IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Settembru 2016

 

28. Hi l-ħniena li ssalva (ara Mt 11:2-6)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Smajna silta mill-Vanġelu ta’ Mattew (11:2-6). LEvanġelista jrid idaħħalna iżjed fil-fond tal-misteru ta’ Ġesù, biex nifhmu t-tjieba u l-ħniena tiegħu. L-episodju hu dan li ġej: Ġwanni l-Battista jibgħat lid-dixxipli tiegħu għand Ġesù – Ġwanni kien il-ħabs – biex jagħmlulu mistoqsija ċara ħafna: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (v. 3). Kien sewwasew fil-mument tad-dalma… Il-Battista kien qed jistenna bil-ħerqa lill-Messija u fil-predikazzjoni tiegħu kien fissru bi xbihat qawwija, bħala mħallef li saflaħħar kien sa jwaqqaf is-saltna ta’ Alla u jsaffi lill-poplu tiegħu, jippremja lit-tajbin u jikkastiga l-ħżiena. Hu kien jipprietka hekk: “Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar” (Mt 3:10). Issa li Ġesù nieda l-missjoni pubblika tiegħu bi stil differenti, Ġwanni qed ibati għax sab ruħu f’dalma doppja: fid-dalma tal-ħabs u ta’ ċella, u fid-dalma tal-qalb. Ma jifhmux dan l-istil ta’ Ġesù u jrid jaf jekk huwiex dan il-Messija, jew inkella kellhomx jistennew ieħor.

 

U t-tweġiba ta’ Ġesù għall-ewwel donnha ma taqbilx mat-talba tal-Battista. Fil-fatt Ġesù jgħid: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” (vv. 4-6). Hawn tidher ċara l-fehma tal-Mulej Ġesù: hu jwieġeb li hu l-istrument ħaj tal-ħniena tal-Missier, li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd biex iwassal il-faraġ u l-fidwa, u hekk juri l-ħaqq ta’ Alla. L-għomja, iz-zopop, l-imġiddma, it-torox, jerġgħu jiksbu d-dinjità tagħhom u ma jibqgħux imwarrba minħabba fil-mard tagħhom, il-mejtin jerġgħu lura għall-ħajja, waqt li lill-foqra hi mxandra l-Aħbar it-tajba. U din issir il-ġabra tal-għemil kollu ta’ Ġesù, li hekk juri b’mod viżibbli u tanġibbli kif jaħdem Alla nnifsu.

 

Il-messaġġ li l-Knisja tirċievi minn dan ir-rakkont tal-ħajja ta’ Kristu hu ċar ħafna. Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jikkastiga lill-midinbin u lanqas biex jeqred il-ħżiena. Minflok, għand dawn tasal l-istedina għall-konverżjoni biex, meta jaraw is-sinjali tat-tjieba divina, jerġgħu jsibu t-triq lura. Kif jgħid is-Salm: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistajżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-maħfra, biex hekk inqimuk fil-biżatiegħek (130:3-4).

 

Il-ġustizzja li l-Battista qiegħed fil-qalba tal-predikazzjoni tiegħu, f’Ġesù tidher qabelxejn bħala ħniena. U d-dubji tal-Prekursur ma jagħmlu xejn għajr idewquna minn qabel l-istagħġib li iktar tard Ġesù kellu jqanqal bl-għemil u l-kliem tiegħu. Allura nifhmu għaliex Ġesù jagħlaq hekk it-tweġiba tiegħu. Jgħid: “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” (v. 6). Li wieħed jieħu skandlu jfisser “jitfixkel”. Ġesù għalhekk iwissi dwar periklu partikulari: jekk dak li qed ifixkel lil min jemmen huma fuq kollox l-għemejjel tiegħu ta’ ħniena, dan ifisser li dak li jkun għandu idea falza tal-Messija. Imma henjin dawk li, quddiem il-ġesti u l-kliem ta’ Ġesù, jagħtu glorja lill-Missier li hu fis-Smewwiet.

 

It-twissija ta’ Ġesù hi dejjem attwali: anki llum il-bniedem joħloq xbihat ta’ Alla li jżommuh milli jiggosta l-preżenza reali tiegħu. Xi wħud joħolqu għalihom fidi “agħmilha int” li tirriduċi lil Alla fl-ispazju limitat tax-xewqat u l-konvinzjonijiet tagħhom. Imma din il-fidi mhix konverżjoni lejn il-Mulej li jirrivela ruħu, anzi, iżżommu milli jipprovoka l-ħajja u l-kuxjenza tagħna. Oħrajn jirriduċu lil Alla għal idolu falz: jużaw l-isem qaddis tiegħu biex jiġġustifikaw l-interessi tagħhom jew saħansitra l-mibegħda u l-vjolenza. Għal oħrajn Alla hu biss post ta’ kenn psikoloġiku fejn iħossuhom imqawwija fil-mumenti iebsin: din hi fidi magħluqa fiha nfisha, li ma tħallix tidħol il-qawwa tal-imħabba ħanina ta’ Ġesù li tiġbidhom lejn l-aħwa. Oħrajn iqisu lil Kristu biss bħala mgħallem twajjeb ta’ tagħlim etiku, wieħed fost ħafna fl-istorja. Fl-aħħar nett, hemm min jifga l-fidi f’relazzjoni purament ta’ intimità ma’ Ġesù, u jinjora l-qawwa missjunarju tiegħu li kapaċi tibdel id-dinja u l-istorja. Aħna l-Insara nemmnu f’Alla ta’ Ġesù Kristu, u x-xewqa tagħna hi dik li nikbru fl-esperjenza ħajja tal-misteru ta’ mħabbtu.

 

Għalhekk inħabirku biex ma nqiegħdu l-ebda xkiel għall-għemil ħanin tal-Missier, imma nitolbuh id-don ta’ fidi kbira biex insiru aħna wkoll sinjali u strumenti ta’ ħniena.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard