IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 6 ta’ Mejju 2015 

Il-Familja – 13. Iż-Żwieġ (II)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq il-familja l-lum se mmissu direttament mal-ġmiel taż-żwieġ Nisrani.  Dan m’hux sempliċement ċerimonja li ssir fil-knisja, bil-fjuri, il-libsa, ir-ritratt…  Iż-żwieġ Nisrani hu sagrament li jseħħ fi ħdan il-Knisja, u li anki jsawwar il-Knisja, għax jagħti bidu għal komunità ta’ familja ġdida.

 

Dan hu li l-Appostlu Pawlu jiġbor fl-espressjoni ċelebri tiegħu: “Dan il-misteru hu kbir; qed ngħid għal Kristu u għall-Knisja” (Efes 5:32).  Imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, Pawlu jafferma li l-imħabba bejn il-miżżewġin hi xbieha ta’ l-imħabba bejn Kristu u l-Knisja.  Dinjità l-aktar għolja li bilkemm nistgħu nistħajlu.  Imma fir-realtà hi minquxa fil-pjan ħallieq ta’ Alla, u bil-grazzja ta’ Kristu għadd bla qies ta’ koppji Nsara, minkejja l-limiti tagħhom, id-dnubiet tagħhom, irnexxielhom jaslu għaliha!

 

San Pawl, hu u jitkellem fuq il-ħajja ġdida fi Kristu, jgħid li l-Insara – kollha – huma msejħa biex iħobbu lil xulxin kif ħabbhom Kristu, jiġifieri billi “joqogħdu għal xulxin” (Efes 5:21), mela għas-servizz ta’ xulxin.  U hawn idaħħal l-analoġija bejn il-koppja raġel-mara u dik ta’ Kristu-Knisja.  Bla dubju din hi analoġija imperfetta, imma għandna nilqgħu t-tifsira spiritwali tagħha li hi tabilħaqq għolja u rivoluzzjonarja, u fl-istess ħin sempliċi, hekk li kull raġel u mara li jafdaw fil-grazzja ta’ Alla jistgħu jilħquha.

 

Ir-raġel – jgħid Pawlu – għandu jħobb lil martu “bħallikieku ġismu stess” (Efes 5:28); iħobbha kif Kristu “ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha” (v. 25).  Imma intom l-irġiel li tinsabu hawn preżenti, din tifhmuha?  Li tħobbu lil martkom kif Kristu jħobb lill-Knisja?  Din m’hix xi ċajta, imma ħaġa serja!  Min jaf kemm kien enormi fi ħdan l-istess komunità Nisranija l-effett ta’ dan ir-radikaliżmu fl-għotja mitluba mir-raġel, għall-imħabba u d-dinjità tal-mara, fuq l-eżempju ta’ Kristu!

 

Din iż-żerriegħa tan-novità evanġelika, li twaqqaf mill-ġdid ir-reċiproċità oriġinarja ta’ l-għotja u tar-rispett, kibret ftit ftit tul l-istorja, imma fl-aħħar ittrijonfat.

 

Is-sagrament taż-Żwieġ hu att kbir ta’ fidi u ta’ mħabba: jixhed għall-kuraġġ li nemmnu fil-ġmiel ta’ l-att ħallieq ta’ Alla u li ngħixu dik l-imħabba li timbuttana biex immorru lil hemm, lil hemm minna nfusna u anki lil hemm mill-istess familja tagħna.  Is-sejħa Nisranija li nħobbu bla riservi u bla kejl, bil-grazzja ta’ Kristu, hi wkoll fil-bażi tal-kunsens ħieles li jsawwar iż-żwieġ.

 

Il-Knisja nfisha tħossha kollha kemm hi involuta fl-istorja ta’ kull żwieġ Nisrani: tissaħħaħ bis-suċċessi tiegħu u tbati minħabba fil-fallimenti tiegħu.  Imma jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna bis-serjetà: Aħna stess, bħala nies ta’ fidi u bħala ragħajja, qed nilqgħu b’mod sħiħ din ir-rabta indissolubbli ta’ l-istorja ta’ Kristu u tal-Knisja ma’ l-istorja taż-żwieġ u tal-familja tal-bnedmin?  Lesti li nerfgħu serjament din ir-responsabbiltà, jiġifieri li kull żwieġ għandu jimxi fit-triq ta’ l-imħabba li Kristu għandu għall-Knisja?  Kbira din!

 

F’din il-profondità tal-misteru tal-ħolqien, magħruf u mwaqqaf mill-ġdid fis-safa kollu tiegħu, jinfetaħ it-tieni xefaq kbir li jikkaratterizza s-sagrament taż-Żwieġ.  Id-deċiżjoni li “niżżewġu fil-Mulej” għandha wkoll dimensjoni missjunarja, li tfisser li jkollna f’qalbna d-disponibbiltà li permezz tal-barka ta’ Alla u tal-grazzja tal-Mulej inkunu għal kulħadd.  Fil-fatt il-miżżewġin Insara jieħdu sehem bħala miżżewġin fil-missjoni tal-Knisja.  Trid il-kuraġġ biex tagħmel dan!  Għalhekk meta jiena nsellem lill-miżżewġin ġodda, ngħidilhom: “Ara l-kuraġġjużi!”, għax trid il-kuraġġ biex tħobb kif Kristu jħobb il-Knisja.

 

Iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament ma tistax tħalli barra din il-korresponsabbiltà tal-ħajja tal-familja fil-konfront tal-missjoni għolja ta’ mħabba tal-Knisja.  U hekk il-ħajja tal-Knisja kull darba tistagħna bil-ġmiel ta’ dan il-patt bejn il-miżżewġin, l-istess kif tiftaqar kull darba li dan jisfa mbiċċer.  Il-Knisja, biex toffri lil kulħadd id-doni tal-fidi, ta’ l-imħabba u tat-tama, għandha bżonn ukoll tal-fedeltà kuraġġjuża tal-miżżewġin għall-grazzja tas-sagrament tagħhom!  Il-poplu ta’ Alla għandu bżonn tal-mixja tagħhom ta’ kuljum fil-fidi, fl-imħabba u fit-tama, bil-ferħ u n-niket kollu li din il-mixja ġġib magħha fil-ħajja miżżewġa u fil-familja.

 

Ir-rotta hekk hi mmarkata għal dejjem, hi r-rotta ta’ l-imħabba: inħobbu lil xulxin kif iħobb Alla, għal dejjem.  Kristu ma jehda qatt jieħu ħsieb tal-Knisja: iħobbha dejjem, iħarisha dejjem, qisha kienet ġismu stess.  Kristu ma jieqaf qatt inaddaf minn fuq wiċċ il-bniedem it-tbajja’ u t-tikmix ta’ kull għamla.  Kemm iqanqalna u kemm hu sabiħ dan ir-raġġ leqqieni tal-qawwa u l-ħlewwa ta’ Alla li jgħaddi minn koppja għal koppja, minn familja għal familja.  Għandu raġun San Pawl: dan hu tabilħaqq “misteru kbir”!  Raġel u mara, kuraġġjużi biżżejjed biex iġorru dan it-teżor fil-“ġarar tal-fuħħar” ta’ l-umanità tagħna, huma – dawn l-irġiel u nisa hekk qalbiena – riżorsa essenzjali għall-Knisja, u għad-dinja kollha!  Għal dan, Alla jberikhom għal elf darba!

 

 

 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard