IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 7 ta’ Ottubru 2015
Familja – 28. Spirtu ta’ familja
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Ftit tal-jiem
ilu fetaħ is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet
fuq it-tema “Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja ta’ żmienna”.
Il-familja li timxi fit-triq tal-Mulej hi fundamentali fix-xhieda ta’
l-imħabba ta’ Alla u għalhekk jixirqilha d-dedikazzjoni kollha li
tista’ tagħtiha l-Knisja. Is-Sinodu
hu msejjaħ jinterpreta, għall-ġurnata tal-lum, din l-attenzjoni
u din l-għożża tal-Knisja.
Ejjew insieħbu l-mixja kollha Sinodali qabel xejn bit-talb u
l-attenzjoni tagħna. U f’dan
il-perjodu l-katekeżijiet se jkunu riflessjonijiet imnebbħa minn xi
aspetti tar-relazzjoni – li nistgħu tabilħaqq insejħulha
indissolubbli! – bejn il-Knisja u l-familja, bix-xefaq miftuħ
għall-ġid tal-komunità sħiħa tal-bnedmin.
Ħarsa mill-qrib lejn il-ħajja ta’
kuljum ta’ l-irġiel u n-nisa ta’ żmienna minnufih turi
l-ħtieġa li hemm kullimkien ta’ injezzjoni b’saħħitha ta’ spirtu ta’ familja. Fil-fatt, l-istil tar-relazzjonijiet –
ċivili, ekonomiċi, ġuridiċi, professjonali, ta’
ċittadinanza – jidher ħafna razzjonali, formali, organizzat, imma
wkoll ħafna “bla ilma”, niexef, anonimu.
Xi drabi jsir insopportabbli.
Anki jekk jixtieq ikun inklużiv fil-forom tiegħu, fir-realtà qed jabbanduna għadd dejjem ikbar ta’
persuni għas-solitudni u l-iskart.
Araw għaliex il-familja tista’ tiftaħ
għas-soċjetà kollha
perspettiva wisq aktar umana: tiftaħ l-għajnejn ta’ l-ulied fuq
il-ħajja – u mhux biss il-ħarsa, imma anki s-sensi l-oħra kollha
– u turi viżjoni tar-relazzjonijiet umani msejsa fuq il-patt ħieles
ta’ l-imħabba. Il-familja
tintroduċi għall-bżonn tar-rabtiet ta’ fedeltà,
sinċerità,
fiduċja, koperazzjoni, rispett; tqawwi l-qalb biex wieħed
jipproġetta dinja li fiha nistgħu ngħixu u jemmen
fir-relazzjonijiet ta’ fiduċja, anki qalb kundizzjonijiet diffiċli;
tgħallmu jżomm il-kelma li jkun ta, ir-rispett lejn kull persuna,
il-qsim tal-limiti personali u ta’ l-oħrajn. U kollha nafu li xejn ma jista’ jieħu
post dik l-attenzjoni familjari għall-membri l-iżjed ċkejknin,
l-iżjed vulnerabbli, l-iżjed miġruħa, u saħanstira
l-iżjed diżastrużi fl-imġiba ta’ ħajjithom. Fis-soċjetà, min jipprattika dawn
l-atteġġjamenti, xorobhom mill-ispirtu tal-familja, u żgur mhux
mill-kompetizzjoni u mix-xewqa tar-realizzazzjoni tal-jien.
U safrattant, anki jekk dan kollu nafuh,
m’aħniex nagħtu lill-familja l-piż li jixirqilha – u
l-għarfien, u s-sostenn – fl-organizzazzjoni politika u ekonomika
tas-soċjetà tal-lum.
Nixtieq ngħid iżjed: il-familja mhux biss m’għandhiex
l-għarfien xieraq, imma m’għadhiex toħloq l-edukazzjoni! Xi drabi jiġini li ngħid li,
bix-xjenza kollha tagħha, bit-teknoloġija kollha, is-soċjetà moderna m’għadhiex kapaċi
tittraduċi dan l-għarfien f’xejriet aħjar ta’ konvivenza
ċivili. Mhux biss l-organizzazzjoni
tal-ħajja komuni qed teħel dejjem iżjed f’burokrazija għal
kollox barranija għar-rabtiet umani fundamentali, imma, saħansitra,
id-drawwiet soċjali u politiċi spiss qed juru sinjali ta’ tifrik –
aggressività,
vulgarità,
disprezz… –, li jinsabu sew lil hemm mill-għatba ta’ mqar l-iċken
edukazzjoni familjari.
F’ċirkustanza bħal din, l-estremi opposti ta’ dan it-tifrik
fir-relazzjonijiet – jiġifieri l-insensittività teknokratika u l-familiżmu amorali –
jingħaqdu ma’ xulxin u jgħinu wieħed lill-ieħor. Dan hu paradoss.
F’dan il-punt eżatt, il-Knisja l-lum tara
s-sens storiku tal-missjoni tagħha dwar il-familja u l-ispirtu veru
tal-familja: ibda minn reviżjoni attenta tal-ħajja, li tolqot qabel
xejn lilha nfisha. Nistgħu
ngħidu li l-“ispirtu tal-familja” hu karta kostituzzjonali
għall-Knisja: hekk għandu jidher il-Kristjaneżmu, u hekk
għandu jkun. Hu miktub ċar,
iswed fuq l-abjad: “Intom li darba kontu ’l bogħod – jgħid San Pawl –
[…] ma għadkomx
aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u
nies tad-dar ta’ Alla” (Efes 2:19).
Il-Knisja hi u għandha tkun il-familja ta’ Alla.
Ġesù, meta sejjaħ għal warajh lil Pietru,
qallu li kien se jagħmlu “sajjied tal-bnedmin”; u għalhekk
għandna bżonn għamla ġdida ta’ xbieki. Nistgħu ngħidu li l-lum il-familji
huma waħda mix-xbieki l-iżjed importanti għall-missjoni ta’
Pietru u tal-Knisja. M’hix xibka li
tjassar, din! Għall-kuntrarju, teħles
mill-ilmijiet kiefra tat-telqa u ta’ l-indifferenza, li qed jgħarrqu lil
ħafna bnedmin fil-baħar tas-solitudni u ta’ l-indifferenza. Il-familji jafu tajjeb x’inhi d-dinjità li nħossuna
wlied u mhux ilsiera, jew barranin, jew biss numru fuq karta ta’ l-identità.
Minn hawn, mill-familja, Ġesù jerġa’
jabqad il-mixja tiegħu qalb il-bnedmin biex jipperswadihom li Alla ma
nsihomx. Minn hawn Pietru
jitħeġġeġ għall-ministeru tiegħu. Minn hawn il-Knisja, f’ubbidjenza lejn
il-kelma ta’ l-Imgħallem, toħroġ tistad fil-fond, ċerta li,
jekk dan iseħħ, il-qabda sa tkun mirakuluża. Jalla l-entużjażmu tal-Padri
Sinodali, imdawla mill-Ispirtu s-Santu, jgħin lill-Knisja tagħmel dik
il-qabża biex tħalli x-xbieki qodma u terġa’ tibda tistad
b’fiduċja fil-kelma tal-Mulej tagħha.
Nitolbu bil-qalb għal dan!
Mill-bqija, Kristu wegħidna u jinkuraġġina: jekk
il-missirijiet ħżiena ma jiċħdux il-ħobż
lill-ulied imġewħa, kemm aktar Alla jagħti l-Ispirtu lil dawk li
– imqar jekk imperfetti – jitolbuhulu b’insistenza mħeġġa (ara
Lq 11:9-13)!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard