IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 5 ta’ April 2017

 

It-Tama Nisranija

17. Nagħtu raġuni tat-tama li hemm fina (ara 1 Pt 3:8-17)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

L-Ewwel Ittra tal-Appostlu Pietru fiha kontenut straordinarju! Triq taqraha għal darba, darbtejn, tlieta biex tifhmu, dan il-kontenut straordinarju: għandha mod kif tagħti faraġ u sliem kbir, kif tfehimna li l-Mulej hu dejjem qrib tagħna u ma jitlaqna qatt waħidna, fuq kollox fis-sitwazzjonijiet l-iżjed delikati u ibsin tal-ħajja tagħna. Imma liema hu s-“sigriet” ta’ din l-Ittra, u b’mod partikulari tas-silta li għadna kemm smajna (ara 1 Pt 3:8-17)? Din hi l-mistoqsija. Naf li llum intom sa taqbdu t-Testment il-Ġdid, tfittxu l-Ewwel Ittra ta’ Pietru u taqrawha bil-mod il-mod, biex tifhmu s-sigriet u l-qawwa ta’ din l-Ittra. Liema hu s-sigriet ta’ din l-Ittra?

 

1. Is-sigriet qiegħed fil-fatt li din il-kitba tniżżel l-għeruq tagħha direttament fl-Għid, fil-qalba tal-misteru li wasalna biex niċċelebraw, u hekk tgħinna nifhmu d-dawl u l-hena kollha li joħorġu mill-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Kristu qam tassew, u din hi tislima sabiħa li nistgħu nagħtu lil xulxin nhar l-Għid: “Kristu qam! Kristu qam!”, kif jagħmlu ħafna popli. Infakkru lil xulxin li Kristu qam, hu ħaj fostna, hu ħaj u jgħammar f’kull wieħed u waħda minna. Hu għalhekk li San Pietru jistedinna nqimuh fi qlubna (ara v. 16). Hemm il-Mulej daħal jgħammar fil-waqt tal-Magħmudija tagħna, u minn hemm jissokta jġedded lilna u l-ħajja tagħna, u jimliena bl-imħabba tiegħu u bil-milja tal-Ispirtu tiegħu. Hekk hu allura għaliex l-Appostlu jirrikkmandalna nagħtu raġuni tat-tama li hemm fina (ara v. 16): it-tama tagħna mhijiex xi kunċett, mhix sentiment, mhix mowbajl, mhix ġabra ta’ għana! It-tama tagħna hi Persuna, hu l-Mulej Ġesù li aħna nagħrfuh ħaj u preżenti fina u f’ħutna, għax Kristu qam. Il-popli Slavi meta jsellmu lil xulxin, flok jgħidu “l-għodwa t-tajba”, “il-lejl it-tajjeb”, fil-jiem tal-Għid isellmu lil xulxin bit-tislima “Kristu qam!”, Christos voskrese!” jgħidu lil xulxin; u jieħdu gost jgħiduha! U din hi “l-għodwa t-tajba” u “l-lejl it-tajjeb” li jagħtu lil xulxin: “Kristu qam!”.

 

2. Nifhmu allura li din it-tama ma nistgħux tant nagħtu raġuni tagħha fuq livell teoriku, bil-kliem, imma fuq kollox bix-xhieda ta’ ħajjitna, u dan kemm fi ħdan il-komunità Nisranija, u kemm barra minnha. Jekk Kristu hu ħaj u jgħammar fina, fil-qalb tagħna, allura jeħtieġ anki nħalluh jidher, ma naħbuhx, u jaġixxi fina. Dan ifisser li l-Mulej Ġesù għandu jsir dejjem iżjed il-mudell tagħna: mudell ta’ ħajja u li aħna għandna nitgħallmu nġibu ruħna kif ġab ruħu hu. Nagħmlu dak li kien jagħmel Ġesù. It-tama li tgħammar fina, għalhekk, ma tistax tibqa’ moħbija fina, fil-qalb tagħna: tkun tama dgħajfa, li m’għandhiex il-kuraġġ toħroġ barra u turi ruħha; imma t-tama tagħna, kif joħroġ mis-Salm 33 ikkwotat minn Pietru, bil-fors trid toħroġ barra, tieħu l-għamla bnina u li ma tistax tifxilha tal-ħlewwa, tar-rispett, tat-tjieba mal-proxxmu, u tasal saħansitra biex taħfer lil min jagħmlilna d-deni. Persuna bla tama ma jirnexxilhiex taħfer, ma jirnexxilhiex tagħti l-faraġ tal-maħfra u ssib il-faraġ li taħfer. Iva, għax hekk għamel Ġesù, u hekk jibqa’ jagħmel permezz ta’ dawk li jagħmlulu wisa’ fil-qalb tagħhom u fil-ħajja tagħhom, għax jafu li l-ħażen ma tistax tirbħu bil-ħażen, imma bl-umiltà, il-ħniena u t-tjieba. Il-mafjużi jaħsbu li l-ħażen tista’ tirbħu bil-ħażen, u hekk jagħmlu vendetta u jagħmlu tant ħwejjeġ li kollha nafu x’inhuma. Imma ma jafux x’inhuma l-umiltà, il-ħniena u t-tjieba. U għaliex? Għax il-mafjużi ma għandhomx tama. Aħsbu f’dan.

 

3. Araw għaliex San Pietru jafferma li “aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin” (v. 17): ma jridx jgħid li ħaġa sewwa tbati, imma li, meta nbatu għal xi ħaġa tajba, inkunu f’komunjoni mal-Mulej, li aċċetta li jbati u li jiġi msammar ma’ salib għas-salvazzjoni tagħna. Allura meta aħna wkoll, fl-iktar sitwazzjonijiet ċkejknin jew kbar tal-ħajja tagħna, naċċettaw li nbatu għat-tajjeb, inkunu qisna qed inqassmu madwarna żerriegħa tal-qawmien, żerriegħa tal-ħajja, u fid-dalma nagħmlu jiddi d-dawl tal-Għid. Għalhekk l-Appostlu jistedinna nwieġbu dejjem “bil-barka” (v. 9):  il-barka mhix formalità, mhix biss sinjal ta’ kortesija, imma hi don kbir li aħna l-ewwel irċivejnieh u li għandna l-possibbiltà li naqsmu ma’ ħutna. Hi t-tħabbira tal-imħabba ta’ Alla, imħabba bla qies, li ma tispiċċax, li qatt ma tonqos u li hi l-bażi vera tat-tama tagħna.

 

Għeżież ħbieb, nifhmu wkoll għaliex l-Appostlu Pietru jsejħilna “hienja”, meta nbatu għall-ġustizzja (ara v. 13). Mhux biss għal raġuni morali jew axxetika, imma għax kull darba li aħna noqogħdu l-aħħar u ma’ min hu mwarrab jew meta ma nweġbux b’ħażen għall-ħażen, imma naħfru, bla vendetta, billi naħfru u nbierku, kull darba li nagħmlu dan aħna nilmaw bħala sinjali ħajjin u dawwala ta’ tama, u hekk insiru strument ta’ faraġ u ta’ sliem, skont il-qalb ta’ Alla. U hekk nibqgħu mexjin bil-ħlewwa, it-tjieba, bl-imħabba u billi nagħmlu l-ġid anki lil dawk li ma jħobbuniex, jew li jagħmlulna d-deni. Ejjew nimxu!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard