IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 8 ta’ April 2015 

Il-Familja – 9. It-Tfal (II)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżi dwar il-familja l-lum qed inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq it-tfal, li huma l-isbaħ frott tal-barka li l-Ħallieq sawwab fuq ir-raġel u l-mara.  Diġà tkellimna fuq x’rigal kbir huma t-tfal, imma l-lum sfortunatament hemm bżonn nitkellmu fuq “l-istejjer ta’ passjoni” li qed iġarrbu ħafna minnhom.

 

Ħafna tfal sa mill-bidu huma rrifjutati, abbandunati, misruqa mit-tfulija tagħhom u mill-ġejjieni tagħhom.  Xi ħadd saħansitra jasal jgħid, kważi biex jiġġustifika ruħu, li kien żball li ġabhom fid-dinja.  Messu jistħi!  Ejja ma nitfgħux fuq it-tfal il-ħtijiet tagħna, jekk jogħġobkom!  It-tfal qatt ma jistgħu jkunu “żball”.  Il-ġuħ tagħhom m’hux żball, kif m’humiex il-faqar tagħhom, id-dgħufija tagħhom, it-telqa tagħhom – tant tfal mitluqa fit-toroq; u lanqas hi żball l-injoranza tagħhom u n-nuqqas ta’ ħila tagħhom – tant tfal li ma jafux x’inhi skola.  Jekk xejn, dawn huma raġunijiet biex inħobbuhom iżjed, b’ġenerożità ikbar.  X’se nagħmlu bid-dikjarazzjonijiet solenni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tat-tfal, jekk imbagħad nikkastigaw lit-tfal għall-iżbalji ta’ l-adulti?

 

Dawk li xogħolhom hu li jiggvernaw, li jedukaw, imma jien ngħid l-adulti kollha, aħna responsabbli għat-tfal u li kull wieħed minna jagħmel kull ma jista’ biex jibdel din is-sitwazzjoni.  Qed nirriferi għall-“passjoni” tat-tfal.  Kull tifel u tifla emarġinat, abbandunat, li jgħix fit-triq jittallab u b’kull xorta ta’ faqar, bla skola, bla kura medika, hu karba li titla’ quddiem Alla u li tixli lis-sistema li bnejna aħna l-kbar.  U b’xorti ħażina dawn it-tfal huma priża f’idejn id-delinkwenti, li jisfruttawhom għal traffiku u kummerċ xejn xieraq, jew iħarrġuhom għall-gwerra u għall-vjolenza.  Imma anki fil-pajjiżi hekk imsejħa għonja ħafna tfal qed jgħixu drammi li jolqtuhom ħażin fil-laħam il-ħaj, minħabba l-kriżi tal-familja, il-vojt edukattiv u l-kundizzjonijiet tal-ħajja li xi kultant xejn ma huma denji tal-bniedem.  Hu x’inhu, hi tfulija miġruħa kemm fil-ġisem u kemm fir-ruħ.  Imma ħadd minn dawn it-tfal m’hu minsi mill-Missier li qiegħed fis-Smewwiet!  L-ebda demgħa tagħhom ma tintilef!  Kif lanqas m’hi sa tintilef ir-responsabbiltà tagħna, ir-responsabbiltà soċjali tal-persuni, ta’ kull wieħed u waħda minna, u tal-pajjiżi.

 

Darba Ġesù ċanfar lid-dixxipli tiegħu għax riedu jbiegħdu minnu t-tfal li l-ġenituri ġabulu għandu, biex iberikhom.  Ir-rakkont evanġeliku jmissilna qalbna: “Imbagħad ressqulu quddiemu xi tfal żgħar biex iqiegħed idejh fuqhom u jitlob għalihom.  Iżda d-dixxipli qabdu jgħajtu magħhom.  U Ġesù qalilhom: Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.  Imbagħad qiegħed idejh fuqhom u telaq minn hemm (Mt 19:13-15).  Kemm hi sabiħa din il-fiduċja tal-ġenituri, u din it-tweġiba ta’ Ġesù!  Kemm nixtieq li din il-paġna ssir l-istorja normali tat-tfal kollha!  Hu minnu li għall-grazzja ta’ Alla t-tfal b’diffikultajiet kbar spiss isibu ġenituri straordinarji, lesti għal kull sagrifiċċju u għal kull ġenerożità.  Imma dawn il-ġenituri ma nistgħux inħalluhom waħidhom!  Jeħtieġ nimxu magħhom fit-taħbit tagħhom, imma noffrulhom ukoll waqtiet ta’ ferħ maqsuma flimkien u ta’ allegrija ħielsa, biex ma jinbelgħux biss mir-routine terapewtika.

 

Hu x’inhu, fil-każ tat-tfal, m’għandna qatt nisimgħu dawk il-formli ta’ difiża legali f’uffiċċju, bħal ngħidu aħna: “Wara kollox, aħna m’aħniex enti ta’ karità”; jew: “Fil-privat, kulħadd hu liberu jagħmel dak li jrid”; jew anki: “Jiddispjaċina, ma nistgħu nagħmlu xejn”.  Dawn il-kelmiet ma jiswewx meta qed nitkellmu fuq it-tfal. 

 

Spiss it-tfal ibatu l-konsegwenzi ta’ ħajjiet imtertqa b’xogħol prekarju u mħallas ħażin, b’sigħat insostenibbli, b’mezzi ineffiċjenti ta’ trasport…  Imma t-tfal ikollhom iħallsu wkoll il-prezz ta’ unjonijiet immaturi u ta’ separazzjonijiet irresponsabbli: huma l-ewwel vittmi; huma li jduqu r-riżultat tal-kultura tad-drittijiet soġġettivi esaġerati, u mbagħad isiru l-ulied l-iżjed prematuri tagħha.  Spiss jixorbu vjolenza li m’għandhomx ħila “jiddiġerixxu”, u taħt għajnejn il-kbar huma mġiegħla jidraw ħajja degradanti.

 

Anki fi żmienna, bħal fl-imgħoddi, il-Knisja tqiegħed il-maternità tagħha għas-servizz tat-tfal u tal-familji tagħhom.  Lill-ġenituri u l-ulied ta’ din id-dinja tagħna twasslilhom il-barka ta’ Alla, il-ħlewwa ta’ omm, it-twiddiba soda u l-kundanna b’saħħitha.  Mat-tfal ma nilagħbux!

 

Aħsbu ftit x’soċjetà kienet tkun dik li tiddeċiedi, darba għal dejjem, li tistrieħ fuq dan il-prinċipju: “Veru li m’aħniex perfetti u li nagħmlu ħafna żbalji.  Imma meta niġu għat-tfal li jiġu fid-dinja, l-ebda sagrifiċċju ta’ l-adulti m’hu meqjus ta’ prezz għoli jew kbir wisq, biex nevitaw li tifel jaħseb li hu xi żball, li ma jiswa għal xejn jew li ġie mitluq għall-feriti tal-ħajja u għall-prepotenza tal-bnedmin”.  Kemm tkun sabiħa soċjetà hekk!  Jien ngħid li lil soċjetà bħal din jinħafrulha ħafna mill-għadd kbir ta’ żbalji tagħha.  Ħafna, tassew.

 

Il-Mulej jagħmel ħaqq minn ħajjitna billi jisma’ x’jgħidulu l-anġli tat-tfal, anġli li “dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-Smewwiet” (ara Mt 18:10).  Nistaqsu dejjem lilna nfusna: X’se jirrakkuntawlu lil Alla, dwarna, dawn l-anġli tat-tfal?

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard