IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 8 ta’ Frar 2017

 

It-Tama Nisranija – 10. It-tama għajn ta’ faraġ għal xulxin u ta’ sliem (1 Tess 5:12-22)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

L-Erbgħa li għadda rajna kif San Pawl, fl-Ewwel Ittra tiegħu lit-Tessalonkin, iħeġġiġhom biex iżommu għeruqhom imniżżla fit-tama tal-qawmien (ara 5:4-11), b’dik il-kelma sabiħa “nkunu dejjem mal-Mulej” (4:17). Fl-istess kuntest, l-Appostlu jurina li t-tama Nisranija m’għandhiex biss sens personali, individwali, imma komunitarju, ekkleżjali. Aħna lkoll nittamaw; ilkoll għandna tama, anki b’mod komunitarju.

 

Għalhekk, Pawlu dlonk jifrex il-ħarsa tiegħu fuq ir-realtajiet kollha li jsawru l-komunità Nisranija, u jsejħilhom biex jitolbu għal xulxin u jwieżnu lil xulxin. Ngħinu wieħed lill-ieħor. Imma mhux biss ngħinu lil xulxin fil-ħtiġijiet li jkollna, fil-ħafna ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum, imma ngħinu lil xulxin fit-tama, inwieżnu wieħed lill-ieħor fit-tama. U mhux ta’ b’xejn li jibda proprju billi jirriferi għal dawk li huma fdati bir-responsabbiltà u t-treġija pastorali. Huma l-ewwel li msejħa jkattru t-tama, u dan mhux għax huma aħjar mill-oħrajn, imma bil-qawwa ta’ ministeru divin li jmur sew lil hemm mill-qawwa tagħhom. Għalhekk, iktar u iktar għandhom bżonn tar-rispett, il-ftehim u s-sapport twajjeb ta’ kulħadd.

 

L-attenzjoni mbagħad tinxteħet fuq l-aħwa li iktar minn oħrajn qed jirriskjaw li jitilfu t-tama, li jaqgħu fil-qtigħ il-qalb. Dejjem nisimgħu b’persuni li jaqgħu fil-qtigħ il-qalb u jagħmlu ħwejjeġ koroh… Il-qtigħ il-qalb iwassalhom biex jagħmlu tant ħwejjeġ koroh. Ir-riferiment hu għal min hu qalbu maqtugħa, għal min hu dgħajjef, għal min iħossu mgħaffeġ mit-toqol tal-ħajja u tal-ħtijiet tiegħu u ma jirnexxilux jistejqer iżjed. F’dawn il-każi, il-qrubija u s-sħana tal-Knisja kollha għandhom ikunu ikbar u mimlija b’iżjed imħabba, u għandhom jieħdu x-xejra ħelwa tal-kompassjoni, li ma jfissirx li tiġik ħasra minn xi ħadd: il-kompassjoni tfisser li tħoss u tbati mal-ieħor, tersaq qrib ta’ min qed ibati; kelma, żegħila, imma li toħroġ mill-qalb. Għal min għandu bżonn tal-faraġ u tal-konsolazzjoni. Dan hu importanti iżjed minn qatt qabel: it-tama Nisranija ma tistax ma tkunx imħabba ġenwina u konkreta. L-istess Appostlu tal-ġnus, fl-Ittra lir-Rumani, minn qiegħ qalbu jafferma: “Aħna li aħna sħaħ fil-fidi għandna ngħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna” (15:1). Nerfgħu, nerfgħu d-dgħufijiet tal-oħrajn. Din ix-xhieda mbagħad ma tibqax magħluqa ’l ġewwa mill-ħitan tal-komunità Nisranija: tidwi bil-qawwa kollha tagħha anki ’l barra minnha, fil-kuntest soċjali u ċivili, bħala sejħa biex ma nibnux ħitan imma pontijiet, biex ma npattux id-deni b’deni, biex nirbħu l-ħażen bit-tajjeb, l-offiża bil-maħfra – in-Nisrani qatt ma jista’ jgħid: Issa tpattiha qares!, qatt; dan mhux ġest Nisrani; l-offiża nirbħuha bil-maħfra –, biex ngħixu fis-sliem ma’ kulħadd. Din hi l-Knisja! U dan hu dak li taħdem fina t-tama Nisranija, meta tagħmel tagħha l-karatteristiċi b’saħħithom imma fl-istess waqt ħelwa tal-imħabba. L-imħabba hi qawwija u ħelwa. Hi sabiħa.

 

Hekk nifhmu li waħidna ma nistgħux nitgħallmu nittamaw. Ħadd ma jitgħallem jittama waħdu. Mhux possibbli. It-tama, biex tikber, bilfors għandha bżonn ta’ “ġisem”, li fih il-bosta membri jwieżnu lil xulxin u jagħtu l-ħajja lil xulxin. Dan għalhekk ifisser li, jekk nittamaw, dan għax ħafna minn ħutna għallmuna nittamaw u żammew mixgħula t-tama tagħna. U fost dawn, jispikkaw iċ-ċkejknin, il-foqra, is-sempliċi, l-imwarrbin. Iva, għax ma jafx x’inhi tama min jingħalaq fil-ġid tiegħu: jittama biss fil-ġid tiegħu u din mhix tama: hi sigurtà relattiva; ma jafx x’inhi tama min jingħalaq fis-sodisfazzjon bih innifsu, min iħossu dejjem f’postu… Imma jittamaw dawk li ta’ kuljum iduqu l-prova, il-prekarjetà u l-limitu tagħhom. Huma dawn ħutna li jagħtuna l-isbaħ xhieda u l-aktar b’saħħitha, għax jibqgħu sodi fil-fiduċja tagħhom fil-Mulej, għax jafu li, lil hemm min-niket tagħhom, mill-jasar u mill-mewt li ma tistax taħrabha, l-aħħar kelma sa tkun tiegħu, u sa tkun kelma ta’ ħniena, ta’ ħajja u ta’ sliem. Min jittama, jittama li jum wieħed għad jisma’ din il-kelma: “Ejja, ejja għandi, ħija; ejja, ejja għandi, oħti, għal dejjem”.

 

Għeżież ħbieb, jekk – kif għidna – l-għamara naturali tat-tama hi “ġisem” solidali, fil-każ tat-tama Nisranija dan il-ġisem hu l-Knisja, waqt li n-nifs tal-ħajja, ir-ruħ ta’ din it-tama hu l-Ispirtu s-Santu. Mingħajr l-Ispirtu s-Santu ma jistax ikollna tama. Għalhekk mela l-Appostlu Pawlu jistedinna fl-aħħar biex insejħulu l-ħin kollu. Jekk mhix ħaġa ħafifa li temmen, wisq u wisq inqas hi li tittama. Hu itqal li tittama milli li temmen, hu itqal. Imma meta l-Ispirtu s-Santu jgħammar fi qlubna, hu li jfehimna li m’għandniex nibżgħu, li l-Mulej hu qrib tagħna u jieħu ħsiebna; hu li jagħġen il-komunitajiet tagħna, f’Pentekoste dejjiemi, bħala sinjali ħajjin ta’ tama għall-familja tal-bnedmin. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard