IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 10 ta’ Diċembru 2014

L-Assemblea Staordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet dwar il-Familja

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Għalaqna ċ-ċiklu ta’ katekeżi fuq il-Knisja.  Irroddu ħajr lill-Mulej li tana li nagħmlu din il-mixja biex nikxfu mill-ġdid il-ġmiel u r-responsabbiltà li hemm f’li nkunu parti mill-Knisja, f’li nkunu Knisja, ilkoll kemm aħna.

 

Issa nibdew tappa ġdida, ċiklu ġdid, u t-tema se tkun il-familja; tema li tagħmel ħafna sens f’dan iż-żmien ta’ bejn iż-żewġ Assemblej tas-Sinodu ddedikati lil din ir-realtà hekk importanti.  Għalhekk, qabel nibda l-mixja tiegħi ma’ diversi aspetti tal-ħajja tal-familja, il-lum nixtieq nerġa’ nitlaq propju mill-Assemblea Sinodali ta’ Ottubru li għadda, li kellha din it-tema: “L-isfidi pastorali dwar il-familja fil-kuntest ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida”.  Importanti niftakru x’seħħ fiha u xi pproduċiet, kif imxiet u x’ħareġ minnha.

 

Matul is-Sinodu l-mezzi tax-xandir għamlu x-xogħol tagħhom – kien hemm ħafna stennija, ħafna attenzjoni – u nirringrazzjawhom għax dan għamluh anki mhux ftit.  Ħafna aħbarijiet, ħafna!  Dan kien possibbli grazzi għas-Sala Stampa, li ta’ kuljum tat il-briefing tagħha.  Imma spiss il-viżjoni tal-mezzi tax-xandir kienet xi ftit fl-istil tal-kronaka sportiva, jew politika: spiss kont tismagħhom jitkellmu dwar tîmijiet, favur u kontra, konservazzjonisti u progressisti, u l-bqija.  Il-lum nixtieq nirrakkonta dak li tassew kien is-Sinodu.

 

Qabel xejn jiena tlabt lill-Padri Sinodali biex jitkellmu bi frankezza u kuraġġ u biex jisimgħu b’umiltà, jgħidu bil-kuraġġ dak kollu li kellhom f’qalbhom.  Fis-Sinodu ma kien hemm l-ebda ċensura minn qabel, imma kull wieħed seta’ – anzi messu – jgħid dak li kellu f’qalbu, dak li sinċerament kien jaħseb.  “Imma dan sa jqajjem diskussjoni”.  Veru, smajna kif iddiskutew bejniethom l-Appostli.  It-test jgħid li tqanqlet diskussjoni qawwija.  L-Appostli bdew jgħollu leħinhom ma’ xulxin, għax riedu jfittxu r-rieda ta’ Alla għall-pagani, jekk setgħux jidħlu fil-Knisja jew le.  Kienet ħaġa ġdida.  Dejjem, meta wieħed ifittex ir-rieda ta’ Alla, f’assemblea sinodali, ikun hemm diversi fehmiet u tqum diskussjoni, u din m’hix ħaġa ħażina!  Dejjem jekk issir b’umiltà u fi spirtu ta’ servizz lill-ġemgħa ta’ l-aħwa.  Kienet tkun ħaġa ħażina ċ-ċensura minn qabel.  Le, le, kull wieħed kellu jgħid dak li jħoss.  Wara r-Relazzjoni tal-bidu mill-Kardinal Erdö, kien hemm l-ewwel mument, fundamentali, fejn il-Padri kollha setgħu jitkellmu, u kollha semgħu.  U kien edifikanti dak l-atteġġjament ta’ smigħ li kellhom il-Padri.  Mument ta’ libertà kbira, fejn kull wieħed espona l-ħsieb tiegħu b’parresia u b’fiduċja.  L-interventi kienu msejsa fuq l-“Istrument ta’ ħidma”, frott tal-konsultazzjoni li kienet saret qabel fi ħdan il-Knisja kollha.  U hawn irridu nirringrazzjaw lis-Segreterija tas-Sinodu għax-xogħol kbir li għamlet kemm qabel u kemm waqt l-Assemblea.  Tassew kienu bravissmi.

 

L-ebda intervent ma poġġa fid-dubju l-veritajiet fundamentali tas-Sagrament taż-Żwieġ, jiġifieri: l-indissolubbiltà, l-unità, il-fedeltà u l-ftuħ għall-ħajja (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Gaudium et spes, 48; Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, 1055-1056).  Xejn minn dan ma ntmess.

 

Inġabru l-interventi kollha u hekk wasalna għat-tieni mument, jiġifieri t-tfassil ta’ abbozz li jissejjaħ Relazzjoni wara d-diskussjoni.  Anki din ir-Relazzjoni nħadmet mill-Kardinal Erdö, u ġiet artikulata fi tliet punti: is-smigħ tal-kuntest u ta’ l-isfidi tal-familja; il-ħarsa msammra fuq Kristu u l-Vanġelu tal-familja; il-konfront mal-perspettivi pastorali.

 

Fuq din l-ewwel proposta ta’ sintesi saret id-diskussjoni fil-gruppi, u dan kien it-tielet mument.  Il-gruppi, bħal dejjem, kienu maqsuma skond il-lingwi, għax aħjar hekk, wieħed jikkomunika aħjar: Taljan, Ingliż, Spanjol u Franċiż.  Fi tmiem il-ħidma tiegħu kull grupp ippreżenta relazzjoni, u r-relazzjonijiet kollha tal-gruppi dritt ġew imxandra.  Kollox ġie mqassam, għat-trasparenza, biex kulħadd ikun jaf x’inhu għaddej.

 

Hawnhekk – u dan hu r-raba’ mument – kien hemm kummissjoni li għarblet is-suġġerimenti kollha li ħarġu mill-gruppi lingwistiċi u saret ir-Relazzjoni finali, li żammet l-iskema ta’ qabel – smigħ tar-realtà, ħarsa fuq il-Vanġelu u l-impenn pastorali – imma fittxet li tiġbor il-frott tad-diskussjonijiet fil-gruppi.  Bħal dejjem, ġie approvat ukoll il-Messaġġ finali tas-Sinodu, iqsar u intenzjonat iktar biex jinqara mill-poplu meta mqabbel mar-Relazzjoni.

 

Dan kien il-mod kif żvolġiet l-Assemblea Sinodali.  Xi wħud minnkom forsi jistaqsuni: “Tlewmu bejniethom il-Padri?”.  Jekk tlewmux ma nafx, imma li tkellmu bil-qawwa iva, verament.  U din hi l-libertà, hi sewwa sew il-libertà li teżisti fil-Knisja.  Kollox seħħ “cum Petro et sub Petro, jiġifieri fil-preżenza tal-Papa, li hu garanzija għal kulħadd tal-libertà u tal-fiduċja, u garanzija ta’ l-ortodossija.  U fl-aħħar b’intervent li għamilt jien tajt sintesi ta’ l-esperjenza sinodali.

 

Għalhekk, id-dokumenti uffiċjali li ħarġu mis-Sinodu huma tlieta: il-Messaġġ finali, ir-Relazzjoni finali u d-Diskors finali tal-Papa.  M’hemmx oħrajn.

 

Ir-Relazzjoni finali, li kien il-punt li għalih wasslet ir-riflessjoni kollha tad-Djoċesijiet sa dak in-nhar, il-bieraħ ġiet ippubblikata biex tintbagħat lill-Konferenzi Episkopali, li se jiddiskutuha fid-dawl ta’ l-Assemblea li jmiss, dik Ordinarja, f’Ottubru 2015.  Qed ngħid li ġiet ippubblikata l-bieraħ; diġà kienet ġiet ippubblikata, imma l-bieraħ ġiet ippubblikata bil-mistoqsijiet indirizzati lill-Konferenzi Episkopali u hekk saret verament il-Lineamenta għas-Sinodu li jmiss.

 

Tajjeb tkunu tafu li s-Sinodu m’hux parlament, fejn jiġi r-rappreżentat ta’ dik il-Knisja, ta’ din il-Knisja, u ta’ dik il-Knisja…  Le, m’hux hekk.  Jiġi r-rappreżentant, iva, imma l-istruttura m’hix parlamentari, hi għal kollox differenti.  Is-Sinodu hu spazju protett li fih jista’ jaħdem l-Ispirtu s-Santu; ma kien hemm l-ebda tilwim bejn fazzjonijiet, bħal fil-parlament fejn din hi ħaġa leċita, imma konfront bejn l-Isqfijiet, li ġie wara ħidma twila ta’ tħejjija u li issa jissokta f’ħidma oħra, għall-ġid tal-familji, tal-Knisja u tas-soċjetà.  Hu proċess, hu l-mixja normali li jieħu Sinodu.  Issa din ir-Relatio se terġa’ lura fil-Knejjes partikulari u hekk tkompli fi ħdanhom il-ħidma ta’ talb, riflessjoni u diskussjoni bejn l-aħwa biex titħejja t-triq għall-Assemblea li jmiss.  Dan hu s-Sinodu ta’ l-Isqfijiet.  Nafdawh f’idejn il-ħarsien tal-Verġni Omm tagħna.  Ħa tkun Hi li tgħinna nobdu r-rieda ta’ Alla u nieħdu d-deċiżjonijiet pastorali li jistgħu jgħinu l-iżjed jew aħjar il-familja.  Nitlobkom issieħbu bit-talb tagħkom din il-mixja sinodali sas-Sinodu li jmiss.  Ħa jdawwalna l-Mulej, u jmexxina lejn il-maturità ta’ dak li, bħala Sinodu, għandna ngħidu lill-Knejjes kollha.  U għalhekk hu importanti t-talb tagħkom.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard