IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA
ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 6 ta’ Novembru 2013
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Nhar l-Erbgħa li għadda tkellimt dwar ix-xirka tal-qaddisin
bħala komunjoni bejn il-persuni qaddisa, jiġifieri bejnietna li
nemmnu. Il-lum nixtieq ninżel
fil-fond ta’ l-aspett l-ieħor ta’ din ir-realtà – tiftakru li kien hemm
żewġ aspetti: l-ewwel ix-xirka, l-għaqda bejnietna; u l-aspett
l-ieħor kien ix-xirka mal-ħwejjeġ qaddisa, mal-ġid spiritwali.
Iż-żewġ aspetti huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, u
fil-fatt il-komunjoni bejn l-Insara tikber permezz tas-sehem tagħna
fil-ġid spiritwali. B’mod
partikulari nikkunsidraw: is-Sagramenti,
il-kariżmi, u l-imħabba (ara Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika, nri 949-953).
Aħna nikbru fl-għaqda bejnietna, fil-komunjoni,
bis-Sagramenti, bil-kariżmi li kull wieħed u waħda jirċievi
mill-Ispirtu s-Santu, u bl-imħabba.
Qabel xejn ix-xirka tas-Sagramenti. Is-Sagramenti jesprimu u jwettqu komunjoni
effettiva u profonda bejnietna, għax fihom niltaqgħu ma’ Kristu
l-Feddej u, permezz tiegħU, ma’ ħutna fil-fidi. Is-Sagramenti m’humiex xi ħaġa li
tidher biss minn barra, m’humiex riti, imma huma l-qawwa ta’ Kristu; hemm Ġesù
Kristu preżenti fis-Sagramenti.
Meta niċċelebraw l-Ewkaristija hu Ġesù ħaj li
jiġborna, jagħmilna komunità, iwassalna biex inqimu
lill-Missier. Fil-fatt, kull wieħed
u waħda minna, permezz tal-Magħmudija, il-Konfirmazzjoni u
l-Ewkaristija, ġie magħqud ma’ Kristu u mal-komunità ta’ dawk li
jemmnu. Għalhekk, jekk minn
naħa hi l-Knisja li “tagħmel” is-Sagramenti, min-naħa
l-oħra huma s-Sagramenti li “jagħmlu” l-Knisja, jibnuha,
jagħtuha wlied ġodda u jseħbuhom fil-poplu qaddis ta’ Alla, fejn
isaħħu l-appartenenza tagħhom.
Kull laqgħa ma’ Kristu, li fis-Sagramenti jagħtina s-salvazzjoni,
tistedinna biex “immorru” u nwasslu lill-oħrajn dik is-salvazzjoni li
stajna naraw, immissu, niltaqgħu magħha, nilqgħuha, u li tassew
hi ta’ min jemminha għax hi mħabba.
B’dan il-mod, is-Sagramenti jwassluna biex insiru missjunarji, u
l-impenn appostoliku li nwasslu l-Vanġelu f’kull ambjent, anki f’dawk
l-iżjed ostili, hu l-frott l-iżjed awtentiku ta’ ħajja
sagramentali assidwa, għax hu sehem fl-inizjattiva salvifika ta’ Alla, li
jrid iqassam is-salvazzjoni lil kulħadd.
Il-grazzja tas-Sagramenti tkabbar fina fidi qawwija u hienja, fidi li
taf tistagħġeb bl-“għeġubijiet” ta’ Alla u għandha
l-ħila tieqaf lill-idoli ta’ din id-dinja.
Għalhekk hu importanti li nersqu għat-Tqarbin, hu importanti
li t-tfal jiġu mgħammda bla dewmien, li jingħataw
il-Griżma, għax is-Sagramenti huma l-preżenza ta’ Ġesù
Kristu fina, preżenza li tgħinna.
Hu importanti li, meta nħossuna midinba, nersqu lejn is-sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni. Jaf jiġi
xi ħadd u jgħidli: “Imma nibża’, għax il-qassis sa
jagħmel għalija”. Le, m’hux sa
jagħmel għalik il-qassis; int taf ma’ min ħa tiltaqa’
fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni?
Sa tiltaqa’ ma’ Ġesù li sa jaħfirlek! Hu Ġesù li qed jistenniek fih; u dan hu
Sagrament li jibni lill-Knisja kollha.
It-tieni aspett tax-xirka mal-ħwejjeġ qaddisa hu dak tax-xirka tal-kariżmi. L-Ispirtu s-Santu jqassam lill-fidili kotra
ta’ doni u ta’ grazzji spiritwali; dan l-għana biex ngħidu hekk
“kreattiv” tad-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu qiegħed hemm biex jibni
lill-Knisja. Il-kariżmi – kelma xi
ftit tqila – huma r-rigali li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, ħiliet,
possibbiltajiet… Rigali li jingħataw mhux biex
jinżammu moħbija, imma biex naqsmuhom ma’ l-oħrajn. Ma jingħatawx għall-qligħ ta’
min jirċevihom, imma għall-bżonn tal-poplu ta’ Alla. Jekk, imma, nużaw xi kariżma, xi
rigal minn dawn, biex naffermaw lilna nfusna, għandi dubju kemm din tkun
kariżma awtentika jew kemm wieħed ikun qed jgħixha
b’fedeltà. Il-kariżmi huma grazzji
partikulari, mogħtija lil xi wħud biex jagħmlu l-ġid lil
tant oħrajn. Huma attitudnijiet, ispirazzjonijiet
u tqanqil ġewwieni, li jiġu mill-kuxjenza u mill-esperjenza ta’
persuni magħżula, li jiġu msejħa biex iħaddmuhom
għas-servizz tal-komunità. B’mod
partikulari, dawn id-doni spiritwali jitħaddmu
għall-vantaġġ tal-qdusija tal-Knisja u tal-missjoni
tagħha. Ilkoll aħna
msejħa nirrispettawhom kemm fina u kemm fl-oħrajn, nilqgħuhom
bħala inċentivi utli għal preżenza u ħidma li
tħalli l-frott fil-Knisja. San Pawl
wissa: “Ixxekklux l-Ispirtu” (1 Tess 5:19).
Ma nbarrux lill-Ispirtu
li qed jagħtina dawn ir-rigali,
dawn il-ħiliet, dawn il-virtujiet
hekk sbieħ li jkabbru lill-Knisja.
X’qed tkun l-imġiba tagħna quddiem dawn id-doni ta’ l-Ispirtu
s-Santu? Qed nagħrfu li l-Ispirtu
ta’ Alla hu liberu li jagħtihom lil min irid hu? Qed inqisuhom bħala għajnuna
spiritwali, li permezz tagħha l-Mulej iwieżen il-fidi tagħna u
jsaħħaħ il-missjoni tagħna fid-dinja?
U niġu għat-tielet aspett tax-xirka mal-ħwejjeġ qaddisa,
jiġifieri x-xirka ta’ l-imħabba,
l-għaqda ta’ bejnietna li ġġib il-karità, l-imħabba. Il-pagani, meta kienu jħarsu lejn
l-ewwel Insara, kienu jgħidu: Kemm jinħabbu bejniethom! Ma jinbagħdux, ma jpaċpċux
kontra xulxin. Din hi l-karità,
l-imħabba ta’ Alla li l-Ispirtu s-Santu jqiegħed f’qalbna. Il-kariżmi huma importanti
fil-ħajja tal-komunità Nisranija, imma jibqgħu dejjem mezzi biex
nikbru fil-karità, fl-imħabba, li San Pawl iqegħidha ’l fuq
mill-kariżmi (ara 1 Kor 13:1-13).
Fil-fatt, mingħajr l-imħabba, anki l-iżjed doni
straordinarji qegħdin hemm għalxejn; dan ir-raġel ifejjaq
in-nies, għandu din il-kwalità, dik il-virtù l-oħra… imma
f’qalbu għandu mħabba u karità?
Jekk għandu, tajjeb, imma jekk m’għandux dawn, lill-Knisja
m’hux qed jaqdiha. Mingħajr
l-imħabba dawn id-doni u kariżmi kollha l-Knisja m’għandhiex
bżonnhom, għax fejn m’hemmx l-imħabba hemm vojt li jimtela
mill-egoiżmu. U jien nistaqsi: Jekk
aħna kollha egoisti, nistgħu ngħixu fil-komunjoni u
fil-paċi? Ma nistgħux,
għalhekk hi meħtieġa l-imħabba li tgħaqqadna. Mqar l-iċken fost il-ġesti
tagħna ta’ mħabba jħalli effetti tajbin fuq kulħadd! Għalhekk, li ngħixu l-għaqda
fil-Knisja u x-xirka ta’ l-imħabba jfisser li ma nfittxux l-interess
personali tagħna, imma naqsmu fit-tbatijiet u l-ferħ ta’ ħutna
(ara 1 Kor 12:26), dejjem lesti li nerfgħu t-toqol ta’ dawk l-iżjed
dgħajfa u foqra. Din is-solidarjetà
bejn l-aħwa m’hix xi figura retorika tad-diskors, imma hi parti integrali
mix-xirka bejn l-Insara. Jekk ngħixuha,
aħna nsiru fid-dinja sinjal, “sagrament” ta’ l-imħabba ta’ Alla. Insiru hekk għal xulxin u nsiru hekk
għal kulħadd! M’aħniex
nitkellmu biss dwar dik l-imħabba komuni li nistgħu noffru
wieħed lill-ieħor, hawn qed nitkellmu fuq xi ħaġa wisq
iżjed profonda: hi xirka li tagħmilna kapaċi nidħlu
fil-ferħ u fin-niket ta’ l-oħrajn biex bil-qalb kollha
nagħmluhom tagħna wkoll.
U spiss aħna wisq xotti, indifferenti, distakkati, u minflok
nittrasmettu l-fraternità, inxerrdu l-imrar, il-bruda, l-egoiżmu. U bl-imrar, il-bruda, l-egoiżmu ma
nistgħux ngħinu l-Knisja tikber; il-Knisja tikber biss
bl-imħabba li tiġi mill-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej jistedinna ninfetħu
għall-komunjoni miegħU, fis-Sagramenti, fil-kariżmi u
fl-imħabba, biex ngħixu b’mod denn il-vokazzjoni Nisranija
tagħna!
U issa ħalluni nitlobkom att ta’ karità: serrħu raskom li m’hix
ħa ssir xi ġabra! Qabel
ġejt hawn fil-pjazza mort nara tifla ta’ sena u nofs li hi marida
serjament. Missierha u ommha qed jitolbu
lill-Mulej il-fejqan għal din it-tifla ħelwa. Jisimha Noemi. Tbissmitli, miskina! Ejjew nagħmlu att ta’ mħabba. Lilha ma nafuhiex, imma hi tifla
mgħammda, hi waħda minna, hi Nisranija. Nagħmlu att ta’ mħabba lejha u
fis-skiet nitolbu lill-Mulej jgħinha f’dan il-mument u jagħtiha
s-saħħa. Noqogħdu
fis-skiet għal ftit tal-ħin, u mbagħad nitolbu l-Ave Maria…
U issa lkoll flimkien nitolbu lill-Madonna għall-fejqan ta’
Noemi. Ave Maria… Grazzi għal
dan l-att ta’ karità.
miġjuba mit-Taljan
għall-Malti minn Francesco Pio Attard