IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2016

 

It-Tama Nisranija – 1. Isaija 40: “Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi…”

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nibdew serje ġdida ta’ katekeżi, fuq it-tema tat-tama Nisranija. Hi importanti ħafna, għax it-tama ma tqarraq qatt bina. L-ottimiżmu jqarraq bina, it-tama le! Għandna bżonnha ħafna, f’dawn iż-żminijiet li jidhru mudlama, meta xi drabi nħossuna mitlufin quddiem il-ħażen u l-vjolenza li jdawruna, quddiem it-tbatija ta’ tant minn ħutna. Hemm bżonn tat-tama! Inħossuna mitlufa u anki xi ftit qalbna maqtugħa, għax insibuna ma nistgħu nagħmlu xejn u donnu dan id-dlam mhu ħa jispiċċa qatt.

 

Imma ma rridux inħallu t-tama titlaqna, għax Alla bi mħabbtu jimxi magħna. “Jien nittama, għax Alla jinsab miegħi”: dan kollha nistgħu ngħiduh. Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Jien nittama, għandi t-tama, għax Alla jimxi miegħi”. Jimxi u jaqbadli f’idi. Alla ma jitlaqniex waħidna. Il-Mulej Ġesù għeleb il-ħażen u fetħilna t-triq tal-ħajja.

 

U għalhekk, b’mod partikulari f’dan iż-żmien tal-Avvent, li hu ż-żmien tal-istennija, li fih nitħejjew biex nilqgħu mill-ġdid il-misteru kollu faraġ tal-Inkarnazzjoni u d-dawl tal-Milied, importanti nirriflettu fuq it-tama. Inħallu lill-Mulej jgħallimna xi jfisser tittama. Mela nisimgħu kliem l-Iskrittura Mqaddsa, u nibdew bil-Profeta Isaija, il-profeta kbir tal-Avvent, il-ħabbar kbir tat-tama.

 

Fit-tieni parti tal-ktieb tiegħu, Isaija jdur fuq il-poplu bi bxara ta’ faraġ:

“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi, jgħid Alla tagħkom.

Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha

li ntemm il-jasar tagħha,

tħallset ħżunitha […]”.

Leħen jgħajjat:

“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,

wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.

Jintradam kull wied,

u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;

kull art imħabbta titwitta,

kull art imħarbta ssir maqgħad.

U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,

u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,

għax fomm il-Mulej tkellem” (40:1-2,3-5).

 

Alla l-Missier ifarraġ billi jqanqal farraġa, li jitlobhom jagħmlu l-qalb lill-poplu tiegħu, lil uliedu, u jħabbru li ntemm żmien it-tiġrib, spiċċat it-tbatija, u d-dnub ġie maħfur. Dan hu li jfejjaq il-qalb maqsuma u mbeżżgħa. Għalhekk il-profeta jitlobna nħejju t-triq għall-Mulej, billi niftħu qalbna għad-doni tiegħu u għas-salvazzjoni tiegħu.

 

Il-faraġ, għall-poplu, jibda bil-possibbiltà li jimxi fit-triq tal-Mulej, triq ġdida, iddrittata u mwittija, triq imħejjija fid-deżert, biex jista’ jaqsmu u jerġa’ lura f’pajjiżu. Għax il-poplu li lejh idur il-profeta kien għaddej mit-traġedja tal-eżilju fil-Babilonja, imma issa jisma’ lil min jgħidlu li jista’ jerġa’ lura f’artu, permezz ta’ triq tajba u wiesgħa, mingħajr widien u muntanji li jagħmlu l-mixja iktar iebsa, triq miftuħa fid-deżert. Li nħejju din it-triq għalhekk ifisser li nħejju mixja ta’ salvazzjoni u ta’ ħelsien minn kull xkiel u diffikultà.

 

L-eżilju kien żmien traġiku fl-istorja ta’ Israel, meta l-poplu kien tilef kollox. Il-poplu kien tilef pajjiżu, il-libertà, id-dinjità, u anki l-fiduċja f’Alla. Ħassu abbandunat u bla tama. Min-naħa l-oħra, isimgħuha s-sejħa tal-profeta li jerġa’ jiftaħ il-qalb għall-fidi. Id-deżert hu post fejn qajla tista’ tgħix, imma proprju hemm issa jistgħu jimxu biex jerġgħu lura mhux biss f’pajjiżhom, imma jerġgħu lura għand Alla, u jerġgħu lura biex jittamaw u jitbissmu. Meta nkunu fid-dlam, fid-diffikultajiet, ma jiġiniex li nitbissmu, u hi sewwasew it-tama li tgħallimna nitbissmu biex insibu dik it-triq li twassal għand Alla. Waħda mill-ewwel affarijiet li jiġrilhom dawk li jinqatgħu minn Alla hi li huma nies bla tbissima. Forsi kapaċi jidħku daħka kbira, waħda wara l-oħra, battuta, daħka… imma nieqsa t-tbissima! It-tbissima tagħtiha biss it-tama: hi t-tbissima tat-tama li nsibu lil Alla.

 

Il-ħajja spiss qisha deżert, diffiċli nimxu fil-ħajja, imma jekk nintelqu f’idejn Alla tista’ ssir sabiħa u wiesgħa daqs arterja prinċipali. Biżżejjed ma nitilfu qatt it-tama, biżżejjed nibqgħu nemmnu, dejjem, minkejja kollox. Meta aħna nsibu ruħna quddiem tarbija, jaf ikollna ħafna diffikultajiet u problemi, imma minn ġewwa nħossu li għandna nitbissmu, għax insibu ruħna quddiem it-tama: tarbija hi tama! U hekk fil-ħajja għandna nagħrfu naraw il-mixja tat-tama li twassalna biex insibu lil Alla, Alla li sar Tarbija għalina. U dan iġagħalna nitbissmu, jagħtina kollox!

 

Proprju dawn il-kelmiet ta’ Isaija mbagħad jinqeda bihom Ġwanni l-Battista fil-predikazzjoni tiegħu li biha stieden għall-konverżjoni. Qal hekk: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq għall-Mulej” (Mt 3:3). Hu leħen li jgħajjat fejn donnu ħadd ma jista’ jisimgħu – għax min jista’ jisimgħu fid-deżert? – li jgħajjat qalb il-konfużjoni minħabba fil-kriżi tal-fidi. Ma nistgħux niċħdu li d-dinja tal-lum tinsab fi kriżi ta’ fidi. Jingħad: “Jiena nemmen f’Alla, jien Nisrani” – “Jiena minn dik ir-reliġjon…”. Imma ħajtek hi mbiegħda sew minn dik ta’ Nisrani; imbiegħda sew minn Alla! Ir-reliġjon, il-fidi spiċċat espressjoni: “Jien nemmen?” – “Iva!”. Imma hawn qed nitkellmu fuq li nerġgħu lura lejn Alla, indawru qalbna lura lejn Alla u nibqgħu f’din it-triq biex insibuh. Hu qed jistenniena. Din hi l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista: nitħejjew. Nitħejjew għal-laqgħa tagħna ma’ din it-Tarbija li troddilna lura t-tbissima. Il-Lhud, meta l-Battista jħabbrilhom il-miġja ta’ Ġesù, kienu bħallikieku għadhom fl-eżilju, għax kienu taħt il-ħakma Rumana, li kienet tagħmilhom barranin fl-istess pajjiżhom, iggvernati minn ħakkiema setgħana li jiddeċiedu huma għalihom. Imma l-vera storja mhix dik magħmula mis-setgħanin tal-art, imma dik li jagħmel Alla flimkien maċ-ċkejknin tiegħu. L-istorja vera – dik li ħa tibqa’ għal dejjem – hi dik li jikteb Alla maċ-ċkejknin tiegħu: Alla ma’ Marija, Alla ma’ Ġesù, Alla ma’ Ġużeppi, Alla maċ-ċkejknin. Dawk iċ-ċkejkna u sempliċi li nsibu madwar Ġesù fit-twelid tiegħu: Żakkarija u Eliżabetta, xwejħa u sterili, Marija, xebba u verġni żagħżugħa mgħarrsa lil Ġużeppi, ir-ragħajja, li kienu mistmerra u ma kienu jiswew xejn. Huma ċ-ċkejknin, li jsiru kbar minħabba fil-fidi tagħhom, iċ-ċkejknin li jafu jkomplu jittamaw. U t-tama hi l-virtù taċ-ċkejknin. Il-kbar, dawk li jħossuhom sodisfatti, ma jafux x’inhi t-tama; ma jafux x’inhi.

 

Huma ċ-ċkejknin li ma’ Alla, ma’ Ġesù jibdlu d-deżert tal-eżilju, tas-solitudni ddisprata, tat-tbatija, fi triq watja li fuqha wieħed jista’ jimxi biex imur jiltaqa’ mal-glorja tal-Mulej. U niġu għall-punt: ejjew nitgħallmu t-tama. Nistennew kollna fiduċja ż-żjara tal-Mulej, u hu x’inhu d-deżert ta’ ħajjitna – kull wieħed u waħda jaf f’liema deżert iħossu miexi – jinbidel fi ġnien kollu ward. It-tama ma tqarraqx bina!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard