IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 9 ta’ Ottubru 2013

 

Għeżież ħbieb, l-għodwa t-tajba!  Qed nara li l-lum, f’dan it-temp ikrah, kontu kuraġġjużi: prosit!

“Nemmen fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika…”.  Il-lum sa nieqfu nitkellmu fuq dan l-Attribut tal-Knisja: insejħulha Kattolika.  Din hi s-Sena tal-Kattoliċità.  Qabel xejn, xi jfisser Kattoliku?  Ġej mill-Grieg kath’olòn li jfisser “skond kollox”, it-totalità.  U din it-totalità f’liema sens tapplika għall-Knisja?  F’liema sens aħna ngħidu li l-Knisja hi Kattolika?  Jien nara li hemm tliet tifsiriet fundamentali.

1. L-ewwel.  Il-Knisja hi Kattolika għax hi l-post, id-dar fejn tiġi mħabbra l-fidi sħiħa, li fiha s-salvazzjoni li ġabilna Kristu tiġi offruta lilna.  Il-Knisja tlaqqagħna mal-ħniena ta’ Alla li tibdilna, għax fiha hu preżenti Ġesù Kristu, li jagħtina l-vera stqarrija tal-fidi, il-milja tal-ħajja sagramentali, l-awtentiċità tal-ministeru ordnat.  Fil-Knisja kull wieħed u waħda minna jsib dak li għandu bżonn biex jemmen, biex jgħix ta’ Nisrani, biex isir qaddis, biex jibqa’ miexi f’kull post u f’kull żmien.

 

Biex inġibilkom eżempju, nistgħu ngħidu li dan hu bħal fil-ħajja tal-familja; fil-familja lil kull wieħed u waħda minna jingħatalna dak kollu li jgħinna nikbru, nimmaturaw, ngħixu.  Ma nistgħux nikbru waħidna, ma nistgħux nimxu waħidna, niżolaw ruħna, imma nimxu u nikbru fil-komunità, f’familja.  U l-istess fil-Knisja!  Fil-Knisja aħna nistgħu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, żguri li dan hu l-messaġġ li l-Mulej tana; fil-Knisja nistgħu niltaqgħu mal-Mulej fis-Sagramenti li huma t-twieqi miftuħa li permezz tagħhom jingħatalna d-dawl ta’ Alla, nixxigħat li minnhom nixorbu l-istess ħajja ta’ Alla; fil-Knisja nitgħallmu ngħixu l-komunjoni, l-imħabba li ġejja minn Alla.  Kull wieħed u waħda minna l-lum jista’ jistaqsi lilu nnifsu: Kif qed ngħix jien fil-Knisja?  Meta mmur il-knisja, qisni qiegħed fil-grawnd, għal partita futbol?  Jew qisni qiegħed iċ-ċinema?  Le, hu ħaġa oħra.  Kif immur jien il-knisja?  Kif nilqagħhom id-doni li l-Knisja toffrili, biex nikber, biex nimmatura bħala Nisrani?  Nieħu sehem fil-ħajja tal-komunità, jew immur il-knisja u ningħalaq fil-problemi tiegħi u niżola ruħi mill-oħrajn?  Il-Knisja hi Kattolika f’dan l-ewwel sens, għax hi d-dar ta’ kulħadd.  Ilkoll aħna wlied il-Knisja u lkoll qegħdin f’din id-dar.

2. It-tieni tifsira: il-Knisja hi Kattolika għax hi universali, hi mxerrda ma’ kull naħa tad-dinja u tħabbar il-Vanġelu lil kull bniedem.  Il-Knisja m’hix xi grupp ta’ elitisti, m’hix biss għal xi wħud.  Il-Knisja m’għandhiex għeluq, hi mibgħuta għat-totalità tal-persuni, għat-totalità tal-ġeneru uman.  U l-istess Knisja hi preżenti anki fl-iżgħar partijiet tagħha.  Kulħadd jista’ jgħid: Fil-parroċċa tiegħi hi preżenti l-Knisja Kattolika, għax hi wkoll parti mill-Knisja universali, hi wkoll għandha l-milja tad-doni ta’ Kristu, il-fidi, is-Sagramenti, il-ministeru; hi f’komunjoni ma’ l-Isqof, mal-Papa u hi miftuħa għal kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni.  Il-Knisja m’hix biss dik li għandna għad-dell tal-kampnar tagħna, imma tħaddan għadd kbir ta’ ġnus, ta’ popli li jistqarru l-istess fidi, jieħdu jieklu mill-istess Ewkaristija, huma moqdija mill-istess Rgħajja.  Inħossuna f’komunjoni mal-Knejjes kollha, mal-komunitajiet Kattoliċi kollha tad-dinja, żgħar jew kbar!  Kemm hi ħaġa sabiħa din!  U mbagħad inħossuna li lkoll għandna missjoni, komunitajiet żgħar jew kbar, ilkoll irridu niftħu l-bibien tagħna u noħorġu minħabba fil-Vanġelu.  Għalhekk nistaqasu lilna nfusna: X’qed nagħmel jien biex inwassal lill-oħrajn il-ferħ tal-laqgħa mal-Mulej, il-ferħ li nagħmel parti mill-Knisja?  Ix-xandir u x-xhieda tal-Vanġelu m’humiex xi affari ta’ ftit, tolqot anki lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna!

3. It-tielet u l-aħħar ħsieb: il-Knisja hi Kattolika, għax hi d-“Dar ta’ l-armonija” fejn għaqda u diversità jafu joqogħdu flimkien biex jissarrfu f’għana.  Naħsbu fix-xbieha ta’ sinfonija, li tfisser qbil, armonija, għadd ta’ strumenti jdoqqu flimkien; kull wieħed iżomm it-timbru uniku tiegħu u l-karatteristiċi tal-ħoss tiegħu jaqblu ma’ xi ħaġa komuni.  Imbagħad hemm min mexxi, id-direttur, u fis-sinfonija li tiġi esegwita kollha jdoqqu flimkien f’“armonija”, imma ma jitneħħiex it-timbru ta’ kull strument; il-partikularità ta’ kull wieħed, anzi, tiġi vvalorizzata fl-aqwa tagħha!

Hi xbieha sabiħa li turina li l-Knisja hi bħal orkestra kbira li fiha hemm varjetà.  M’aħniex kollha bħal xulxin u m’għandniex inkunu kollha bħal xulxin.  Kollha aħna differenti minn xulxin, kull wieħed bil-kwalitajiet propji tiegħu.  U dan hu s-sabiħ tal-Knisja: kull persuna ġġib tagħha, dak li Alla taha, biex tagħni lill-oħrajn.  U bejn il-komponenti hemm din id-diversità, imma hi diversità li ma tidħolx f’kunflitt, ma toħloqx kuntrasti; hi varjetà li tħalli lill-Ispirtu s-Santu jħallatha f’armonija waħda; Hu l-veru “Maestro”, Hu stess hu armonija.  U hawn nistaqsu lilna nfusna: Fil-komunitajiet tagħna qed ngħixu f’armonija, jew dejjem nillatikaw bejnietna?  Fil-komunità parrokkjali tiegħi, fil-moviment tiegħi, fejn jien nagħmel parti mill-Knisja, ikun hemm tpaċpiċ fuq l-oħrajn?  Jekk hemm it-tqassis, m’hemmx armonija, imma ġlied.  U din m’hix il-Knisja.  Il-Knisja hi l-armonija ta’ kulħadd flimkien: mingħajr tqassis ta’ wieħed fuq l-ieħor, mingħajr ġlied!  Naċċettaw lill-oħrajn, naċċettaw li hemm varjetà f’lokha, li dan hu differenti, li dan jaħsibha b’dan il-mod jew mod ieħor – imma anki fl-istess fidi nistgħu naħsbuha differenti minn xulxin – jew it-tendenza hi li rridu kollox l-istess?  Imma l-uniformità toqtol il-ħajja.  Il-ħajja tal-Knisja hi varjetà, u meta nkunu rridu nimponu din l-uniformità fuq kulħadd, inkunu qed noqtlu d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, li hu propju l-awtur ta’ din l-għaqda fil-varjetà, ta’ din l-armonija, biex jagħmilna dejjem iżjed “Kattoliċi”, jiġifieri f’din il-Knisja li hi Kattolika u universali!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard