilli tajjeb.

 

Kemm nixtieq Knisja li kapaċi tisfida lill-kultura ta’ l-iskart bil-ferħ li joħroġ minn tgħanniqa ġdida bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani!  U dan hu dak li l-lum nitlob lill-Mulej, din it-tgħanniqa!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard