IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Mejju 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Għadna kemm smajna l-qari ta’ dik is-silta mill-ktieb tas-Salmi li tgħid: “Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; mqar bil-lejl qalbi tgħallimni” (Salm 16:7).  U dan hu don ieħor ta’ l-Ispirtu s-Santu: id-don tal-kunsill.  Nafu kemm hu importanti li fil-mumenti l-aktar delikati nkunu nistgħu nserrħu fuq is-suġġerimenti ta’ persuni għarfa u li jridulna l-ġid.  Issa, permezz tad-don tal-kunsill, hu Alla nnifsu li, bl-Ispirtu tiegħu, idawwal il-qalb tagħna, hekk li jgħinna nifhmu x’inhu l-mod xieraq li bih għandna nitkellmu u nġibu ruħna u t-triq li għandna nimxu.  Imma kif jaħdem fina dan id-don?

 

1. Meta aħna nilqgħuh u nħalluh jgħammar fil-qalb tagħna, l-Ispirtu s-Santu minnufih jibda jagħmilna sensibbli għal-leħen tiegħu u jorjenta l-ħsibijiet tagħna, is-sentimenti u l-intenzjonijiet tagħna skond il-qalb ta’ Alla.  Fl-istess waqt, iwassalna dejjem iżjed biex indawru l-ħarsa interjuri tagħna fuq Ġesù, bħala mudell ta’ kif aħna naġixxu u nidħlu f’relazzjoni ma’ Alla l-Missier u ma’ ħutna.  Għalhekk, il-kunsill hu d-don li bih l-Ispirtu s-Santu lill-kuxjenza tagħna jagħmilha kapaċi tagħmel għażla konkreta f’komunjoni ma’ Alla, skond il-loġika ta’ Ġesù u tal-Vanġelu tiegħu.  B’dan il-mod, l-Ispirtu s-Santu jgħinna nikbru minn ġewwa, jgħinna nikbru b’mod pożittiv, jgħinna nikbru fil-komunità u jgħinna ma ninġarrux mill-egoiżmu u mill-mod ta’ kif aħna naraw l-affarijiet.  Hekk l-Ispirtu s-Santu jgħinna nikbru u anki ngħixu fil-komunità.  Il-kundizzjoni essenzjali biex nistgħu nikkonservaw dan id-don hi t-talb.  Dejjem qed nerġgħu lura fuq l-istess suġġett: it-talb!  Għax it-talb hu wisq importanti.  Li nitolbu bit-talbiet li lkoll nafuhom sa minn ċkunitna, imma nitolbu wkoll bi kliemna.  Nitolbu lill-Mulej: “Mulej, għinni, agħtini l-parir tiegħek, x’għandi nagħmel?”.  U bit-talb inkunu noħolqu l-ispazju biex l-Ispirtu s-Santu f’dak il-ħin jista’ jiġi u jgħinna, jissuġġerilna dak li lkoll kemm aħna għandna nagħmlu.  It-talb!  Qatt tinsewh it-talb.  Qatt!  Ħadd, ħadd ma jintebaħ meta aħna nitolbu fuq il-karozza tal-linja, fit-triq: nitolbu fis-skiet bil-qalb.  Napprofittaw minn dawn il-mumenti biex nitolbu, nitolbu lill-Ispirtu jagħtina d-don tal-kunsill.

 

2. Fl-intimità ma’ Alla u fis-smigħ tal-Kelma tiegħu, ftit ftit inwarrbu għall-ġenb il-loġika personali tagħna, li spiss hi ddettata mill-għeluq tagħna, mill-preġudizzji tagħna u mill-ambizzjonijiet tagħna, u minflok nitgħallmu nitolbu lill-Mulej: X’tixtieq inti?  X’inhi r-rieda tiegħek?  X’inhu li jogħġob lilek?  B’dan il-mod tixxettel fina sintonija profonda, kważi ħaġa waħda fin-natura ma’ l-Ispirtu, u nduqu kemm huma veri l-kelmiet ta’ Ġesù li nsibu fil-Vanġelu ta’ Mattew: “Tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu.  Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom” (Mt 10:19-20).

 

Hu l-Ispirtu li jagħtina l-parir tiegħu, imma aħna rridu noħolqu l-wisa’ lill-Ispirtu, biex jista’ jagħtina l-parir tiegħu.  U noħolqu l-ispazju għat-talb, biex nitolbu li Hu jiġi u jgħinna dejjem.

 

3. Imbagħad, bħad-doni l-oħra kollha ta’ l-Ispirtu, anki l-kunsill hu teżor għall-komunità Nisranija kollha.  Il-Mulej ma jkellimniex biss fl-intimità tal-qalb tagħna, ikellimna, iva, imma mhux hemm biss, għax hu jkellimna wkoll permezz tal-leħen u x-xhieda ta’ ħutna.  Hu tabilħaqq don kbir li nistgħu niltaqgħu ma’ rġiel u nisa ta’ fidi li, fuq kollox fil-perjodi l-iżjed ikkumplikati u importanti ta’ ħajjitna, jgħinuna ndawlu l-qalb tagħna biex nistgħu nagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla!

 

Jien niftakar kif darba fis-santwarju ta’ Luján kont fil-konfessjonarju, bi kju twil quddiemi.  Kien hemm ukoll ġuvni tassew modern, bl-imsielet, it-tatoos, u dawn l-affarijiet kollha…  U ġie biex jgħidli xi ġralu.  Kienet problema kbira, diffiċli.  U qalli: Jien irrakkuntajt dan kollu lil ommi u ommi qaltli: Mur għand il-Madonna u hi tgħidlek x’għandek tagħmel.  Araw mara li kellha d-don tal-kunsill.  Ma kinitx taf kif ħa toħroġ mill-problema ta’ binha, imma wrietu t-triq it-tajba: Mur għand il-Madonna u tgħidlek hi.  Dan hu d-don tal-kunsill.  Dik il-mara umli, sempliċi, tat lil binha l-aqwa parir.  Fil-fatt dan iż-żagħżugħ qalli: Ħarist lejn il-Madonna u ħassejt li kelli nagħmel dan, dan u dan…  Jien ma kellix għalfejn nitkellem, kienu ġa qalu kollox ommu u l-ġuvni stess.  Dan hu d-don tal-kunsill.  Intom l-ommijiet li għandkom dan id-don, itolbuh għal uliedkom.  Id-don li tagħtu parir tajjeb lil uliedkom hu don ta’ Alla.

 

Għeżież ħbieb, is-Salm 16, li għadna kif smajna, jgħinna nitolbu b’dawn il-kelmiet: Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; mqar bil-lejl qalbi tgħallimni.  Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek” (vv. 7-8).  Jalla l-Ispirtu jkun jista’ jsawwab dejjem fi qlubna din iċ-ċertezza u hekk jimliena bil-faraġ u s-sliem tiegħu.  Itolbu dejjem id-don tal-kunsill.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard