Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

 

Il-lum, l-Erbgħa tar-Rmied, tibda l-mixja ta’ erbgħin jum tar-Randan li twassalna għat-Tridu ta’ l-Għid, it-tifkira tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej, li hi l-qalba tas-salvazzjoni tagħna.  Ir-Randan iħejjina għal dan il-mument tant importanti, għalhekk hu żmien “qawwi”, mument speċjali li jsejħilna għall-bidla, għall-konverżjoni.  Kollha kemm aħna għandna bżonn nitjiebu, insiru aħjar.  Ir-Randan jgħinna noħorġu mid-drawwiet għajjiena tagħna u mit-telqa tal-vizzji ħżiena li ħakmitna.  Fi żmien ir-Randan il-Knisja tagħmlilna żewġ stediniet: biex nagħrfu b’mod iżjed ħaj il-ħidma feddejja ta’ Kristu; u ngħixu b’iżjed impenn il-Magħmudija tagħna.

 

L-għarfien tal-ħwejjeġ kbar li għamel il-Mulej għas-salvazzjoni tagħna jqiegħed il-ħsieb u l-qalb tagħna f’atteġġjament ta’ gratitudni lejn Alla, għal dak kollu li Hu tana, għal dak kollu li jwettaq għall-Poplu tiegħu u għall-bnedmin kollha.  Minn hawn titlaq il-konverżjoni tagħna: hi t-tweġiba rikonoxxenti għall-misteru kollu ġmiel ta’ l-imħabba ta’ Alla.  Meta nilmħu din l-imħabba li Alla għandu għalina, inħossu fina x-xewqa li nersqu lejH: din hi l-konverżjoni.

 

Ngħixu l-Magħmudija fil-fond tat-tifsira tagħha – din hi t-tieni stedina – ifisser ukoll li ma nidrawx is-sitwazzjonijiet ta’ telqa u ta’ miżerja li niltaqgħu magħhom aħna u nimxu fit-toroq tal-bliet u l-irħula tagħna.  Hemm ir-riskju li naċċettaw passivament ċerti mġibiet u li ma nibqgħux nistagħġbu quddiem ir-realtajiet ta’ swied il-qalb li għandna madwarna.  Nidraw il-vjolenza, bħallikieku kienet aħbar ta’ kuljum li tistenniha; nidraw lil ħutna rġiel u nisa li qed jorqdu fit-toroq, li m’għandhomx saqaf taħt xiex jistkennu.  Nidraw ir-refuġjati li qed ifittxu libertà u dinjità, li m’humiex qed jiġu milqugħa kif imiss.  Nidraw ngħixu f’soċjetà li tippretendi li tista’ tgħaddi mingħajr Alla, li fiha l-ġenituri la għadhom jgħallmu lil uliedhom jitolbu u lanqas iroddu s-sinjal tas-salib.  Nistaqsikom: Uliedkom, it-tfal tagħkom jafu jroddu s-sinjal tas-salib?  Aħsbu ftit.  In-neputijiet tagħkom jafu jroddu s-sinjal tas-salib?  Għallimtuhulhom?  Aħsbu u wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fil-qalb tagħkom.  Jafu jitolbu l-Missierna?  Jafu jitolbu lill-Madonna bis-Sliema?  Aħsbu u wieġbu?  Itteħidna minn imġibiet li m’huma xejn Insara u minn telqa li qed tmewtilna qalbna!

 

Ir-Randan jasal għandna bħala ż-żmien providenzjali biex nibdlu r-rotta, biex nerġgħu niksbu l-ħila li nirreaġixxu quddiem ir-realtajiet tal-ħażen li dejjem huma sfida għalina.  Ir-Randan għandna ngħixuh bħala żmien ta’ konverżjoni, ta’ tiġdid personali u komunitarju billi nersqu lejn Alla u kollna fiduċja nwieġbu għas-sejħa tal-Vanġelu.  B’dan il-mod inkunu nistgħu anki nħarsu b’għajnejn ġodda lejn ħutna u l-ħtiġijiet tagħhom.  Għalhekk ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex induru lura lejn l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu; imħabba li taf tagħmel tagħha l-atteġġjement ta’ għotja b’xejn u ta’ ħniena tal-Mulej, li “ftaqar hu biex bil-faqar tiegħu nistagħnu aħna” (ara 2 Kor 8:9).  Aħna u nimmeditaw il-misteri ewlenin tal-fidi tagħna, il-Passjoni, is-Salib u l-Qawmien ta’ Kristu, nintebħu li d-don bla qies tal-Fidwa ngħatalna b’xejn minn Alla għax ried hu.

 

Radd il-ħajr lil Alla għall-misteru ta’ mħabbtu fuq is-Salib; fidi awtentika, konverżjoni u qalb miftuħa għall-aħwa: dawn huma elementi essenzjali biex nistgħu ngħixu żmien ir-Randan.  F’din il-mixja, insejħu b’fiduċja partikulari l-ħarsien u l-għajnuna tal-Verġni Marija: ħa tkun Hi, dik li emmnet l-ewwel fi Kristu, li sseħibna fil-jiem ta’ talb qawwi u ta’ penitenza, biex, imsoffijin u mġedda fl-ispirtu, naslu biex niċċelebraw il-misteru kbir ta’ l-Għid ta’ Binha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard