IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Frar 2015

 Il-Famija4. L-Ulied

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Wara li rriflettejna fuq il-figuri ta’ l-omm u tal-missier, f’din il-katekeżi dwar il-familja nixtieq nitkellem fuq l-iben jew, aħjar, l-ulied.  Nieħu spunt mix-xbieha sabiħa ta’ Isaija.  Jikteb il-profeta: “Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara: ilkoll miġbura ġejjin għandek.  Uliedek ġejjin mill-bogħod, u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.  Imbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek” (60:4-5a).  Hi xbieha mill-isbaħ, xbieha ta’ hena li titwettaq fil-laqgħa mill-ġdid tal-ġenituri ma’ l-ulied, li jimxu flimkien lejn ġejjieni ta’ ħelsien u ta’ sliem, wara żmien twil imċaħħda u mifruda minn xulxin, meta l-poplu Lhudi sab ruħu mbiegħed minn artu.

 

Fil-fatt, hemm rabta qawwija bejn it-tama ta’ poplu u l-armonija bejn il-ġenerazzjonijiet.  Tajjeb naħsbu sew fuq dan.  Hemm rabta b’saħħitha bejn it-tama ta’ poplu u l-armonija bejn il-ġenerazzjonijiet.  Qlub il-ġenituri jħabbtu bil-ferħ ta’ wliedhom, u quddiemhom jerġa’ jinfetaħ il-futur.  L-ulied huma l-ferħ tal-familja u tas-soċjetà.  M’humiex problema ta’ bijoloġija riproduttiva, lanqas wieħed mill-ħafna modi kif jirrealizzaw ruħhom.  U wisq inqas huma xi propjetà tal-ġenituri…  Le.  L-ulied huma don, huma rigal: ftehimna?  L-ulied huma don.  Kull persuna hi unika u irrepetibbli; u fl-istess waqt hi bla dubju ta’ xejn marbuta ma’ l-għeruq tagħha.  Fil-fatt, li tkun iben u bint, skond il-pjan ta’ Alla, ifisser li ġġorr fik il-memorja u t-tama ta’ mħabba li wettqet lilha nfisha sewwa sew meta xegħlet il-ħajja ta’ essri uman ieħor, oriġinali u ġdid.  U għall-ġenituri kull iben huwa hu nnifsu, hu differenti.  Ippermettuli niftakar waħda fil-familja tiegħi.  Jien niftakar li ommi għalina kienet tgħid – konna ħamsa –: “Jien għandi ħamest ulied”.  Meta kienu jistaqsuha: “Liema hu l-ippreferut tiegħek?”, hi kienet tweġibhom: “Jien għandi ħamest ulied, bħal ħamest iswaba’. [Juri s-swaba’ ta’ jdejh.]  Jekk jagħtuni daqqa fuq dan, juġagħni; jekk jagħtuni fuq l-ieħor, juġagħni. Il-ħamsa li huma juġgħuni.  Kollha wliedi, imma kollha differenti bħas-swaba’ ta’ l-id”.  U hekk hi l-familja!  L-ulied huma differenti minn xulxin, imma kollha huma wlied.

 

Iben tħobbu għax hu iben: mhux għax hu sabiħ, jew għax hu hekk jew hekk; le, għax hu ibnek!  Mhux għax jaħsibha bħali, jew jinkarna x-xewqat tiegħi.  Iben huwa iben: ħajja mnissla minna imma ddestinata għalih, għall-ġid tiegħu, għall-ġid tal-familja, tas-soċjetà, ta’ l-umanità sħiħa.

 

Minn hawn ukoll toħroġ il-profondità ta’ l-esperjenza umana li tkun iben jew bint, li tippermettilna niskopru d-dimensjoni l-iżjed gratwita ta’ l-imħabba, li ma tieqaf qatt tgħaġġibna.  Hu l-ġmiel li niġu maħbubin minn qabel: l-ulied huma maħbuba qabel jaslu.  Kemm drabi niltaqa’ ma’ ommijiet fil-pjazza li juruni żaqqhom u jitolbuni nberikhom… dawn it-trabi huma maħbuba diġà sa minn qabel ma jaslu fid-dinja.  U din hi gratwità, din hi mħabba b’xejn; huma maħbuba sa minn qabel jitwieldu, bħall-imħabba ta’ Alla li jħobbna dejjem qabel.  Huma maħbubin qabel ma jkunu għamlu xi ħaġa biex jimmeritaw din l-imħabba, qabel ma jitgħallmu jitkellmu jew jaħsbu, saħanistra qabel ma jiġu fid-dinja!  Li nkunu wlied hi l-kundizzjoni fundamentali biex nagħrfu l-imħabba ta’ Alla, li fl-aħħar mill-aħħar hu l-għajn ta’ dan il-miraklu awtentiku.  F’ruħ kull iben, hu kemm hu vulnerabbli, Alla jqiegħed is-siġill ta’ din l-imħabba, li hi fil-bażi tad-dinjità personali tiegħu, dinjità li xejn u ħadd ma jista’ jeqred.

 

Il-lum donnha saret ħaġa iktar iebsa għall-ulied jistħajlu l-futur tagħhom.  Il-missirijiet – dan semmejtu fil-katekeżijiet ta’ qabel – forsi għamlu pass lura u l-ulied saru iżjed inċerti biex jagħmlu pass ’il quddiem.  Nistgħu nitgħallmu kif tkun relazzjoni tajba bejn il-ġenerazzjonijiet minn Missierna tas-Sema, li jħalli fil-libertà lil kull wieħed u waħda minna imma qatt ma jħallina waħidna.  U jekk niżbaljaw, Hu jissokta jimxi magħna b’sabar u mingħajr ma jnaqqas imħabbtu għalina.  Il-Missier tas-Sema ma jagħmilx passi lura fi mħabbtu lejna, qatt!  Dejjem jimxi ’l quddiem u jekk ma jistax jimxi ’l quddiem, jistenniena, imma qatt ma jimxi lura; irid li wliedu jkunu qalbiena u jmiddu l-passi tagħhom ’il quddiem.

 

L-ulied, min-naħa tagħhom, ma għandhomx jibżgħu mill-impenn li jibnu dinja ġdida: hi ħaġa tajba li huma jixtiequ li tkun aħjar minn dik li huma rċivew!  Imma dan għandhom jagħmluh mingħajr arroganza, mingħajr preżunzjoni.  Jeħtieġ nagħrfu l-valur ta’ l-ulied, u lill-ġenituri għandna dejjem inweġġħuhom.

 

Ir-raba’ kmandament jitlob mill-ulied – u aħna lkoll aħna! – li jweġġħu lill-missier u lill-omm (ara Eż 20:12).  Dan il-kmandament jiġi dritt wara dawk li jitkellmu dwar Alla nnifsu.  Fil-fatt fih xi ħaġa qaddisa, xi ħaġa divina, xi ħaġa li qiegħda fl-għeruq ta’ kull tip ieħor ta’ rispett bejn il-bnedmin.  U fil-formulazzjoni Biblika tar-raba’ kmandament insibu miżjud: “biex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik”.  Ir-rabta tajba bejn il-ġenerazzjonijiet hi garanzija ta’ futur, u hi garanzija ta’ storja tassew umana.  Soċjetà ta’ wlied li ma jweġġħux lill-ġenituri tagħhom hi soċjetà bla ġieħ; meta ma jiġux imweġġħa l-ġenituri, wieħed jitlef ġieħu!  Hi soċjetà ddestinata li timtela b’żgħażagħ niexfa u rgħiba.  Imma, soċjetà b’idejha magħluqa f’dik li hi ġenerazzjoni, li ma tiħux gost tkun imdawra bl-ulied, li tqishom fuq kollox bħala preokkupazzjoni, piż, riskju, hi soċjetà dipressa.  Jiġuna f’moħħna tant soċjetajiet li nafu hawn fl-Ewropa: huma soċjetajiet dipressi, għax ma jridux ulied, m’għandhomx ulied, ir-rata tat-twelid bilkemm tasal sal-wieħed fil-mija.  Għaliex?  Kull wieħed minna ħa jaħseb u jwieġeb hu.  Jekk familja ġeneruża ta’ wlied inħarsu lejha bħallikieku kienet piż, hemm xi ħaġa m’hix sejra sew!  Il-ġenerazzjoni ta’ l-ulied għandha tkun responsabbli, kif tgħallem ukoll l-Enċiklika Humanæ vitæ tal-Beatu Papa Pawlu VI, imma li jkollok iżjed ulied ma jistax awtomatikament isir għażla irresponsabbli.  Li ma jkollokx ulied hi għażla egoistika.  Il-ħajja tibqa’ żagħżugħa u takkwista l-enerġija meta toktor: tistagħna, ma tiftaqarx!  L-ulied jitgħallmu jerfgħu r-responsabbiltà li jagħmlu parti mill-familja tagħhom, jimmaturaw fil-qsim tas-sagrifiċċji tagħha, jikbru fl-apprezzament tad-doni tagħha.  L-esperjenza hienja tal-fraternità tanima r-rispett u l-għożża tal-ġenituri, li lilhom nafu r-rikonixxenza tagħna.  Bosta minnkom hawn preżenti għandhom it-tfal u aħna lkoll ulied.  Ħa nagħmlu ħaġa, minuta fis-skiet.  Kull wieħed u waħda minna f’qalbu ħa jaħseb fi wliedu – jekk għandu –; jaħseb fis-skiet.  U lkoll kemm aħna naħsbu fil-ġenituri tagħna u rroddu ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja.  Fis-skiet, dawk li għandhom it-tfal jaħsbu fihom, u lkoll kemm aħna naħsbu fil-ġenituri tagħna.  (Skiet).  Il-Mulej ibierek lill-ġenituri tagħna u jbierek lil uliedkom.

 

Ġesù, l-Iben etern, magħmul iben fiż-żmien, jgħinna nsibu t-triq ta’ dawl ġdid minn din l-esperjenza umana hekk sempliċi u hekk kbira, li hi li nkunu wlied.  Fit-tkattir tal-ġenerazzjoni hemm misteru ta’ għana tal-ħajja ta’ kulħadd, li jiġi minn Alla nnifsu.  Jeħtieġ niskopruh mill-ġdid, nisfidaw il-preġudizzju; u ngħixuh, fil-fidi, fl-hena perfett.  U ngħidilkom: kemm hi ħaġa sabiħa meta ngħaddi minn fostkom u nara l-missirijiet u l-ommijiet li jgħollu fuq l-idejn lil uliedhom biex jitbierku; dan hu ġest kważi divin.  Grazzi li tagħmlu hekk!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard