IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 9 ta’ April 2014

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum nibdew serje ta’ katekeżi fuq id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Tafu intom li l-Ispirtu s-Santu hu r-ruħ li tagħti l-ħajja lill-Knisja u lil kull Nisrani: hu l-Imħabba ta’ Alla li jagħmel minn qalbna l-għamara tiegħu u jidħol f’komunjoni magħna.  L-Ispirtu s-Santu dejjem hu magħna, dejjem hu fina, fil-qalb tagħna.

 

L-Ispirtu nnifsu hu “id-don ta’ Alla” per eċċellenza (ara Ġw 4:10), hu rigal ta’ Alla, u min-naħa tiegħu jagħti lil min jilqgħu għadd ta’ doni spiritwali.  Il-Knisja ssemmi sebgħa, numru li simbolikament ifisser milja, xi ħaġa sħiħa; huma dawk li nisimgħu bihom aħna u nitħejjew għas-sagrament tal-Konfirmazzjoni u li nsejħu fit-talba qadima magħrufa bħala s-“Sekwenza ta’ l-Ispirtu s-Santu”.  Id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu huma: għerf, fehma, kunsill, qawwa, xjenza, pjetà u biża’ ta’ Alla.

 

1. L-ewwel don ta’ l-Ispirtu s-Santu, għalhekk, skond din il-lista, hu l-għerf.  Imma hawn m’aħniex nitkellmu sempliċement dwar l-għerf uman, li hu frott ta’ l-għarfien u ta’ l-esperjenza.  Il-Bibbja tirrakkonta kif Salamun, meta ġie inkurunat sultan ta’ Israel, talab id-don ta’ l-għerf (ara 1 Slat 3:9).  U l-għerf hu sewwa sew dan: hu l-grazzja li nistgħu naraw kollox b’għajnejn Alla.  Hu sempliċement dan: hu li naraw id-dinja, naraw is-sitwazzjonijiet, iċ-ċirkustanzi, il-problemi, kollox, bl-għajnejn ta’ Alla.  Dan hu l-għerf.  Xi drabi aħna nħarsu lejn l-affarijiet kif jogħġob lilna jew skond kif inkunu nħossuna f’qalbna, bi mħabba jew b’mibegħda, b’għira…  Le, dawn m’humiex l-għajnejn ta’ Alla.  L-għerf hu dak li jsawwar fina l-Ispirtu s-Santu biex nistgħu naraw il-ħwejjeġ kollha b’għajnejn Alla.  Dan hu d-don ta’ l-għerf.

 

2. U ovvjament dan jiġi mill-intimità ma’ Alla, mir-relazzjoni intima li aħna nibnu ma’ Alla, mir-rabta ta’ wlied mal-Missier.  U l-Ispirtu s-Santu, meta jkollna din ir-relazzjoni, jagħtina d-don ta’ l-għerf.  Meta nkunu f’għaqda mal-Mulej, l-Ispirtu s-Santu jagħmel li qalbna tinbidel u tħoss is-sħana u l-għożża kollha tiegħu.

 

3. Għalhekk l-Ispirtu s-Santu jagħmel lin-Nisrani “għaref”.  Imma dan mhux fis-sens li għandu tweġiba għal kollox, li jaf kollox, imma fis-sens li “jaf” lil Alla, jaf kif iġib ruħu Alla, jagħraf meta ħaġa hi ta’ Alla u meta m’hix ta’ Alla; għandu dan l-għerf li Alla jagħti lil qlubna.  F’dan is-sens qalb il-bniedem għaref għandha l-gost u t-togħma ta’ Alla.  U kemm hu importanti li fil-komunitajiet Insara jkollna Nsara hekk!  Fihom kollox jitkellem dwar Alla u jsir sinjal sabiħ u ħaj tal-preżenza tiegħu u ta’ mħabbtu.  U din hi ħaġa li ma nistgħux noħorġu biha aħna, li ma nistgħux niksbuha waħidna: hi don li Alla jagħmel lil dawk li b’doċilità jintelqu f’idejn l-Ispirtu s-Santu.  Aħna għandna lill-Ispirtu s-Santu ġo fina, fil-qalb tagħna; nistgħu nisimgħuh, u nistgħu ma nisimgħuhx.  Jekk aħna nisimgħu lill-Ispirtu s-Santu, Hu jgħallimna din it-triq ta’ l-għerf, jagħtina l-għerf li hu li naraw b’għajnejn Alla, nisimgħu b’widnejn Alla, inħobbu b’qalb Alla, niġġudikaw l-affarijiet bil-ġudizzju ta’ Alla.  Dan hu l-għerf li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, u lkoll kemm aħna jista’ jkollna minnu.  Irridu biss nitolbuh lill-Ispirtu s-Santu.

 

Aħsbu f’omm, f’darha, ma’ wliedha, li meta wieħed jagħmel ħaġa l-ieħor jaħseb oħra, u l-imsejkna omm araha ddur minn naħa għall-oħra, bil-problemi tat-tfal.  U meta l-ommijiet jegħjew u jgħajtu ma’ wliedhom, dak għerf?  Tgħajjat mat-tfal – nistaqsikom – hu għerf?  X’taħsbu: hu għerf jew le?  Le!  Imma meta l-omm taqbad lil binha u twiddbu bil-ħlewwa u tgħidlu: “Din ma tistax tagħmilha, għax…”, u tfissirlu b’ħafna paċenzja, dan hu l-għerf ta’ Alla?  Iva!  Hu dan li l-Ispirtu s-Santu jagħtina fil-ħajja!  Imbagħad, fiż-żwieġ, ngħidu aħna, il-miżżewġin – ir-raġel u l-mara – jillatikaw bejniethom, u mbagħad ma jibqgħux iħarsu lejn xulxin jew, jekk iħarsu, iħarsu b’geddum sa l-art: dan hu l-għerf ta’ Alla?  Le!  Imma meta jgħidu: “Ħeqq, issa għadda l-inkwiet, nagħmlu paċi”, u jerġgħu jibdew il-mixja tagħhom fis-sliem: dan hu għerf?  [in-nies: Iva!]  Hekk hu, dan hu d-don ta’ l-għerf.  Ħa jkollna minnu fid-djar tagħna, ħa jkollna fost uliedna, ħa jkollna fostna lkoll!

 

U dan ma titgħallmux: dan hu rigal ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk, jeħtieġ nitolbu lill-Mulej jagħtina l-Ispirtu s-Santu u jagħtina d-don ta’ l-għerf, dak l-għerf ta’ Alla li jgħallimna nħarsu b’għajnejn Alla, inħossu bil-qalb ta’ Alla, nitkellmu b’fomm Alla.  U hekk, b’dan l-għerf, nimxu ’l quddiem, nibnu l-familja, nibnu l-Knisja, u nitqaddsu lkoll.  Nitolbu l-lum din il-grazzja ta’ l-għerf.  U dan id-don ejjew nitolbuh lill-Madonna, li hi t-Tron ta’ l-Għerf: ħa tkun Hi li tagħtina din il-grazzja.  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard