IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 9 ta’ Mejju 2018

 

Katekeżi fuq il-Magħmudija. 5It-tnissil mill-ġdid

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-katekeżi fuq is-sagrament tal-Magħmudija llum twassalna biex nitkellmu fuq il-ħasil imqaddes imsieħeb mill-invokazzjoni lit-Trinità Qaddisa, jew aħjar, ir-rit ċentrali li proprjament “jgħammed” – jiġifieri jgħaddas – fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1239). It-tifsira ta’ dan il-ġest ifakkarha San Pawl lill-Insara ta’ Ruma, billi l-ewwel jistaqsihom: “Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu?”, imbagħad iwieġeb: “Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6:3-4). Il-Magħmudija tiftħilna l-bieb għall-ħajja tal-qawmien, mhux għall-ħajja ta’ din id-dinja. Ħajja skont Ġesù.

 

Il-Fonti tal-Magħmudija huwa l-post li fih inqumu mill-ġdid ma’ Kristu! Jindifen il-bniedem il-qadim, bil-passjonijiet qarrieqa tiegħu (ara Efes 4:22), biex jitwieled ħolqien ġdid; tassew il-ħwejjeġ qodma għaddew u twieldu oħrajn ġodda (ara 2 Kor 5:17). Fil-“Katekeżi” attribwita lil San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, hekk jispjega lill-imgħammdin ġodda minn xiex għaddew fl-ilma tal-Magħmudija. Sabiħa din it-tifsira li jagħti San Ċirillu: “Fl-istess waqt mittu u twelidtu, u l-istess mewġa ta’ fejqan saret għalikom qabar u omm” (n. 20, Mistagogica 2, 4-6: PG 33, 1079-1082). It-twelid tal-bniedem il-ġdid jesiġi li jsir trab il-bniedem imħassar mid-dnub. Ix-xbihat tal-qabar u tal-ġuf tal-omm li jingħataw lill-fonti, huma fil-fatt pjuttost inċiżivi biex jesprimu kemm hi ħaġa kbira li sseħħ permezz tal-ġesti sempliċi tal-Magħmudija. Nieħu gost nikkwota l-kitba li hemm fuq il-Battisteru antik Ruman tal-Lateran, fejn naqraw, bil-Latin, din l-espressjoni attribwita lill-Papa Sistu III: “Il-Knisja Omm permezz tal-ilma tiled verġinalment l-ulied li hi tnissel bin-nifs ta’ Alla. Intom li twelidtu mill-ġdid minn dan il-fonti, ittamaw fis-Saltna tas-smewwiet”.[1] Kemm hi sabiħa: il-Knisja tilidna mill-ġdid, il-Knisja hi ġuf, hi omm tagħna permezz tal-Magħmudija!

 

Jekk il-ġenituri tagħna nissluna għall-ħajja ta’ din l-art, il-Knisja nisslitna mill-ġdid għall-ħajja ta’ dejjem fil-Magħmudija. Sirna wlied f’Ibnu Ġesù (ara Rum 8:15; Gal 4:5-7). Anki fuq kull wieħed u waħda minna, li twelidna mill-ġdid mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu, il-Missier tas-Sema jagħmel li jidwi mill-ġdid bi mħabba bla qies il-leħen tiegħu li jgħid: “Int ibni l-maħbub” (ara Mt 3:17). Dan il-leħen ta’ missier, li l-widnejn ma jirnexxilhomx jaqbdu imma l-qalb ta’ min jemmen għandha l-ħila li tisma’, iseħibna tul ħajjitna kollha, mingħajr qatt jitlaqna waħidna. Tul ħajjitna kollha l-Missier jgħidilna: “Int ibni l-maħbub, int binti l-maħbuba”. Alla jħobbna wisq, bħal Missier, u ma jitlaqniex waħidna. U dan mill-mument tal-Magħmudija. Aħna mwielda mill-ġdid bħala wlied Alla, u hekk nibqgħu għal dejjem! Il-Magħmudija fil-fatt ma nirrepetuhiex, għax timmarkana b’siġill spiritwali li ma jitħassarx: “Dan is-siġill ma jitħassarx bl-ebda dnub, ukoll jekk id-dnub ma jħallix li l-Magħmudija tagħti l-frott tas-salvazzjoni” (KKK, 1272). Is-siġill tal-Magħmudija ma jintilef qatt! “Dun, jekk persuna tinbidel fi brigant, minn dawk l-iżjed magħrufa, li joqtlu n-nies, li jagħmlu l-inġustizzji, is-siġill jitħassar, le?”. Le. Dak il-bniedem, li hu bin Alla, u jagħmel dawn l-affarijiet, għandu għax jistħi minnu nnifsu, imma s-siġill ma jitħassarx. U jibqa’ iben ta’ Alla, li qed jeħodha kontra Alla, imma Alla ma jiċħadhom qatt lil uliedu. Intennuha flimkien? “Alla ma jiċħadhom qatt lil uliedu”. Iżjed qawwija, għax jien m’għadnix nisma’ u ma fhimtx sew: [jgħajtu b’iżjed qawwa] Alla ma jiċħadhom qatt lil uliedu”. Hekk, hekk sew.

 

Imwielda fi Kristu permezz tal-Magħmudija, l-imgħammdin jitwaħħdu miegħu, “il-kbir fost ħafna aħwa” (Rum 8:29). Permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, il-Magħmudija ssaffi, tqaddes, tiġġustifika, biex issawwar fi Kristu, u minn ħafna tagħmel ġisem wieħed (ara 1 Kor 6:11; 12:13). Dan tesprimih id-dilka tal-griżma, “li hi sinjal tas-saċerdozju regali tal-imgħammed u tat-tixrik tiegħu fil-komunità tal-poplu ta’ Alla” (Rit tal-Magħmudija tat-Tfal, Introduzzjoni, n. 18, 3). Għalhekk is-saċerdot jidlek bil-griżma mqaddsa r-ras ta’ kull imgħammed, wara li jkun lissen dawn il-kelmiet li jagħtu t-tifsira tagħha: “Alla li jista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, li ħelsek mid-dnub u tak ħajja ġdida mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu, jikkonsagrak biż-żejt tas-salvazzjoni, biex tingħaqad mal-poplu tiegħu u tibqa’ dejjem membru ta’ Kristu s-Saċerdot, il-Profeta u s-Sultan, u hekk tasal fil-ħajja ta’ dejjem” (ibid., n. 71).

 

Ħuti, il-vokazzjoni Nisranija kollha hawn qiegħda: li ngħixu magħqudin ma’ Kristu fil-Knisja mqaddsa, nieħdu sehem mill-istess konsagrazzjoni biex inwettqu l-istess missjoni, f’din id-dinja, billi nagħtu frott li jibqa’ għal dejjem. Imseddaq mill-istess Spirtu, fil-fatt, il-Poplu kollu ta’ Alla għandu sehem mill-funzjonijiet ta’ Ġesù Kristu, “Saċerdot, Sultan u Profeta”, u jerfa’ r-responsabbiltajiet ta’ missjoni u qadi li joħorġu minnhom (ara KKK, 783-786). Xi jfisser tieħu sehem mis-saċerdozju regali u profetiku ta’ Kristu? Ifisser tagħmel minnek innifsek offerta mogħġuba minn Alla (ara Rum 12:1), u tagħti xhieda tagħha permezz ta’ ħajja ta’ fidi u ta’ karità (ara Lumen gentium, 12), billi tqegħidha għall-qadi tal-oħrajn, fuq l-eżempju tal-Mulej Ġesù (ara Mt 20:25-28; Ġw 13:13-17). Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 



[1] Virgineo fetu genitrix Ecclesia natos / quos spirante Deo concipit amne parit. / Cælorum regnum sperate hoc fonte renati”.