IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 10 ta’ Awwissu 2016

 

25. Il-faraġ għal omm (ara Lq 7:11-17)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Is-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa li għadna kemm smajna (7:11-17) tippreżentalna miraklu ta’ Ġesù verament grandjuż: il-qawmien mill-mewt ta’ ġuvni. Madankollu, il-qalba ta’ dan ir-rakkont mhux il-miraklu, imma l-ħlewwa li wera Ġesù ma’ omm dak il-ġuvni. Il-ħniena hawn tieħu l-isem ta’ mogħdrija kbira għal mara li kienet tilfet lil żewġha u li issa qed tieħu lil binha l-waħdieni ċ-ċimiterju għad-difna. Hu dan in-niket kbir ta’ omm li jqanqal lil Ġesù u jwasslu biex jagħmel dan il-miraklu tal-qawmien.

 

Biex jintroduċi dan l-episodju, l-Evanġelista jeħodha fit-tul sew u jieqaf fuq bosta dettalji. Fil-bieb ta’ Najn – raħal ċkejken – jiltaqgħu bosta gruppi ġejjin minn direzzjonijiet opposti u li m’għandhom xejn komuni bejniethom. Lil Ġesù, bid-dixxipli u folla kbira miexja warajh, narawh dieħel fir-raħal, waqt li minnu jidher ħiereġ il-korteo funebri bil-mejjet, u b’ommu armla u ħafna nies. Fil-bieb iż-żewġ gruppi jitħaxknu ma’ xulxin biss biex kull wieħed jaqbad triqtu, imma hu f’dan il-mument li San Luqa jinnota x’ħass Ġesù: “Kif raha [lill-mara] l-Mulej tħassarha. ‘Tibkix’, qalilha. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu” (vv. 13-14). L-għemil ta’ Ġesù hu mmexxi minn mogħdrija kbira: Hu li jwaqqaf il-purċissjoni u jmiss it-tebut u, imqanqal minn ħniena qawwija għal dik l-omm, jiddeċiedi li jħares f’wiċċ il-mewt, biex ngħidu hekk, wiċċ imb wiċċ. U għad iħares f’għajnejha darba għal dejjem, wiċċ imb wiċċ, fuq is-Salib.

 

Matul dan il-Ġublew, tkun ħaġa sabiħa kieku, huma u deħlin mill-Bieb Imqaddes, il-Bieb tal-Ħniena, il-pellegrini jiftakru f’din il-ġrajja tal-Vanġelu, li seħħet fil-bieb ta’ Najn. Meta Ġesù lemaħ lil din l-omm fi dmugħha, hi daħlet f’qalbu! Fil-Bieb Imqaddes kulħadd jasal b’ħajtu f’idejh, bil-ferħ u t-tbatija tagħha, il-proġetti u l-fallimenti, id-dubji u l-biżgħat, biex jippreżentaha quddiem il-ħniena ta’ Alla. Nistgħu nibqgħu żguri li, fil-Bieb Imqaddes, il-Mulej jersaq qrib tagħna biex jiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minna, biex iwasslilna u joffrilna l-kelma farraġa tiegħu li hi hekk qawwija: “Tibkix!” (v. 13). Dan hu l-Bieb tal-laqgħa bejn in-niket tal-bnedmin u l-ħniena ta’ Alla. Meta nirfsu l-għatba aħna nkunu qed inwettqu l-pellegrinaġġ tagħna lejn il-ħniena tal-Mulej li, kif għamel ma’ dak il-ġuvni mejjet, itenni lil kulħadd: “Qiegħed ngħidlek, qum!” (v. 14). Lil kull wieħed u waħda minna qed jgħidilna: “Qum!”. Alla jridna fuq saqajna. Ħalaqna biex inkunu fuq saqajna: għalhekk, il-ħniena ta’ Ġesù twassal għal dak il-ġest ta’ fejqan, twasslu biex ifejjaqna, u l-kelma-muftieħ hi din: “Qum! Ieqaf fuq riġlejk, kif ħalqek Alla!”. Fuq riġlejk. “Imma, Dun, aħna naqgħu daqshekk drabi!” – “Qum u imxi!”. Din hi l-kelma li jgħidilna Ġesù, dejjem. Aħna u nidħlu mill-Bieb Imqaddes, ejjew infittxu li nisimgħu fi qlubna din il-kelma: “Qum!”. Il-kelma qawwija ta’ Ġesù tista’ terġa’ tqajjimna fuq riġlejna u twettaq fina wkoll dik il-mogħdija mill-mewt għall-ħajja. Il-kelma tiegħu terġa’ tagħtina l-ħajja, troddilna t-tama, isserraħ il-qlub għajjiena, tiftaħ għal viżjoni tad-dinja u tal-ħajja li tmur lil hemm mit-tbatija u l-mewt. Fuq il-Bieb Imqaddes hemm minqux għal kulħadd it-teżor bla tarf tal-ħniena ta’ Alla!

 

Milħuq mill-kelma ta’ Ġesù, “il-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu” (v. 15). Din il-frażi hi wisq sabiħa: turi l-ħlewwa ta’ Ġesù. “Tah lil ommu”. L-omm terġa’ ssib lil binha. Tilqgħu lura minn idejn Ġesù u hekk issir omm għat-tieni darba, imma binha li issa ntraddilha mhux minnha li rċieva l-ħajja. Omm u iben hekk jirċievu l-identità rispettiva tagħhom grazzi għall-kelma qawwija ta’ Ġesù u għall-ġest tiegħu ta’ mħabba. Hekk, speċjalment f’dan il-Ġublew, il-Knisja omm tirċievi lil uliedha u tagħraf fihom il-ħajja mogħtija mill-grazzja ta’ Alla. Hu bil-qawwa ta’ din il-grazzja, il-grazzja tal-Magħmudija, li l-Knisja ssir omm u li kull wieħed u waħda minna jsir binha u bintha.

 

Quddiem il-ġuvni li reġa’ lura għall-ħajja u ntradd lil ommu, “kollha tkexkxu bil-biża’, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: ‘Profeta kbir qam fostna!’ u, ‘Alla żar il-poplu tiegħu’”. Mela dak li għamel Ġesù mhuwiex biss għemil ta’ salvazzjoni għall-armla u għal binha, jew ġest ta’ tjieba limitat għal dak ir-raħal. Fl-għajnuna ħanina ta’ Ġesù, Alla joħroġ jiltaqa’ mal-poplu tiegħu, fih tidher u tissokta tidher quddiem il-bnedmin il-grazzja kollha ta’ Alla. Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Ġublew, li ridt li jingħax fil-Knejjes partikulari kollha, jiġifieri fil-Knejjes kollha tad-dinja, u mhux biss Ruma, qisha l-Knisja kollha mxerrda mad-dinja qed tixxierek fl-għanja waħdanija ta’ tifħir lill-Mulej. Anki llum il-Knisja tagħraf li ġiet miżjura minn Alla. Għalhekk, meta ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena, kull wieħed u waħda minna jaf li għaddej mill-bieb tal-qalb ħanina ta’ Ġesù: fil-fatt huwa l-Bieb veru li jwassal għas-salvazzjoni u jroddilna ħajja ġdida. Il-ħniena, kemm f’Ġesù u kemm fina, hi mixja li tibda mill-qalb biex tasal fl-idejn. Xi jfisser dan? Ġesù jħares lejk, ifejqek bil-ħniena tiegħu, qed jgħidlek: “Qum!”, u qalbek issir ġdida. Xi jfisser tagħmel mixja mill-qalb għall-idejn? Ifisser li b’din il-qalb ġdida, bil-qalb imfejqa minn Ġesù, nista’ nagħmel l-opri tal-ħniena b’idejja, billi nfittex ngħin, infejjaq lil tant li għandhom bżonn. Il-ħniena hi mixja li tibda mill-qalb u tasal fl-idejn, jiġifieri fl-opri tal-ħniena.

 

Għidtilkom li l-ħniena hi mixja li mill-qalb tasal fl-idejn. F’qalbna, aħna nirċievu l-ħniena ta’ Ġesù, li jaħfrilna kollox, għax Alla jaħfer kollox u jerfagħna, jagħtina ħajja ġdida u jrid li nittieħdu mill-ħniena tiegħu. Minn dik il-qalb maħfura u mill-ħniena ta’ Ġesù, tibda l-mixja vera lejn l-idejn, jiġifieri lejn l-opri tal-ħniena. L-aħħar darba kien hemm Isqof li kien qed jgħidli li fil-katidral tiegħu u fi knejjes oħra għamel bibien ta’ ħniena kemm biex tidħol u kemm biex toħroġ minnhom. Jien staqsejtu: “Għaliex għamilt hekk?” – “Għax hemm bieb biex tidħol minnu, titlob il-maħfra u tirċievi l-ħniena ta’ Ġesù; l-ieħor hu bieb tal-ħniena għall-ħruġ, biex inwasslu l-ħniena lill-oħrajn, bl-opri tal-ħniena li nagħmlu”. Imma kemm hu intelliġenti dan l-isqof! Anki aħna nagħmlu l-istess bil-mixja tagħna mill-qalb għall-idejn: nidħlu l-knisja mill-bieb tal-ħniena, biex nirċievu l-maħfra ta’ Ġesù, li jgħidilna: “Qum! Mur, mur!”; u b’din il-“mur!” – fuq saqajna – noħorġu mill-bieb tal-ħruġ. Din hi l-Knisja li toħroġ: il-mixja tal-ħniena li tgħaddi mill-qalb għall-idejn. Agħmluha din il-mixja!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard