Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra għamilt il-vjaġġ appostoliku tiegħi fil-Ġorġja u l-Ażerbajġan. Niżżi ħajr lil Alla li tani l-opportunità u nġedded l-espressjoni tar-rikonixximent tiegħi lejn l-Awtoritajiet ċivili u relġjużi ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, b’mod partikulari lill-Patrijarka tal-Ġorġja kollha Ilia II – ix-xhieda tiegħu għamlitli ħafna ġid f’qalbi u f’ruħi – u lix-Xejk tal-Musulmani tal-Kawkasu. Grazzi wkoll lil ħuti l-Isqfijiet, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi u lill-fidili kollha li wrewni l-imħabba kollha tagħhom.

 

Dan il-vjaġġ kompla ma’ dak li għamilt fl-Armenja, fix-xahar ta’ Ġunju. Hekk, għall-grazzja ta’ Alla, stajt nara jseħħ il-pjan tiegħi li nżur dawn it-tliet pajjiżi Kawkażiċi, biex inwettaq lill-Knisja Kattolika li tgħix fihom u biex nagħmel il-qalb lil dawn il-popli fil-mixja tagħhom lejn il-paċi u l-imħabba tal-aħwa. Dan juruh ukoll iż-żewġ motti ta’ dan l-aħħar vjaġġ: għall-Ġorġja “Pax vobis” u għall-Ażerbajġan “Aħna lkoll aħwa”.

 

Dawn il-pajjiżi t-tnejn għandhom għeruq storiċi, kulturali u reliġjużi qodma ħafna, imma fl-istess waqt għaddejjin minn fażi ġdida: fil-fatt, it-tnejn din is-sena qed jiċċelebraw il-ħamsa u għoxrin sena mill-indipendenza tagħhom, billi għall-parti l-kbira tas-seklu għoxrin kienu taħt ir-reġim Sovjetiku. U f’din il-fażi huma qed jiltaqgħu ma’ bosta diffikultajiet fid-diversi oqsma tal-ħajja soċjali. Il-Knisja Kattolika tħossha msejħa tkun preżenti, tkun qrib, speċjalment fis-sinjal tal-imħabba u tal-promozzjoni umana; u hi tfittex li tagħmel dan f’komunjoni mal-Knejjes u l-Komunitajiet Insara l-oħra u fi djalogu mal-komunitajiet reliġjużi l-oħra, fiċ-ċertezza li Alla hu Missier ta’ kulħadd u li aħna lkoll aħwa.

 

Fil-Ġorġja din il-missjoni naturalment tgħaddi mill-kollaborazzjoni mal-aħwa Ortodossi, li jiffurmaw il-parti l-kbira tal-popolazzjoni. Għalhekk kien sinjal importanti ħafna l-fatt li meta wasalt Tbilisi sibt jilqagħni l-Ajruport, flimkien mal-President tar-Repubblika, anki lill-meqjum Patrijarka Ilia II. Il-laqgħa tiegħi miegħu dakinhar filgħaxija kienet waħda kommoventi, kif kienet ukoll l-għada ż-żjara fil-Katidral Patrijarkali, fejn hi meqjuma r-relikwa tat-tunika ta’ Kristu, simbolu tal-għaqda tal-Knisja. Din l-għaqda hi kkonfermata mid-demm ta’ tant martri tad-diversi konfessjonijiet Insara. Fost l-iktar komunitajiet imġarrba hemm dik Siro-Kaldeja, li magħha f’Tbilisi għext mument qawwi ħafna ta’ talb għall-paċi fis-Sirja, l-Iraq u fil-Lvant Nofsani kollu.

 

Il-Quddiesa mal-fidili Kattoliċi fil-Ġorġja – Latini, Armeni u Siro-Kaldej – kienet iċċelebrata nhar it-tifkira ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Patruna tal-Missjonijiet: hi tfakkarna li l-vera missjoni qatt mhi proselitiżmu, imma attrazzjoni lejn Kristu li tibda mill-għaqda qawwija miegħu fit-talb, fl-adorazzjoni u fl-imħabba konkreta, li hi qadi lil Ġesù preżenti fl-iżgħar fost l-aħwa. Dan hu li jagħmlu r-reliġjużi li ltqajt magħhom f’Tbilisi, u mbagħad anki f’Baku: jagħmluh bit-talb u bl-opri ta’ karità u promozzjoni umana. Qawwejtilhom qalbhom biex jibqgħu sħaħ fil-fidi, b’memorja, kuraġġ u tama. U mbagħad hemm il-familji Nsara: kemm hi prezzjuża l-preżenza tagħhom li biha jilqgħu, isieħbu, jiddixxernu u jintegraw oħrajn fil-komunità!

 

Dan l-istil ta’ preżenza evanġelika bħala żerriegħa tas-Saltna ta’ Alla hu, possibbilment, iktar u iktar meħtieġ fl-Ażerbajġan, fejn il-parti l-kbira tal-popolazzjoni hi Musulmana u l-Kattoliċi huma ftit mijiet, imma għall-grazzja ta’ Alla għandhom relazzjonijiet tajba ma’ kulħadd, b’mod partikulari jżommu rabtiet ta’ aħwa mal-Insara Ortodossi. Għalhekk f’Baku, kapitali tal-Ażerbajġan, għexna żewġ mumenti li l-fidi taf iżżomm f’relazzjoni tajba: l-Ewkaristija u l-laqgħa interreliġjuża. L-Ewkaristija mal-komunità Kattolika ċkejkna, fejn l-Ispirtu jarmonizza d-diversi ilsna u jagħti l-qawwa tax-xhieda; u din il-komunjoni fi Kristu mhux talli ma żżommniex, imma tridna nfittxu l-laqgħa u d-djalogu ma’ dawk kollha li jemmnu f’Alla, biex nibnu flimkien dinja iżjed ġusta u fraterna. F’din il-perspettiva, dort fuq l-Aworitajiet tal-Ażerbajġan u awgurajtilhom li l-kwistjonijiet miftuħa jistgħu jsibu soluzzjonijiet tajba u l-popli kollha tal-Kawkasu jaslu biex jgħixu fil-paċi u fir-rispett lejn xulxin.

 

Alla jbierek lill-Armenja, lill-Ġorġja u lill-Ażerbajġan, u jsieħeb il-mixja tal-poplu qaddis tiegħu pellegrin f’dawk il-pajjiżi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard