IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 7 ta’ Frar 2018

 

Il-Quddiesa

9. Il-Liturġija tal-Kelma. II. Il-Vanġelu u l-omelija

 

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-katekeżi fuq il-Quddiesa. Konna wasalna fil-Qari.

 

Id-djalogu bejn Alla u l-poplu tiegħu, żviluppat fil-Liturġija tal-Kelma tal-Quddiesa, jilħaq il-quċċata tiegħu fix-xandir tal-Vanġelu. Qablu hemm il-kant tal-Hallelujah – jew, fir-Randan, akklamazzjoni oħra – li biha “il-ġemgħa tal-fidili tilqa’ u ssellem lill-Mulej li ħa jitkellem fil-Vanġelu”.[1] Kif il-misteri ta’ Kristu jdawlu r-rivelazzjoni biblika kollha, hekk, fil-Liturġija tal-Kelma, il-Vanġelu hu d-dawl biex nistgħu nifhmu s-sens tat-testi bibliċi li jiġu qablu, kemm mit-Testment il-Qadim u kemm mit-Testment il-Ġdid. Fil-fatt, “Kristu hu ċ-ċentru u l-milja tal-Iskrittura kollha, kif inhu wkoll taċ-ċelebrazzjoni liturġika kollha”.[2] Fiċ-ċentru dejjem hemm Ġesù Kristu, dejjem.

 

Għalhekk l-istess liturġija tagħżel il-Vanġelu mill-qari l-ieħor u ddawru b’ġieħ u qima partikulari.[3] Fil-fatt, il-qari tiegħu hu riservat għall-ministru ordnat, li jispiċċa billi jbus il-ktieb; nisimgħuh bilwieqfa u nagħmlu s-sinjal tas-salib fuq ġbinna, fuq fommna u fuq sidirna; ix-xemgħat u l-inċens iweġġħu lil Kristu li, permezz tal-qari tal-Vanġelu, jagħmel li tidwi l-kelma qawwija tiegħu. Minn dawn is-sinjali l-ġemgħa tagħraf il-preżenza ta’ Kristu li jagħtiha l-“bxara t-tajba” li tikkonverti u tibdel. Hu diskors dirett dak li jkun ġej, kif jixhdu l-akklamazzjonijiet li bihom inwieġbu għall-proklamazzjoni: “Glorja lilek, Mulej” u “It-tifħir lilek, Kristu”. Aħna nqumu bilwieqfa biex nisimgħu l-Vanġelu: hu Kristu li qed ikellimna, hemmhekk. U għalhekk aħna noqogħdu attenti, għax dan hu kollokju dirett. Huwa l-Mulej li qed ikellimna.

 

Għalhekk, fil-Quddiesa ma naqrawx il-Vanġelu biex insiru nafu x’ġara, imma nisimgħu l-Vanġelu biex niġu konxji ta’ dak li Ġesù għamel u qal darba; u dik il-Kelma hi ħajja, il-Kelma ta’ Ġesù li hi fil-Vanġelu hi ħajja u tasal fil-qalb tiegħi. Għalhekk li nisimgħu l-Vanġelu hu hekk importanti, b’qalbna miftuħa, għax hi Kelma ħajja. Santu Wistin jikteb li “fomm Kristu hu l-Vanġelu. Hu jsaltan fis-Sema, imma ma jehda qatt jitkellem fuq l-art”.[4] Jekk hu minnu li fil-liturġija “Kristu għadu jħabbar l-Evanġelju”,[5] minn dan joħroġ li, meta nieħdu sehem fil-Quddiesa, irridu nagħtuh tweġiba. Aħna nisimgħu l-Vanġelu u rridu nagħtu tweġiba fil-ħajja tagħna.

 

Biex iwasslilna l-messaġġ tiegħu, Kristu jinqeda wkoll bil-kelma tas-saċerdot li, wara l-Vanġelu, jagħmel l-omelija.[6] Ħaġa li l-Konċilju Vatikan II jirrakkomanda bil-qawwa bħala parti mill-istess liturġija,[7] l-omelija mhijiex diskors tal-okkażjoni – lanqas katekeżi bħal din li qed nagħmel issa –, la konferenza u lanqas lezzjoni, l-omelija hi ħaġa oħra. X’inhi l-omelija? Hi “tibni fuq dak id-djalogu li diġà hu miftuħ bejn il-Mulej u l-poplu tiegħu”,[8] sakemm dan isib it-twettiq tiegħu fil-ħajja. L-eseġesi awtentika tal-Vanġelu hi l-ħajja qaddisa tagħna! Il-kelma tal-Mulej ittemm il-ġirja tagħha meta titlaħħam fina, tinbidel f’għemil, kif seħħ f’Marija u fil-Qaddisin. Ftakru dak li għidtilkom l-aħħar darba, il-Kelma ta’ Alla tidħol mill-widnejn, tasal fil-qalb u tinżel fid-dirgħajn, fl-opri tajba. U anki l-omelija ssegwi lill-Kelma ta’ Alla u tagħmel hi wkoll din il-mixja biex tgħinna ħalli l-Kelma ta’ Alla tasal f’dirgħajna, wara li tgħaddi mill-qalb.

 

Diġà ttrattajt l-argument tal-omelija fl-Eżortazzjoni Evangelii gaudium, fejn fakkart li l-kuntest liturġiku “jitlob li l-predikazzjoni torjenta lill-ġemgħa, u anki lill-predikatur, lejn komunjoni ma’ Kristu fl-Ewkaristija li ġġib bidla fil-ħajja”.[9]

 

Min jagħmel l-omelija jrid iwettaq tajjeb il-ministeru tiegħu – min jipprietka, is-saċerdot jew id-djaknu jew l-isqof –, u joffri servizz veru lil dawk kollha li qed jieħdu sehem fil-Quddiesa, imma anki dawk li jisimgħu jridu jagħmlu l-parti tagħhom. L-ewwel nett biex jagħtu l-attenzjoni li tixraq, jiġifieri billi jassumu d-dispożizzjonijiet interjuri tajba, mingħajr pretensjonijiet suġġettivi, għax jafu li kull predikatur għandu l-preġji u l-limiti tiegħu. Jekk xi drabi jkun hemm xi raġuni għala wieħed jiddejjaq għax l-omelija twila jew mhix iffukata jew ma tistax tinftiehem, drabi oħra jkun il-preġudizzju li jkun ta’ xkiel. U min jagħmel l-omelija għandu jkun konxju li mhux jagħmel xi ħaġa tiegħu, imma qed jipprietka, qed jagħti leħen lil Ġesù, qed jipprietka l-Kelma ta’ Ġesù. U l-omelija għandha tkun imħejjija tajjeb, għandha tkun qasira, qasira! Kien qed jgħidli saċerdot kif darba mar f’belt oħra fejn kienu joqogħdu l-ġenituri tiegħu, u missieru qallu: “Taf int, jiena kuntent, għax jien u sħabi sibna knisja fejn jagħmlu Quddiesa mingħajr omelija!”. U kemm drabi waqt l-omelija naraw lil min tmur għajnu bih, oħrajn ipaċpċu bejniethom jew joħorġu barra jpejpu sigarett… Għalhekk, nitlobkom, araw li tkun qasira, l-omelija, imma li tkun imħejjija tajjeb. U kif tħejji omelija, għeżież saċerdoti, djakni, isqfijiet? Kif tħejjiha? Bit-talb, bl-istudju tal-Kelma ta’ Alla, u billi tagħmel sintesi ċara u qasira, ma tridx taqbeż l-għaxar minuti, nitlobkom. Biex nikkonkludu, nistgħu ngħidu li fil-Liturġija tal-Kelma, permezz tal-Vanġelu u l-omelija, Alla jiddjaloga mal-poplu tiegħu, li jisimgħu b’attenzjoni u qima u, fl-istess waqt, jagħraf kif hu preżenti u qed jaħdem. Jekk, mela, nagħtu widen għall-“bxara t-tajba”, minnha sa niġu kkonvertiti u mibdula, u għalhekk insiru kapaċi nibdlu lilna nfusna u lid-dinja. Għaliex? Għax il-Bxara t-Tajba, il-Kelma ta’ Alla tidħol mill-widnejn, tgħaddi mill-qalb u tasal fid-dirgħajn biex tagħmel l-opri tajba.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 


[1] Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 62.

[2] Introduzzjoni għal-Lezzjonarju, 5.

[3] Ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 60 u 134.

[4] Sermone 85, 1: PL 38, 520; ara wkoll Trattat fuq il-Vanġelu ta’ Ġwanni, XXX, I: PL 35, 1632; CCL 36, 289.

[5] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium, 33.

[6] Ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 65-66; Introduzzjoni għal-Lezzjonarju, 24-27.

[7] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium, 52.

[8] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 137.

[9] Ibid., 138.