Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq nitkellem fuq il-vjaġġ appostoliku li għamilt fl-aħħar jiem fil-Myanmar u l-Bangladesh. Kien don kbir ta’ Alla, u għalhekk nirringrazzjah ta’ kollox, speċjalment tal-laqgħat li kelli. Inġedded l-espressjoni tal-gratitudni tiegħi lill-Awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi u lill-Isqfijiet rispettivi, tal-ħidma tagħhom ta’ preparazzjoni u tal-laqgħa li taw lili u lill-kollaboraturi tiegħi. “Grazzi” mill-qalb irrid ngħidha lill-poplu Birman u lil dak Bengaliż, li wrewni tant fidi u tant imħabba: grazzi!

 

Għall-ewwel darba Suċċessur ta’ Pietru żar il-Myanmar, u dan seħħ ftit wara li ġew fis-seħħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn dan il-pajjiż u s-Santa Sede.

 

Ridt, anki f’dan il-każ, nesprimi l-qrubija ta’ Kristu u tal-Knisja għal poplu li bata minħabba l-ġlied u għax safa mgħaffeġ, u li issa bil-mod il-mod qed jimxi lejn kundizzjoni ġdida ta’ libertà u ta’ paċi. Poplu fejn ir-reliġjon Buddista għandha għeruq sodi, bil-prinċipji spiritwali u etiċi tagħha, u fejn l-Insara huma preżenti bħala merħla ċkejkna u ħmira tas-Saltna ta’ Alla. Lil din il-Knisja, ħajja u mħeġġa, fraħt li stajt inwettaqha fil-fidi u fil-komunjoni, fil-laqgħa tiegħi mal-Isqfijiet tal-pajjiż u fiż-żewġ ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi. L-ewwel waħda kienet fil-medda art kbira ddedikata għall-isport fiċ-ċentru ta’ Yangon, u l-Vanġelu ta’ dakinhar fakkarna li l-persekuzzjonijiet minħabba fil-fidi f’Ġesù huma normali għad-dixxipli tiegħu, bħala okkażjoni ta’ xhieda, imma li “lanqas xagħra waħda minn rashom ma tintilef” (ara Lq 21:12-19). It-tieni quddiesa, l-aħħar ħaġa li għamilt fiż-żjara tiegħi fil-Myanmar, kienet iddedikata liż-żgħażagħ: sinjal ta’ tama u rigal speċjali tal-Verġni Marija, fil-katidral li jġib isimha. Fl-uċuħ ta’ dawk iż-żgħażagħ, mimlijin ferħ, ilmaħt il-futur tal-Asja: futur li mhuwiex ta’ min jibni l-armi, imma ta’ min jiżra’ l-imħabba tal-aħwa. U dejjem f’sinjal ta’ tama berikt l-ewwel ġebliet tas-sittax-il knisja, tas-seminarju u tan-nunzjatura: tmintax!

 

Barra l-Komunità Kattolika, iltqajt ukoll mal-Awtoritajiet tal-Myanmar, ħeġġiġthom fl-isforzi tagħhom b’risq il-paċi fil-pajjiż u awgurajtilhom li l-komponenti differenti kollha tal-pajjiż, l-ebda waħda eskluża, jikkoperaw f’dan il-proċess fir-rispett reċiproku. F’dan l-ispirtu, ridt niltaqa’ mar-rappreżentanti tad-diversi komunitajiet reliġjużi preżenti fil-pajjiż. B’mod partikulari, lill-Kunsill Suprem tal-Monaċi Buddisti wrejtlu l-istima tal-Knisja għat-tradizzjoni spiritwali antika tagħhom, u l-fiduċja li Nsara u Buddisti flimkien jistgħu jgħinu lill-persuni jħobbu lil Alla u lill-proxxmu, u jixħtu taħt riġlejhom kull vjolenza u jeħduha kontra l-ħażen bit-tajjeb.

 

Wara li ħallejt il-Myanmar, mort il-Bangladesh, fejn l-ewwel ħaġa li għamilt mort tajt qima lill-martri tal-ġlieda għall-indipendenza u lil “Missier in-Nazzjon”. Il-poplu tal-Bangladesh hu fil-parti l-kbira tiegħu ta’ reliġjon Musulmana, u għalhekk iż-żjara tiegħi – fuq il-passi ta’ dawk tal-Beatu Pawlu VI u ta’ San Ġwanni Pawlu II – immarkat pass ieħor b’risq ir-rispett u d-djalogu bejn il-Kristjaneżmu u l-Islam.

 

Lill-Awtoritajiet tal-pajjiż fakkarthom li s-Santa Sede sa mill-bidu wieżnet ir-rieda tal-poplu Bengaliż biex jinbena bħala nazzjon indipendenti, kif ukoll il-ħtieġa li fih dejjem tiġi mħarsa l-libertà reliġjuża. B’mod partikulari, ridt nesprimi solidarjetà mal-Bangladesh fl-impenn tiegħu li jaqbeż għar-Rohingya li ħarbu f’mases kbar lejn it-territorju tiegħu, fejn id-densità tal-popolazzjoni diġà hi waħda mill-ogħla fid-dinja.

 

Il-quddiesa li ċċelebrajt fil-park storiku ta’ Dhaka kienet mogħnija bl-Ordinazzjoni ta’ sittax-il saċerdot, u dan kien waħda mill-ġrajjiet l-aktar sinifikattivi u hienja tal-vjaġġ. Fil-fatt, kemm fil-Bangladesh u kemm fil-Myanmar u fil-pajjiżi l-oħra tax-xlokk Asjatiku, għall-grazzja ta’ Alla, il-vokazzjonijiet mhumiex neqsin, sinjal ta’ komunitajiet ħajja, fejn jidwi leħen il-Mulej li jsejjaħ lil min jimxi warajh. Qsamt dan il-ferħ mal-Isqfijiet tal-Bangladesh, u ħeġġiġthom fil-ħidma ġeneruża tagħhom għall-familji, għall-foqra, għall-edukazzjoni, għad-djalogu u għall-paċi soċjali. U qsamt dan il-ferħ ma’ tant saċerdoti u kkonsagrati tal-pajjiż, kif ukoll mas-seminaristi u n-novizzi, li fihom ilmaħt iż-żerriegħa tal-Knisja f’dik l-art.

 

F’Dhaka għexna mument qawwi ta’ djalogu interreliġjuż u ekumeniku, li fih stajt nisħaq fuq il-ftuħ tal-qalb bħala pedament tal-kultura tal-laqgħa, tal-armonija u tal-paċi. Barra minn hekk, żort il-“Casa Madre Teresa”, fejn il-qaddisa kienet toqgħod meta kienet iżżur dik il-belt, u li tilqa’ ħafna ltiema u persuna b’diżabbiltà. Hemm, skont il-kariżma tagħhom, is-sorijiet jgħixu ta’ kuljum it-talba ta’ adorazzjoni u l-qadi lil Kristu fqir u batut. U qatt, qatt ma tgħib minn fuq ħaddejhom dik it-tbissima: sorijiet li jitolbu ħafna, li jaqdu lill-batuti u kontinwament bid-daħka. X’xhieda sabiħa! Nirringrazzja ħafna lil dawn is-sorijiet.

 

L-aħħar appuntament kien dak maż-żgħażagħ Bengaliżi, għani fix-xhieda, il-kant u ż-żfin. U kemm jiżfnu tajjeb, dawn il-Bengaliżi. Jafu jiżfnu sabiħ! Festa li wriet il-ferħ tal-Vanġelu milqugħ minn dik il-kultura; ferħ li ħalla l-frott grazzi għas-sagrifiċċji ta’ tant missjunarji, ta’ tant katekisti u ġenituri Nsara. Fil-laqgħa kienu preżenti wkoll iż-żgħażagħ Musulmani u ta’ reliġjonijiet oħra: sinjal ta’ tama għall-Bangladesh, għall-Asja u għad-dinja kollha. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard