IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 7 ta’ Ġunju
2017
It-Tama Nisranija –
25.
Il-paternità
ta’
Alla, għajn tat-tama tagħna
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Kien hemm xi ħaġa li tiġbdek fil-mod
kif kien jitlob Ġesù, tant tiġbdek li darba d-dixxipli tiegħu
talbuh jurihom kif. L-episodju nsibuh fil-Vanġelu ta’ Luqa, li fost l-evanġelisti
hu dak li l-aktar iddokumenta l-misteru ta’ Kristu “jitlob”: il-Mulej kien
jitlob. Id-dixxipli ta’ Ġesù jintlaqtu mill-fatt li hu, speċjalment
filgħodu u filgħaxija, kien jinġabar waħdu u “jintilef”
fit-talb. U għalhekk, jum fost l-oħrajn, talbuh jgħallem lilhom
ukoll (ara Lq 11:1).
U għalhekk Ġesù jgħaddilhom dik
li saret it-talba Nisranija per eċċellenza: il-Missierna. Biex ngħidu kollox, Luqa, meta mqabbel ma’ Mattew,
jagħtina t-talba ta’ Ġesù f’forma xi ftit iqsar, li tibda
bl-invokazzjoni sempliċi: “Missier”
(v. 2).
Il-misteru kollu tat-talb Nisrani jinġabar
hawn, f’din il-kelma: li ssib il-kuraġġ issejjaħ lil Alla
bl-isem ta’ Missier. Dan taffermah ukoll il-liturġija meta, hija u
tistedinna ngħidu flimkien it-talba ta’ Ġesù, tuża
l-espressjoni: “ejjew nitolbu”.
Fil-fatt, li nsejħu lil Alla bl-isem ta’
“Missier” xejn mhi ħaġa ovvja. Inħossuna aktar komdi ninqdew
b’titli iktar għoljin, li jidhrilna li juru iżjed rispett lejn
it-traxxendenza tiegħu. Imma meta nsejħulu “Missier”, insibu ruħna
f’relazzjoni ta’ kunfidenza miegħu, bħal tfajjel li jdur lejn
missieru, għax jaf li hu maħbub minnu u għażiż għalih.
Din hi r-rivoluzzjoni l-kbira li l-Kristjaneżmu ġab fil-psikoloġija
reliġjuża tal-bniedem. Il-misteru ta’ Alla, li dejjem isaħħarna
u quddiemu nħossuna hekk żgħar, issa m’għadux
ibeżżagħna, ma jkeċċiniex, ma jġagħalniex
nistħu. Din hi rivoluzzjoni diffiċli biex nilqgħuha fir-ruħ
tagħna ta’ bnedmin; tant hu hekk li mqar fir-rakkonti tal-Qawmien jingħad
li n-nisa, wara li raw il-qabar vojt u l-anġlu, “tbiegħdu b’ġirja
waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu
mbellhin bil-biża’” (Mk 16:8). Imma Ġesù jurina li Alla hu Missier
twajjeb, u jgħidilna: “Tibżgħux!”.
Ejjew naħsbu fil-parabbola tal-Missier ħanin
(ara Lq 15:11-32). Ġesù jirrakkonta l-istorja ta’ missier li għal
uliedu għandu biss imħabba. Missier li ma jikkastigax lil ibnu għall-arroganza
tiegħu u li jasal saħansitra biex jafdalu s-sehem tiegħu
mill-wirt u jħallih jitlaq mid-dar. Alla hu Missier, jgħidilna Ġesù,
imma mhux bil-mod uman, għax m’hemm l-ebda missier f’din id-dinja li kien
sa jġib ruħu bħall-protagonista ta’ din il-parabbola. Alla hu
Missier bil-mod tiegħu: twajjeb, ma jtellax ħitan quddiem l-għażla
ħielsa tal-bniedem, kapaċi biss jikkonjuga l-verb “tħobb”. Meta
l-iben ribelli, wara li jkun berbaq kollox, sa fl-aħħar jerġa’
lura d-dar, dak il-missier miegħu ma jħaddimx il-kriterji tal-ġustizzja
umana, imma jħoss qabelxejn il-bżonn li jaħfer, u bit-tgħanniqa
tiegħu juri lil ibnu li matul dak iż-żmien twil tan-nuqqas tiegħu
hu bkieh, b’uġigħ ta’ qalb ħass in-nuqqas tiegħu għax
ma setax jagħtih imħabbtu ta’ missier.
X’misteru bla qies hu dan Alla li għandu
din it-tip ta’ mħabba għal uliedu!
Forsi għalhekk li, f’riflessjoni dwar
il-qalba tal-misteru Nisrani, l-Appostlu Pawlu ma jħossx li jista’ jaqleb
fil-Grieg kelma li Ġesù, fl-Aramajk, lissinha “abbà”. Għal darbtejn San Pawl, fl-ittri tiegħu (ara Rum
8:15; Gal 4:6), imiss dan is-suġġett, u għal darbtejn iħalli
din il-kelma mhux tradotta, fl-istess forma li fiha feġġet fuq fomm Ġesù,
“abbà”, terminu iżjed intimu
minn “missier”, u li hawn min ittraduċieh “papà, pa”.
Għeżież ħuti, aħna m’aħna
qatt waħidna. Nistgħu nkunu mbiegħda, ostili, forsi nistgħu
wkoll nistqarru li aħna “bla Alla”. Imma l-Vanġelu ta’ Ġesù
Kristu jurina li Alla ma jafx joqgħod mingħajrna: hu qatt ma jista’
jkun Alla “mingħajr il-bniedem”; huwa hu li ma jistax jgħaddi mingħajrna,
u dan hu misteru kbir! Alla ma jistax ikun Alla mingħajr il-bniedem:
x’misteru kbir dan! U din iċ-ċertezza hi l-għajn tat-tama tagħna, li nsibuha miġbura
fl-invokazzjonijiet kollha tal-Missierna.
Meta niġu bżonn l-għajnuna, Ġesù ma jgħidilniex
nirrassenjaw ruħna u ningħalqu fina nfusna, imma nduru lejn
il-Missier u nitolbuh b’fiduċja. Il-ħtiġijiet kollha tagħna,
minn dawk l-iżjed ċari għal dawk ta’ kuljum, bħall-ikel,
is-saħħa, ix-xogħol, sa dak li nkunu maħfura u mwieżna
qalb it-tentazzjonijiet, mhumiex il-mera tas-solitudni tagħna: hemm
il-Missier li dejjem iħares lejna bi mħabba, u li żgur ma
jitlaqniex waħidna.
Issa se nagħmlilkom proposta: kull wieħed
u waħda minna għandu tant problemi u tant bżonnijiet. Ejja naħsbu
ftit, fis-skiet, f’dawn il-problemi u f’dawn il-bżonnijiet. Naħsbu
wkoll fil-Missier, fil-Missier tagħna, li ma jistax jgħaddi mingħajrna,
u li bħalissa qed iħares fuqna. U lkoll flimkien, b’fiduċja u
tama, nitolbu: “Missierna, li inti fis-Smewwiet…”.
Grazzi!
miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard